4.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 165/16


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-12 ta' Mejju 2014

dwar il-konklużjoni tal-Protokoll għall-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra, li jikkonċerna Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja, dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Ġeorġja fil-programmi tal-Unjoni

(2014/319/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 212 flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Il-Protokoll għall-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra, li jikkonċerna Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja, dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Ġeorġja fil-programmi tal-Unjoni (“il-Protokoll”) ġie ffirmat f'isem l-Unjoni fit-12 ta' Diċembru 2013.

(2)

L-objettiv tal-Protokoll huwa li jistabbilixxi r-regoli finanzjarji u tekniċi li bihom il-Ġeorġja tkun tista' tieħu sehem f'ċerti programmi tal-Unjoni. Il-qafas orizzontali stabbilit mill-Protokoll jikkostitwixxi miżura ta' kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja u teknika li permezz tagħha jingħata aċċess għall-assistenza, b'mod partikolari assistenza finanzjarja, mill-Unjoni skont il-programmi tal-Unjoni. Dan il-qafas japplika biss għal dawk il-programmi tal-Unjoni li għalihom l-atti legali kostituttivi rilevanti jipprevedu l-possibbiltà tas-parteċipazzjoni tal-Ġeorġja. Il-konklużjoni tal-Protokoll għalhekk ma tinvolvix l-eżerċizzju tas-setgħat taħt id-diversi politiki settorjali segwiti mill-programmi, li huma eżerċitati meta jiġu stabbiliti l-programmi.

(3)

Il-Protokoll għandu jiġi approvat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Protokoll għall-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra, li jikkonċerna Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja, dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Ġeorġja fil-programmi tal-Unjoni (“il-Protokoll”) b'dan qed jiġi approvat f'isem l-Unjoni. (1)

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill jagħti, f'isem l-Unjoni, in-notifika prevista fl-Artikolu 10 tal-Protokoll. (2)

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Mejju 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON


(1)  Il-Protokoll ġie ppubblikat fil-ĠU L 8, 11.1.2014 flimkien mad-deċiżjoni dwar l-iffirmar.

(2)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll ser tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.