21.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 182/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL Nru 376/2014/UE

tat-12 ta' Ġunju 2014

li tawtorizza lill-Portugall japplika rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa fir-reġjun awtonomu tal-Madejra fir-rigward ta' rum u likuri prodotti u kkonsmati lokalment u fir-reġjun awtonomu tal-Ażores fir-rigward ta' likuri u eaux-de-vie prodotti u kkonsmati lokalment

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 349 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Filwaqt li jaġixxi f'konformità ma' proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/831/KE (1), adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 299(2) tat-Trattat tal-KE (issal-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), awtorizzat lill-Portugall japplika rata mnaqqsa ta' dazju tas-sisa fir-reġjun awtonomu tal-Madejra fuq rum u likuri prodotti u kkonsmati lokalment u fir-reġjun awtonomu tal-Ażores fir-rigward ta' likuri u eaux-de-vie prodotti u kkonsmati lokalment, li tista' tkun anqas mir-rata minima tad-dazju tas-sisa stabbilita mid-Direttiva tal-Kunsill 92/84/KEE (2) iżda ta' mhux aktar minn 75 % inqas mir-rata tad-dazju tas-sisa normali nazzjonali fuq l-alkoħol.

(2)

Fit-30 ta' Lulju 2013, l-awtoritajiet Portugiżi talbu lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li testendi d-Deċiżjoni 2009/831/KE, taħt l-istess kundizzjonijiet, sal-31 ta' Diċembru 2020. Din it-talba kienet immodifikata fid-19 ta' Novembru 2013, meta l-Portugall talab estensjoni tad-Deċiżjoni 2009/831/KE għal sitt xhur sat-30 ta' Ġunju 2014 biex tikkoinċidi mal-linji gwida dwar l-għajnuna reġjonali attwali li tkun segwita minn estensjoni ġdida li tkopri l-perjodu mill-1 ta' Lulju 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020.

(3)

L-għoti tal-awtorizzazzjoni l-ġdida huwa ġġustifikat sabiex ikun evitat li jitpoġġa fil-periklu l-iżvilupp ta' dawk ir-reġjuni ultra-periferiċi. Minħabba li dawn ir-reġjuni iħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet biex jesportaw 'il barra mit-territorju tagħhom, dawk il-prodotti jistgħu jinbigħu biss fis-swieq reġjonali.

(4)

Fir-reġjuni awtonomi tal-Ażores u Madejra, materjali mhux ipproċessati ta' oriġini agrikolu huma ogħla milli kienu jkunu taħt kundizzjonijiet ta' produzzjoni normali, minħabba d-daqs żgħir, in-natura fframmentata u l-mekkanizzazzjoni baxxa tal-impriżi agrikoli. Fil-każ tal-Madejra, barra minn hekk, l-eżitu mill-ipproċessar tal-kannamieli huwa inqas minn dak ta' reġjuni ultra-periferiċi oħra, minħabba t-topografija, il-klima, il-ħamrija u l-produzzjoni artiġjanali. It-trasport lejn il-ġżejjer ta' ċerti materjali mhux ipproċessati u ta' imballaġġ li ma ġewx prodotti lokalment iwassal għal spejjeż addizzjonali, meta mqabbel mat-trasport tal-prodott finali biss. Fil-każ tal-Ażores, l-insularità hija doppja, peress li l-gżejjer huma mifruxin fuq żona kbira. It-trasport u l-installazzjoni tat-tagħmir f'dawk ir-reġjuni mbegħdin u insulari jkomplu jżidu l-ispejjeż addizzjonali. L-istess japplika għal ċerti żjarat u konsenji minn fuq il-baħar neċessarji lejn l-art prinċipali. Jinqalgħu wkoll spejjeż addizzjonali għall-ħażna tal-prodotti finali minħabba li l-konsum lokali mhuwiex kapaċi jassorbi l-produzzjoni hekk kif din isseħħ, iżda jsir gradwalment matul is-sena. Iċ-ċokon tas-suq reġjonali jżid l-ispejjeż għal kull unità f'diversi modi, notevolment permezz ta' relazzjonijiet mhux favorevoli bejn l-ispejjeż fissi u l-eżitu, kemm fir-rigward tat-tagħmir kif ukoll tal-ispejjeż li jridu jsiru biex jintlaħħqu n-normi ambjentali. Barra minn hekk, il-produtturi tar-rum fil-Madejra huma obbligati li jittrattaw l-iskart li jirriżulta mill-ipproċessar tal-kannamieli, filwaqt li produtturi li jinsabu f'reġjuni oħra jistgħu jirreċiklaw dawk il-prodotti. Fl-aħħar nett, il-produtturi kkonċernati jħallsu wkoll spejjeż żejda li ġeneralment ibatu l-ekonomiji lokali, b'mod partikolari, żieda fi spejjeż marbutin max-xogħol u mal-enerġija.

(5)

Il-kalkoli ddettaljati provduti fir-rapporti msemmija fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2009/831/KE jikkonfermaw li t-tnaqqis ta' 75 % tar-rata tad-dazju tas-sisa ma jpattix kompletament għall-iżvantaġġ kompetittiv li x-xorb alkoħoliku ddistillat prodott fil-Madejra u l-Ażores jiffaċċjaw bħala riżultat ta' spejjeż ta' produzzjoni u ta' kummerċjalizzazzjoni ogħla. Għalhekk, it-tnaqqis fir-rata tad-dazju tas-sisa għandu jibqa' jkun awtorizzat fil-livell mitlub.

(6)

Analiżi akkurata tas-sitwazzjoni tikkonferma li huwa essenzjali li t-talba tal-Portugall tintlaqa' sabiex jiġi żgurat li l-industrija tal-alkoħol tinżamm vijabbli fir-reġjuni ultra-periferiċi.

(7)

Ladarba l-vantaġġ fit-taxxa huwa limitat għal dak li huwa neċessarju biex ipatti għall-ispejjeż addizzjonali u peress li l-volumi kkonċernati huma modesti u l-vantaġġ fit-taxxa huwa limitat għall-konsum fir-reġjuni kkonċernati, il-miżura ma' tpoġġix fil-periklu l-integrità u l-koerenza tal-ordni legali tal-Unjoni.

(8)

Il-preżentazzjoni ta' rapport intermedju għandha tintalab, sabiex il-Kummissjoni tkun tista' teżamina jekk il-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw l-għotja ta' deroga bħal din għadhomx relevanti.

(9)

Din id-Deċiżjoni hija bla ħsara għall-applikazzjoni possibbli tal-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B'deroga mill-Artikolu 110 tat-TFUE, il-Portugall b'dan huwa awtorizzat li japplika rata tad-dazju tas-sisa aktar baxxa mir-rata massima imposta fuq l-alkoħol stabbilita fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 92/84/KEE fir-reġjun awtonomu tal-Madejra, fir-rigward ta' likuri u rum prodotti u kkonsmati lokalment, u fir-reġjun awtonomu tal-Ażores, fir-rigward ta' likuri u eaux-de-vie prodotti u kkonsmati lokalment.

Artikolu 2

Id-deroga msemmija fl-Artikolu 1 għandha tkun limitata:

1.

fil-Madejra

(a)

għal rum kif iddefinit fil-kategorija 1 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li għandu l-indikazzjoni ġeografika “Rum da Madeira” msemmija fil-kategorija 1 tal-Anness III ta' dak ir-Regolament,

(b)

għal likuri u “crème de” kif iddefiniti fil-kategoriji 32 u 33 rispettivament tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 li huma magħmulin minn frott jew pjanti reġjonali;

2.

fl-Ażores

(a)

għal likuri u “crème de” kif iddefiniti fil-kategoriji 32 u 33 rispettivament tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 li huma magħmulin minn frott jew materjali mhux ipproċessati reġjonali,

(b)

għal eaux-de-vie magħmul mill-inbid jew mill-ħliefa tal-għeneb li għandu l-karatteristiċi u l-kwalitajiet definiti fil-kategoriji 4 u 6 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 110/2008.

Artikolu 3

Ir-rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa applikabbli fir-rigward ta' dawn il-prodotti msemmijin fl-Artikolu 1 tista' tkun anqas mir-rata minima tas-sisa fuq l-akoħol stipulata mid-Direttiva 92/84/KEE, iżda ma tistax tkun iktar minn 75 % inqas mid-dazju tas-sisa nazzjonali normali fuq l-akoħol.

Artikolu 4

Sa mhux aktar tard mit-30 ta' Settembru 2017, il-Portugall għandu jibgħat rapport lill-Kummissjoni biex tkun tista' tevalwa jekk ir-raġunijiet li ġġustifikaw l-għotja tar-rata mnaqqsa għadhomx jeżistu.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Lulju 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Portugiża.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-12 ta' Ġunju 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

Y. MANIATIS


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/831/KE tal-10 ta' Novembru 2009 li tawtorizza lill-Portugall japplika rata mnaqqsa tat-taxxa tas-sisa fir-reġjun awtonomu tal-Madejra fuq rum u likuri prodotti u kkonsmati lokalment u fir-reġjun awtonomu tal-Ażores fuq likuri u eaux-de-vie prodotti u kkonsmati lokalment (ĠU L 297, 13.11.2009, p. 9).

(2)  Direttiva tal-Kunsill 92/84/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992 dwar l-approssimazzjoni tar-rati tad-dazju tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (ĠU L 316, 31.10.1992, p. 29).

(3)  Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi, ta' xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89 (ĠU L 39, 13.2.2008, p. 16).