28.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 190/69


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-20 ta' Ġunju 2014

li tirrevoka d-Deċiżjoni 2010/284/UE dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv fir-Repubblika Ċeka

(2014/405/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 126(12) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fit-2 ta' Diċembru 2009, fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill iddeċieda, permezz tad-Deċiżjoni 2010/284/UE (1), li li fir-Repubblika Ċeka kien jeżisti defiċit eċċessiv. Il-Kunsill innota li d-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika ppjanat għall-2009 kien ta' 6,6 % tal-PDG, u għalhekk iktar mill-valur ta' referenza ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat, filwaqt li d-dejn pubbliku gross kien ippjanat li jilħaq il-35,5 % tal-PDG fl-2009, ħafna inqas mill-valur ta' referenza ta' 60 % tal-PDG skont it-Trattat. Id-defiċit u d-dejn tal-amministrazzjoni pubblika għall-2009 ġew irreveduti sussegwentement għal 5,8 % u 34,6 % tal-PDG rispettivament.

(2)

Fit-2 ta' Diċembru 2009, skont l-Artikolu 126(7) tat-TFUE u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 (2), il-Kunsill, abbażi ta' rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, bagħat rakkomandazzjoni lir-Repubblika Ċeka bil-għan li s-sitwazzjoni tad-defiċit eċċessiv tinġieb fi tmiemha sa mhux aktar tard mill-2013. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ġiet ippubblikata.

(3)

Skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll dwar il-proċedura ta' defiċit eċċessiv anness mat-Trattati, il-Kummissjoni tipprovdi d-dejta għall-implimentazzjoni ta' din il-proċedura. Bħala parti mill-applikazzjoni ta' dan il-Protokoll, l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw dejta dwar id-defiċit u d-dejn tal-gvern tagħhom kif ukoll dwar varjabbli assoċjati oħra darbtejn fis-sena, jiġifieri qabel l-1 ta' April u qabel l-1 ta' Ottubru, skont Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 (3).

(4)

Meta jiġi biex jikkunsidra jekk deċiżjoni dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv għandhiex tiġi revokata, il-Kunsill għandu jieħu deċiżjoni abbażi tad-dejta notifikata. Barra minn hekk, deċiżjoni dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv għandha titħassar biss jekk it-tbassir tal-Kummissjoni jindika li d-defiċit ma jkunx se jaqbeż it-3 % tal-valur ta' referenza tal-PDG skont it-Trattat tul il-perjodu ta' tbassir (4).

(5)

Abbażi tad-dejta pprovduta mill-Kummissjoni (Eurostat) skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 479/2009 wara n-notifika mir-Repubblika Ċeka qabel l-1 ta' April 2014, u abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-2014 tas-servizzi tal-Kummissjoni, il-konklużjonijiet li ġejjin huma ġġustifikati:

Wara li laħaq l-ogħla livell tiegħu, 5,8 % tal-PDG, fl-2009, id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika fir-Repubblika Ċeka tnaqqas u laħaq 1,5 % tal-PDG fl-2013, li kienet l-iskadenza stipulata mill-Kunsill. Dan it-titjib kien dovut għall-konsolidazzjoni kemm fuq l-infiq u kemm fuq l-introjtu, b'mod partikulari b'żidiet fit-tassazzjoni indiretta u tnaqqis fl-investiment pubbliku.

Il-Programm ta' Konverġenza tal-2014 tar-Repubblika Ċeka jbassar li d-defiċit pubbliku se jiżdied sa 1,8 % tal-PDG fl-2014, u sa 2,3 % tal-PDG fl-2015, filwaqt li t-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni għar-rebbiegħa tal-2014 ibassar li d-defiċit pubbliku jilħaq 1,9 % tal-PDG fl-2014 u 2,4 % tal-PDG fl-2015, abbażi ta' suppożizzjoni ta' ebda bidla politika. B'hekk, id-defiċit mistenni li jibqa' taħt il-valur ta' referenza ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat matul il-perjodu ta' tbassir.

Il-bilanċ strutturali, jiġifieri l-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika aġġustat għaċ-ċiklu ekonomiku u għall-ammont nett minn miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħrajn, ittejjeb b'medja ta' 1,4 % tal-PDG kull sena fil-perjodu bejn l-2010 u l-2013. Huwa mbassar li dan il-bilanċ se jmur lura b'1 % tal-PDG fl-2014 (sa -1.1 % tal-PDG) u b'0,8 % tal-PDG aktar fl-2015, abbażi ta' suppożizzjoni ta' ebda bidla fil-politika.

Il-proporzjon bejn id-dejn u l-PDG żdied bi 11,5 punti perċentwali bejn l-2009 u l-2013 għal 46 %. It-tbassir tar-rebbiegħa tal-2014 tas-servizzi tal-Kummissjoni jbassar li d-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika ser jonqos b'mod temporanju għal 44,4 % tal-PDG fl-2014, u li wara dan jiżdied għal 45,8 % tal-PDG fl-2015.

(6)

Il-Kunsill ifakkar li, mill-2014, li hija s-sena ta' wara dik li fiha saret il--korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, ir-Repubblika Ċeka hija soġġetta għall-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, u għandha żżomm il-bilanċ strutturali tagħha fl-objettiv fuq terminu baġitarju medju tagħha jew 'il fuq minnha.

(7)

Skont l-Artikolu 126(12) tat-Trattat, Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv għandha tiġi revokata meta, fil-fehma tal-Kunsill, tkun saret korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv fl-Istat Membru kkonċernat.

(8)

Fil-fehma tal-Kunsill, id-defiċit eċċessiv fir-Repubblika Ċeka ġie kkoreġut u d-Deċiżjoni 2010/284/UE għalhekk għandha tiġi revokata,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Minn valutazzjoni globali jsegwi li s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv fir-Repubblika Ċeka ġiet ikkorreġuta.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni 2010/284/UE hija b'dan revokata.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ċeka.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-20 ta' Ġunju 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

G. A. HARDOUVELIS


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/284/UE tat-2 ta' Diċembru 2009 dwar l-eżistenza ta' żbilanċ eċċessiv fir-Repubblika Ċeka (ĠU L 125, 21.5.2010, p. 36).

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6).

(3)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 tal-25 ta' Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea (ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1).

(4)  B'konformità ma' “Speċifikazzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u l-Linji Gwida dwar il-format u l-kontenut ta' Programmi ta' Stabbiltà u Konverġenza”, tat-3 ta' Settembru 2012. Ara: http://ec.europa.eu/economy_finance/economic_governance/sgp/pdf/coc/code_of_conduct_en.pdf