19.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 179/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-13 ta' Mejju 2014

dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u l-Unjoni tal-Komoros li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija fis-tas-Sajd fis-seħħ bejn iż-żewġ Partijiet

(2014/369/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) u l-Artikolu 218(7) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Wara l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Fil-5 ta' Ottubur 2006, il-Kunsill approva l-Ftehim ta' Sħubija fis-tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u l-Unjoni tal-Komoros (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-“Ftehim ta' Sħubija”) permezz tad-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1563/2006 (1).

(2)

L-Unjoni Ewropea nnegozjat protokoll ġdid għal dan il-Ftehim ta' Sħubija mal-Unjoni tal-Komoros li jagħti opportunitajiet ta' sajd lil bastimenti tas-sajd tal-Unjoni Ewropea fl-ilmijiet tal-Komoros.

(3)

Dan il-Protokoll il-ġdid ġie ffirmat abbażi tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/786/UE (2) u japplika provviżorjament mill-1 ta' Jannar 2014.

(4)

Huwa fl-interess tal-Unjoni Ewropea li timplimenta l-Ftehim ta' sħubija, permezz ta' Protokoll li jistabbilixxi l-possibbiltajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja relatata u li jiddefinixxi l-kundizzjonijiet tal-promozzjoni ta' sajd responsabbli u sostenibbli fl-ilmijiet tal-Komoros.

(5)

Il-Ftehim ta' Sħubija jistabbilixxi Kumitat Konġunt li huwa responsabbli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim. Barra minn hekk, f'konformità mal-Protokoll, il-Kumitat Konġunt jista' japprova ċerti modifiki għall-Protokoll. Sabiex tkun iffaċilitata l-approvazzjoni ta' dawn il-modifiki, huwa adatt li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa, soġġett għal kondizzjonijiet speċifiċi, biex tapprovahom skont proċedura ssimplifikata.

(6)

Huwa xieraq li dan il-Protokoll il-ġdid jiġi approvat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u l-Unjoni tal-Komoros li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti mill-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u l-Unjoni tal-Komoros (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-“Protokoll”) huwa approvat f'isem l-Unjoni Ewropea (3).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jipproċedi, f'isem l-Unjoni Ewropea, bin-notifika prevista fl-Artikolu 14 tal-Protokoll.

Artikolu 3

Soġġett għad-dispożizzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Anness, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa biex tapprova, f'isem l-Unjoni Ewropea, il-modifiki għall-Protokoll fil-Kumitat Konġunt.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Mejju 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

E. VENIZELOS


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1563/2006 tal-5 ta' Ottubru 2006 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u l-Unjoni tal-Komoros (ĠU L 290, 20.10.2006. p. 6).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/786/UE tas-16 ta' Diċembru 2013 dwar il-firma, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l- applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u l-Unjoni tal-Komoros li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija fis- settur tas-Sajd fis-seħħ bejn iż-żewġ Partijiet (ĠU L 349, 21.12.2013, p. 4).

(3)  Il-protokoll ġie ppubblikat fil-ĠU L 349, 21.12.2013, p. 5 flimkien mad-Deċiżjoni dwar l-iffirmar tiegħu.


ANNESS

Ambitu tal-għoti tas-setgħa u l-proċedura għall-istabbiliment tal-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt

1.

Il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata tinnegozja mal-Unjoni tal-Komoros u, fejn adatt u, sakemm tkun konformi mal-paragrafu 3 ta' dan l-Anness, taqbel dwar il-modifiki għall-Protokoll fir-rigward tal-kwistjonijiet li ġejjin:

(a)

reviżjoni tal-opportunitajiet tas-sajd f'konformità mal-Artikolu 5(1) tal-Protokoll;

(b)

deċiżjoni dwar il-modalitajiet tal-appoġġ settorjali f'konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll;

(c)

implimentazzjoni tal-Protokoll u l-Annessi tiegħu f'konformità mal-Artikolu 5(3) tal-Protokoll.

2.

Fil-Kumitat Konġunt stabbilit bis-saħħa tal-Ftehim ta' Sħubija, l-Unjoni Ewropea għandha:

(a)

taġixxi f'konformità mal-objettivi li għandha l-Unjoni fi ħdan il-qafas tal-Politika Komuni tas-Sajd,

(b)

tkun konformi mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2012 dwar Komunikazzjoni dwar id-dimensjoni esterna tal-Politika Komuni tas-Sajd,

(c)

tippromwovi pożizzjonijiet li huma konsistenti mar-regoli rilevanti adottati mill-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd.

3.

Meta deċiżjoni dwar il-modifiki għall-Protokoll msemmija fil-paragrafu 1 hija prevista li tiġi adottata waqt Laqgħa tal-Kumitat Konġunt, għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa sabiex il-pożizzjoni li għandha tiġi espressa f'isem l-Unjoni Ewropea tieħu kont tal-informazzjoni l-aktar reċenti dwar l-istatistika, dik bijoloġika u informazzjoni rilevanti oħra mibgħuta lill-Kummissjoni.

Għal dan il-għan u abbażi ta' dik l-informazzjoni, dokument li jistabbilixxi d-dettalji tal-pożizzjoni proposta tal-Unjoni Ewropea għandu jintbagħat mis-servizzi tal-Kummissjoni, fi żmien suffiċjenti qabel il-Laqgħa rilevanti tal-Kumitat Konġunt, lill-Kunsill jew lill-korpi preparatorji tiegħu għall-kunsiderazzjoni u l-approvazzjoni.

Fir-rigward tal-kwistjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1(a), l-approvazzjoni tal-pożizzjoni prevista tal-Unjoni Ewropea mill-Kunsill teħtieġ maġġoranza kwalifikata ta' voti. Fil-każi l-oħra, il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea prevista fid-dokument preparatorju għandha titqies li ntlaħaq qbil dwarha, sakemm numru ta' Stati Membri ekwivalenti għal minoranza li timblokka ma joġġezzjonax waqt laqgħa tal-korp preparatorju tal-Kunsill jew fi żmien 20 ġurnata minn meta jkun wasal id-dokument preparatorju, skont liema tiġri l-ewwel. Fil-każ ta' tali oġġezzjoni, il-kwistjoni għandha tiġi rreferuta lill-Kunsill.

Jekk, matul laqgħat ulterjuri, inkluż dawk fuq il-post, ikun impossibbli li jintlaħaq qbil sabiex il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea tieħu kont ta' elementi ġodda, il-kwistjoni għandha tiġi rreferuta lill-Kunsill jew lill-korpi preparatorji tiegħu.

Il-Kummissjoni hija mistiedna tieħu kull pass meħtieġ, fi żmien debitu, bħala segwitu għad-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt, inkluż, fejn adatt, il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni rilevanti f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-preżentazzjoni ta' kwalunkwe proposta meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dik id-deċiżjoni.