29.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 161/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tas-17 ta’ Marzu 2014

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-Preambolu, Artikolu 1, u Titoli I, II u VII tiegħu

(2014/295/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 31(1) u l-Artikolu 37 tiegħu, flimkien mal-Artikolu 218(5) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari l-Artikolu 217, flimkien mal-Artikolu 218(5) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fit-22 ta’ Jannar 2007, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mal-Ukraina għall-konklużjoni ta’ ftehim ġdid bejn l-Unjoni u l-Ukraina biex jissostitwixxi l-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni (1).

(2)

B’kont meħud tar-relazzjoni storikament stretta u r-rabtiet li progressivament isiru mill-qrib bejn il-Partijiet, kif ukoll ix-xewqa tagħhom li jsaħħu u jwessgħu r-relazzjonijiet b’mod ambizzjuż u innovattiv, in-negozjati dwar il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra (minn hawn ’il quddiem “il-Ftehim”) ġew konklużi b’suċċess bl-inizjalar tal-Ftehim fl-2012.

(3)

Il-Ftehim għandu jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni u l-Att Finali mehmuħ ma’ din id-Deċiżjoni għandu jiġi approvat. Il-Ftehim għandu jiġi applikat parzjalment, fuq bażi provviżorja, skont l-Artikolu 486 tiegħu, li jipprovdi għall-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim qabel id-dħul fis-seħħ. sa meta jitlestew il-proċeduri għall-konklużjoni tiegħu.

(4)

L-applikazzjoni provviżorja ta’ partijiet tal-Ftehim ma tippreġudikax l-allokazzjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha taħt it-Trattati.

(5)

Il-Ftehim ma għandux jiġi interpretat bħala li jagħti xi drittijiet jew jimponi obbligi li jistgħu jiġu invokati direttament quddiem il-qrati u t-tribunali tal-Unjoni jew tal-Istati Membri.

(6)

Minħabba l-iżviluppi politiċi u sabiex jiġu implimentati d-deċiżjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill tal-Ewropa tas-6 ta’ Marzu 2014, hu maħsub li l-iffirmar tal-Ftehim ikun soġġett għall-Att Fianli,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-iffirmar,f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra (minn hawn ’il quddiem “il-Ftehim”) fir-rigward tal-Preambolu, l-Artikolu 1, it-Titoli I, II u VII tiegħu hawn qed jiġi awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-Ftehim imsemmi u skont l-Att Finali.

2.   It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

L-Att Finali mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni għandu jiġi approvat f’isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim u l-Att Finali f’isem l-Unjoni.

Artikolu 4

Sa meta l-Ftehim jidħol fis-seħħ, u skont l-Artikolu 486 tal-Ftehim u soġġett għan-notifiki previsti fih, il-partijiet segwenti tal-Ftehim għandhom jiġu applikati fuq bażi provviżorja bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina (2), iżda biss safejn dawn ikopru materji li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni, inklużi materji li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni għad-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ politika estera u ta’ sigurtà komuni:

Titolu I,

l-Artikoli 4, 5 u 6 u Titolu II,

Titolu VII (għajr l-Artikolu 479(1)), safejn id-dispożizzjonijiet ta’ dak it-Titolu huma limitati biex tkun żgurata l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim skont dan l-Artikolu.

Artikolu 5

Il-Ftehim ma għandux jiġi interpretat bħala li jagħti xi drittijiet jew jimponi xi obbligi li jistgħu jiġu invokati direttament quddiem il-qrati jew tribunali tal-Unjoni jew tal-Istati Membri.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Marzu 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON


(1)  Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom u l-Ukraina (ĠU L 49, 19.2.1998, p. 3).

(2)  Id-data minn meta l-Ftehim se jiġi applikat b’mod provviżorju se tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.