9.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 136/35


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-5 ta' Mejju 2014

Dwar it-twaqqif tal-Infrastruttura tar-Riċerka Euro-Argo bħala Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka (Euro-Argo ERIC)

(2014/261/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 tal-25 ta' Ġunju 2009 dwar il-qafas ġuridiku Komunitarju applikabbli għal Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea tar-Riċerka (ERIC) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq talbu lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-Infrastruttura tar-Riċerka Euro-Argo bħala Konsorzju għal Infrastruttura Ewroepea tar-Riċerka (Euro-Argo ERIC). Ir-Renju tan-Norveġja u r-Repubblika tal-Polonja għamlu magħrufa d-deċiżjoni tagħhom li jipparteċipaw inizjalment f'Euro-Argo ERIC bħala Osservaturi.

(2)

Ir-Repubblika Franċiża ġiet magħżula mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika Taljana, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju tan-Norveġja, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq bħala l-Istat Membru Ospitanti ta' Euro-Argo ERIC.

(3)

Il-miżuri stabbiliti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 723/2009,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-Infrastruttura tar-Riċerka Euro-Argo bħala Konsorzju għall-Infrastruttura Ewropea tar-Riċerka (Euro-Argo ERIC) hija permezz ta' dan stabbilita.

2.   L-Istatuti tal-Euro-Argo ERIC huma stabbiliti fl-Anness. L-istatuti għandhom jinżammu aġġornati u għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit elettroniku tal-Euro-Argo ERIC u fis-sede statutorja tiegħu.

3.   L-elementi essenzjali tal-Istatuti li l-emendi għalihom għandhom jeħtieġu l-approvazzjoni mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 723/2009 huma previsti fl-Artikoli 1, 3, 4, 13, 23–31.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Mejju 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 206, 8.8.2009, p. 1.


ANNESS

L-ISTATUTI TA' Euro-Argo ERIC

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Ir-Repubblika Ellenika

Ir-Repubblika ta' Franza

Ir-Repubblika tal-Italja

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi

Ir-Repubblika tal-Finlandja

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq,

Minn hawn 'il quddiem imsejħa “Membru Fundatur” individwalment u b'mod kollettiv bħala “Membri Fundaturi”.

kif ukoll:

Ir-Renju tan-Norveġja

Ir-Repubblika tal-Polonja

Minn hawn 'il quddiem imsejħa “Osservatur Fundatur” individwalment u b'mod kollettiv bħala “Osservaturi Fundaturi”.

META QIESU LI l-bidla fil-klima hija waħda mill-kwistjonijiet l-aktar urġenti ta' dan is-seklu, il-fehim u l-previżjonijiet tal-bidliet kemm fl-atmosfera u kif ukoll fl-oċeani huma meħtieġa sabiex jiggwidaw l-azzjonijiet internazzjonali u biex jottimizzaw il-politiki tal-gvernijiet dwar il-bidla fil-klima globali, dan il-fehim jeħtieġ settijiet ta' dejta tal-ogħla kwalità;

META QIESU LI l-osservazzjonijiet in-situ meħtieġa fl-oċeani, li għandhom jinżammu għal perjodi ta' żmien twal, mhumiex aċċessibbli għal timijiet ta' riċerka u pajjiżi individwali, li s-sistema globali tal-osservazzjoni tal-oċeani Argo Internazzjonali tfasslet biex nilqgħu għal dik l-isfida globali, u li hija l-ewwel netwerk tal-osservazzjoni tal-oċeani in situ fl-istorja tal-oċeanografija, u li tipprovdi komplement essenzjali għas-sistemi tas-satellita;

META QIESU LI s-suċċess f'din l-impriża hekk importanti li jista' jintlaħaq biss permezz ta' grad għoli ħafna ta' kooperazzjoni internazzjonali, l-Euro-Argo se tiżviluppa u tikkonsolida l-komponent Ewropew tan-netwerk globali. L-interessi Ewropej speċifiċi jeħtieġu wkoll kampjunar miżjud f'ċerti ibħra reġjonali. B'mod ġenerali, l-infrastruttura tal-Euro-Argo għandha tinkludi madwar 800 sufrun f'operazzjoni fi kwalunkwe żmien partikolari. Iż-żamma ta' tali firxa teħtieġ li l-Ewropa tutilizza madwar 250 sufrun kull sena;

META QIESU LI l-insfrastruttura tar-riċerka Euro-Argo se ssaħħaħ l-eċċellenza u l-ħila Ewropea fir-riċerka dwar il-klima u se tistabbilixxi livell għoli ta' kooperazzjoni bejn l-imsieħba Ewropej fl-aspetti implimentattivi kollha: l-operat fil-baħar, il-firxa tal-monitoraġġ u l-evoluzzjoni, l-iżviluppi tekonoloġiċi u xjentifiċi, it-titjib tal-aċċess għad-dejta għar-riċerka u s-Servizz Marin GMES/Copernicus, il-koordinazzjoni tal-kontribut Ewropew għall-imaniġġjar internazzjonali tal-Programm Argo;

XEWQANA LI l-arranġamenti ta' kooperazzjoni eżistenti jiġu trasferiti f'entità b'personalità ġuridika separata minn tal-Membri tagħha sabiex jissaħħu l-kooperazzjoni u l-kollaborazzjoni, biex jippermettu li Euro-Argo tidħol f'kuntratti f'isimha stess inkluż għax-xiri ta' sufruni u proprjetà, oġġetti jew servizzi oħra u biex tikkomplementa u ssaħħaħ il-governanza stabbilita mill-Programm Internazzjonali Argo;

WAQT LI TALBU lill-Kummissjoni Ewropea biex tistabbilixxi l-infrastruttura Euro-Argo bħala Konsorzju tal-Infrastruttura Ewropea tar-Riċerka (Euro-Argo ERIC);

QABLU DWAR ID-DISPOŻIZZJONIJIET LI ĠEJJIN:

KAPITOLU 1

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

L-isem u s-sede

1.

Isem il-konsorzju għandu jkun Euro-Argo ERIC, inkorporat bħala Konsorzju tal-Infrastruttura Ewropea tar-Riċerka, minn hawn 'il quddiem “Euro-Argo ERIC”.

2.

Is-sede statutorja ta' Euro-Argo ERIC għandha tkun f'Plouzané, fi Franza (“Sede Statutorja”).

3.

Il-Kunsill għandu jikkunsidra, mill-inqas darba kull ħames (5) snin, jekk is-Sede Statutorja għandhiex tibqa' fi Franza jew tiġi trasferita fit-territorju ta' Membru ieħor.

4.

Ir-rekwiżiti u l-proċeduri għall-istabbiliment u biex tiġi ttrasferita s-Sede Statutorja għandhom ikunu stabbiliti f'dokument separat intitolat “Il-Proċeduri Interni ta' Ħidma”.

Artikolu 2

Deskrizzjoni tal-infrastruttura

1.

Euro-Argo huwa magħmul minn infrastruttura ċentrali li hija proprjetà ta'Euro-Argo ERIC u kkontrollata minnu (l-“Infrastruttura Ċentrali”). L-Infrastruttura Ċentrali għandha tikkoordina l-attivitajiet ta' Euro-Argo b'arranġamenti ma' entitajiet u faċilitajiet ġuridiċi indipendenti nazzjonali distribwiti.

2.

L-Istatuti għandhom biss japplikaw għall-Infrastruttura Ċentrali.

Artikolu 3

Għanijiet u kompiti

1.

L-għan ta' Euro-Argo ERIC għandu jkun l-iżvilupp ta' sistema ta' monitoraġġ globali tal-oċean fit-tul ta' żmien biex nifhmu aħjar u nbassru l-oċeani u r-rwol tagħhom fis-sistema klimatika.

2.

L-Euro-Argo ERIC għandha tikkoordina u ssaħħaħ l-kontribuzzjoni Ewropea lejn il-Programm Internazzjonali ARGO kif approvat mill-Kummissjoni Oċeanografika Intergovernattiva (IOC) tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (Unesco) u l-Organizzazzjoni Meteoroloġika Dinjija (WMO). L-għanijiet speċifiċi ta' Euro-Argo ERIC għandhom ikunu:

(a)

li jipprovdi, jorganizza u jopera firxa ta' madwar 800 sufrun li jikkontribwixxu lejn il-firxa globali (kontribut Ewropew ta'

Formula

tal-firxa globali);

(b)

li jipprovdi kopertura addizzjonali fl-ibħra reġjonali Ewropej;

(c)

li jiżviluppa aktar l-infrastruttura (eż. it-titjib tat-teknoloġija tas-sufruni u ż-żieda ta' sensers ġodda, it-titjib tas-sistema tal-ipproċessar u d-distribuzzjoni tad-dejta); kif ukoll

(d)

li jipprovdi dejta ta' kwalità kkontrollata u aċċess għal settijiet ta' dejta u prodotti tad-dejta għall-komunitajiet tar-riċerka (il-klima u l-oċeanografija) u dawk operattivi (eż. il-Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u s-Sigurtà (GMES)/Is-Servizz Marin Copernicus).

Artikolu 4

Attivitajiet

1.

L-Euro-Argo ERIC għandu:

(a)

jissorvelja l-operat tal-infrastruttura u jiżgura li hija tevolvi skont ir-rekwiżiti stabbiliti mill-komunitajiet tar-riċerka u dawk operazzjonali;

(b)

jikkoordina u jissorvelja l-użu tas-sufruni biex jiżgura li l-għanijiet tal-Euro-Argo u ARGO Internazzjonali huma ssodisfati (eż. il-kontribuzzjoni lejn il-firxa globali ta' Argo Internazzjonali, billi jimla l-lakuni, ikopri b'mod aħjar l-ibħra reġjonali u marġinali Ewropej, l-aċċess miftuħ għad-dejta);

(c)

jissorvelja u jorganizza l-ipproċessar tad-dejta, il-kontroll tal-kwalità, u jiżgura aċċess faċli u disponibbiltà f'waqtha lill-utenti kollha;

(d)

jimmonitorja t-tħaddim tal-infrastruttura (eż. l-monitoraġġ tar-rendiment tal-firxa);

(e)

jiddeċiedi dwar l-evoluzzjoni tal-infrastruttura Euro-Argo (eż. is-sistema ta' dejta, prodotti, teknoloġija u sensers ġodda, in-numru ta' sufruni użati kull sena);

(f)

jaqsam l-għarfien espert dwar l-iżviluppi teknoloġiċi/xjentifiċi kollha u l-użu tad-dejta ta' ARGO Internazzjonali;

(g)

jorganizza l-prokura tas-sufruni fil-livell Ewropew;

(h)

iwettaq riċerka kontinwa u l-iżvilupp meħtieġa għall-evoluzzjoni tal-firxa ta' osservazzjoni (eż. it-teknoloġija tas-sufruni) u s-sistema tat-tqassim tad-dejta;

(i)

iżżomm ir-rabtiet mal-komunitajiet tal-utenti tar-riċerka u dawk operazzjonali (inklużi GMES/Is-Servizz Marin Copernicus); kif ukoll,

(j)

jikkollabora mal-infrastruttura ta' ARGO Internazzjonali (l-Uffiċċju tal-Proġett Argo, it-Tim ta' Tmexxija ta' Argo Internazzjonali; iċ-Ċentru ta' Informazzjoni Argo). L-infrastruttura Ewropea ser tikkomplementa u ssaħħaħ dik internazzjonali; din se tikkonsolida u tagħmel aktar effiċjenti l-kontributi Ewropej lil ARGO Internazzjonali u tiżviluppa rwol mexxej Ewropew f'ARGO Internazzjonali u l-evoluzzjoni futura tagħha.

2.

Bħala parti mill-attivitajiet tiegħu, Euro-Argo ERIC għandu:

(a)

jappoġġja l-aċċess għall-Euro-Argo ERIC mill-komunitajiet xjentifiċi u operattivi Ewropej u internazzjonali;

(b)

jikkontribwixxi għall-iżvilupp tar-riċerka xjentifika; kif ukoll,

(c)

jindirizza suġġetti xjentifiċi ta' rilevanza għall-Argo Internazzjonali.

3.

Euro-Argo ERIC jista' jwettaq xi attivitajiet ekonomiċi limitati sakemm dawn ikunu relatati mill-qrib mal-kompiti tiegħu u l-attivitajiet elenkati f'dan l-Artikolu u ma jipperikolawx l-ilħiq tagħhom.

4.

Euro-Argo ERIC jista' jiddelega kwalunkwe mill-attivitajiet tiegħu lil Membri, lil Osservaturi jew lil partijiet terzi.

5.

L-attivitajiet ta' Euro-Argo ERIC għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-attivitajiet u l-missjonijiet tal-Membri tiegħu u l-Osservaturi u l-kompiti u l-attivitajiet tiegħu ma għandhomx jipprekludu attivitajiet simili li jkunu qed isiru minn xi Membru jew Osservatur jew b'mod indipendenti jew b'kooperazzjoni bilaterali jew multilaterali

KAPITOLU 2

MEMBRI U OSSERVATURI

Artikolu 5

Membri u Osservaturi

1.

Euro-Argo ERIC għandu jkun magħmul minn Membri u Osservaturi. Huma għandhom ikunu marbutin bi Proċeduri ta' Ħidma Interni, approvati mill-Kunsill. Il-Membri fundaturi u Osservaturi fundaturi ta' Euro-Argo ERIC fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dawn l-Istatuti huma elenkati fl-Anness.

2.

L-Anness għandu jiġi aġġornat mill-Maniġer tal-Programm tal-Euro-Argo ERIC wara revoka jew irtirar tas-sħubija jew tal-istatus ta' osservatur jew wara l-ammissjoni ta' Membri jew Osservaturi mill-Kunsill. L-ebda tibdil fil-lista ta' Membri u Osservaturi tal-Euro-Argo ERIC ma għandu jkun jeħtieġ emenda formali tal-Istatuti.

Artikolu 6

Membri

1.

Il-membri huma Stati u organizzazzjonijiet intergovernattivi. Dawn jistgħu jkunu rrappreżentati minn entità pubblika waħda jew iktar, inkluż reġjuni, jew minn entitajiet privati b'missjoni ta' servizz pubbliku fir-rigward tal-eżerċizzju ta' drittijiet speċifiċi u fit-twettiq ta' obbligi speċifiċi bħala Membru tal-Euro-Argo ERIC. Kull Membru għandu jitkellem b'vuċi waħda.

2.

Membru għandu jinforma lill-Kunsill bil-ħatra ta' kull entità li tirrappreżentah, kif ukoll bid-drittijiet li l-entità jkollha jew l-obbligi li tassumi. Il-Membru għandu minnufih javża lill-Kunsill dwar kull bidla.

Artikolu 7

Osservaturi

1.

L-Osservaturi huma Stati u organizzazzjonijiet intergovernattivi. Dawn jistgħu jkunu rrappreżentati minn entità pubblika waħda jew iktar, inkluż reġjuni, jew minn entitajiet privati b'missjoni ta' servizz pubbliku fir-rigward tal-eżerċizzju ta' drittijiet speċifiċi u fit-twettiq ta' obbligi speċifiċi bħala Osservatur tal-Euro-Argo ERIC.

2.

Osservatur għandu jinforma lill-Kunsill bil-ħatra ta' kull entità li tirrappreżentah, kif ukoll bid-drittijiet li l-entità jkollha jew l-obbligi li tassumi. L-Osservatur għandu minnufih javża lill-Kunsill dwar kull bidla.

3.

L-osservaturi huma intitolati li jattendu l-laqgħat kollha tal-Euro-Argo ERIC mingħajr id-dritt li jivvotaw.

4.

L-osservaturi huma intitolati li jipparteċipaw u jikkontribwixxu lill-Euro-Argo ERIC. Huma għandu jkollhom aċċess għal, u appoġġ mis-servizzi u l-kompetenza tal-Euro-Argo ERIC.

5.

Kull Stat Membru, pajjiż assoċjat, pajjiż terz u organizzazzjoni intergovernattiva li jixtiequ jiġu ammessi bħala osservatur għandhom jirrispettaw l-istatuti permezz ta' ftehim bil-miktub ta' konformità.

6.

L-ammissjoni u t-tkeċċija ta' osservaturi għandhom ikunu suġġetti għal deċiżjoni tal-Kunsill.

7.

Osservatur jista' jirtira fl-aħħar ta' kull Sena Finanzjarja, kif iddefinit fl-Artikolu 20, mill-Euro-Argo ERIC permezz ta' avviż bil-miktub mibgħut lill-Maniġer tal-Programm mill-inqas sena qabel l-irtirar propost. Il-Kunsill għandu jirreġistra formalment l-irtirar u l-konsegwenzi tiegħu għall-Euro-Argo ERIC.

Artikolu 8

Ammissjoni ta' Membru

Il-membri ta' Euro-Argo ERIC għandhom ikunu Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, Stati mhux Membri tal-Unjoni Ewropea (pajjiżi assoċjati jew pajjiżi terzi) jew organizzazzjonijiet intergovernattivi, u dejjem għandu jkun hemm tal-inqas wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u żewġ pajjiżi oħra li jew huma Stati Membri jew pajjiżi assoċjati bħala Membri. Kull Stat Membru, pajjiż assoċjat, pajjiż terz jew organizzazzjoni intergovernattiva li jixtiequ jiġu ammessi bħala Membru għandhom jrrispettaw l-istatuti permezz ta' ftehim bil-miktub ta' konformità. L-ammissjoni ta' Membri ġodda għandha tkun suġġett għal deċiżjoni tal-Kunsill.

Artikolu 9

Irtirar ta' Membru

1.

Wara perjodu ta' erba' snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dawn l-Istatuti, kwalunkwe membru tal-Euro-Argo ERIC jista' jissottometti nota bil-miktub lill-Maniġer tal-Programm li tindika l-intenzjoni ta' Membru li jirtira mill-Euro-Argo ERIC. Id-data tal-irtirar għandha tikkoinċidi ma' tmiem is-Sena Finanzjarja kif iddefinit fl-Artikolu 20 u n-notifika bil-miktub għandha tasal għand il-Maniġer tal-Programm mill-inqas sena qabel id-data proposta ta' rtirar.

2.

Il-Kunsill għandu jirreġistra formalment l-irtirar u l-konsegwenzi tiegħu għall-Euro-Argo ERIC.

3.

Il-Kunsill għandu jiddetermina jekk Membru jkunx intitolat għal xi somom mal-irtirar. Jekk il-Membru jkun intitolat, il-Kunsill għandu jiddetermina l-valur tad-drittijiet u l-obbligi tat-tali Membru filwaqt li jitqiesu l-assi u l-obbligazzjonijiet tal-Euro-Argo ERIC kif inhuma fid-data li dan il-membru ma jibqax parti mill-Euro-Argo ERIC.

4.

Id-dritt li għalih il-membru jkun intitolat mal-irtirar, fl-ebda każ ma għandu jaqbeż il-kontribuzzjoni magħmula mill-Membru fil-ħames snin ta' qabel bl-esklużjoni tad-drittijiet ta' abbonament.

5.

L-ebda Membru li jkun qed jirtira mill-Euro-Argo ERIC ma jista' jitlob ebda ammont fir-rigward tal-miżata tar-reġistrazzjoni u avvjament.

Artikolu 10

Tkeċċija ta' Membru

1.

Kwalunkwe membru tal-Euro-Argo ERIC jista' jitkeċċa jekk huwa jkun kiser l-obbligi tiegħu skont l-istatuti, jew jikkawża jew jhedded li jikkawża taħwid serju fl-operat tal-Euro-Argo ERIC kif iddeterminat mill-Kunsill. Deċiżjoni biex jitkeċċa Membru għandha tittieħed mill-Kunsill, wara li l-Membru kkonċernat ikun ingħata l-opportunità biex jirrispondi għad-deċiżjoni proposta u jippreżenta l-pożizzjoni tiegħu lill-Kunsill.

2.

Il-Kunsill għandu jiddetermina l-intitolament tal-Membru sad-data li dan ma jibqax membru tal-Euro-Argo ERIC, skont l-Artikolu 9.

KAPITOLU 3

ID-DRITTIJIET U L-OBBLIGI TAL-MEMBRI

Artikolu 11

Drittijiet tal-vot

1.

Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, kull Membru għandu jkollu mill-inqas sitt voti. Kull Membru għandu jkollu vot wieħed addizzjonali għal kull sufrun akkwistat u użat minnu jew f'ismu fuq perjodu ta' tliet snin kalendarji ta' qabel is-sena finanzjarja li matulha ssir il-laqgħa, irrispettivament mis-sħubija fl-Euro-Argo ERIC. In-numru ta' sufruni għandu jiġi ddeterminat minn notifiki uffiċjali tas-sufruni li jsiru permezz taċ-Ċentru tal-Informazzjoni tal-IOC ARGO, u għandu jinkludi l-akkwist u l-użu ta' sufruni matul it-tliet snin finanzjarji li jiġu qabel l-istabbiliment tal-Euro-Argo ERIC. Matul l-ewwel tliet snin finanzjarji tal-operazzjoni Euro-Argo ERIC, il-perjodu ta' tliet snin li jippreċedu s-Sena Finanzjarja li matulha ssir il-laqgħa għandu jinkludi s-snin kalendarji qabel l-istabbiliment ta' Euro-Argo ERIC.

2.

L-Istati Membri jew il-pajjiżi assoċjati għandu jkollhom b'mod konġunt il-maġġoranza tad-drittijiet ta' votazzjoni fil-Kunsill. Il-Kunsill għandu jiddetermina kull modifika ta' drittijiet tal-vot li tkun meħtieġa biex jiġi żgurat li Euro-Argo ERIC jikkonforma ma' dan ir-rekwiżit.

Artikolu 12

Kontribuzzjonijiet

1.

Ir-riżorsi meħtieġa biex jintlaħqu l-għanijiet ta' Euro-Argo ERIC u sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà ta' Euro-Argo ERIC għandhom jitħallsu mill-Membri u l-Osservaturi skont id-dispożizzjonijiet ta' dawn l-Istatuti u kif iddeterminat mill-Kunsill. Il-kontribuzzjonijiet għall-ewwel ħames snin ta' Euro-Argo ERIC wara li l-Istatuti jidħlu fis-seħħ huma stabbiliti f'Deskrizzjoni Teknika u Xjentifika tal-Euro-Argo ERIC li għandha tkun mehmuża ma' dawn l-Istatuti u li ma għandhiex tkun parti integrali minnhom.

2.

Il-Kunsill għandu jiddeċiedi kull sena dwar il-kontribuzzjoni minima meħtieġa għall-Membri u għall-osservaturi, b'avviż sentejn bil-quddiem (jiġifieri d-deċiżjonijiet meħuda fis-sena n japplikaw għas-sena n+2). Il-kontribuzzjonijiet kollha għandhom jiġu magħmula f'EUR.

3.

Il-kontribuzzjonijiet tal-Membri u tal-Osservaturi fir-rigward tal-ispejjeż tal-operat mhumiex se jkunu soġġetti għall-VAT.

4.

Jekk il-Kunsill jiddetermina li hemm żbilanċ dejjiemi u sinifikanti bejn l-użu proporzjonali tal-faċilità mill-komunità xjentifika ta' Membru u l-kontribuzzjoni ta' dak il-Membru, il-Kunsill għandu jkun intitolat li jillimita l-użu tagħha, sakemm il-Membru ma jaqbilx li jsir l-aġġustament xieraq tar-rati ta' kontribuzzjoni kif stabbilit fit-tieni paragrafu ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 13

Responsabbiltà tal-Membri

1.

Ir-responsabbiltà tal-Membri lejn id-djun u l-obbligi tal-Euro-Argo ERIC, ta' kwalunkwe tip, għandha tkun limitata għall-kontribuzzjoni annwali ta' kull Membru individwali.

2.

Euro-Argo ERIC għandu jieħu u jżomm assigurazzjoni xierqa biex ikopri r-riskji marbuta mal-operat ta' Euro-Argo ERIC.

KAPITOLU 4

IL-GOVERNANZA U L-ĠESTJONI TA' Euro-Argo ERIC

Artikolu 14

Governanza

L-istruttura tal-governanza ta' Euro-Argo ERIC għandha tkun tikkonsisti minn dawn l-entitajiet, li jkollhom is-setgħat kif iffissat fil-punti a) — d):

(a)

il-Kunsill, bħala l-entità li jkollha l-awtorità aħħarija fit-teħid tad-deċiżjonijiet;

(b)

il-Bord ta' Tmexxija li jissorvelja l-operazzjoni ta' Euro-Argo ERIC u li jiżgura li dan jaħdem u jevolvi skont id-direzzjoni strateġika stabbilita mill-Kunsill, u r-rekwiżiti stabbiliti mill-komunitajiet tar-riċerka u operazzjonali;

(c)

il-Maniġer tal-Programm maħtur mill-Kunsill, bħala uffiċjal eżekuttiv u r-rappreżentant ġuridiku ta' Euro-Argo ERIC; kif ukoll

(d)

il-Grupp Konsultattiv Xjentifiku u Tekniku (STAG) li jagħti pariri lill-Kunsill dwar kwistjonijiet xjentifiċi u tekniċi.

Artikolu 15

Il-Kunsill

1.

Il-Kunsill għandu jkun l-uniku korp ta' Euro-Argo ERIC li jkollu l-poter li jtemm lill-Euro-Argo ERIC.

2.

Il-Kunsill għandu jiddefinixxi d-direzzjoni strateġika wiesgħa ta' Euro-Argo ERIC, u l-evoluzzjoni tagħha. Għandu jikkunsidra u japprova l-proposti u l-pjan ta' ħidma annwali, tal-Bord tat-Tmexxija, dwar l-allokazzjoni ta' fondi rċevuti mill-Unjoni Ewropea u minn Membri, Osservaturi u partijiet terzi. Huwa għandu jieħu d-deċiżjonijiet kollha dwar investimenti kbar bħal bini u tagħmir kbir fil-livell Ewropew. Huwa għandu jiddeċiedi dwar il-ftuħ ta' pożizzjonijiet tal-persunal, jew dwar il-ħatra ta' persunal issekondat, għall-Uffiċċju tal-Programm.

3.

Il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar is-sħubija fl-Euro-Argo ERIC inkluż id-dħul tal-Membri u l-irtirar jew l-esklużjoni tal-Membri.

4.

Il-Kunsill għandu jaħtar Maniġer tal-Programm fuq proposta mill-Bord tat-Tmexxija.

5.

Il-Kunsill għandu jaħtar il-membri ta' Grupp Konsultattiv Xjentifiku u Tekniku (STAG), u jistabbilixxi t-termini ta' referenza għall-ħidma tiegħu fuq proposta mill-Bord tat-Tmexxija.

6.

Il-partijiet interessati ewlenin jistgħu jiġu mistiedna għal-laqgħat tal-Kunsill mill-President.

7.

Kull Membru għandu jkun rappreżentat minn delegat wieħed. L-Oosservaturi jistgħu jattendu l-laqgħat tal-Kunsill u għandhom ikunu rrappreżentati minn delegat wieħed. Kull delegat jista' jkun akkumpanjat minn esperti xierqa.

8.

Il-Kunsill għandu jeleġġi lill-President tiegħu għal perjodu ta' tliet snin, li jista' jiġġedded darba għal perjodu ulterjuri ta' tliet snin, minn fost il-Membri tiegħu, b'maġġoranza kwalifikata tal-membri. Il-Viċi President tal-Kunsill għandu jkun elett b'maġġoranza kwalifikata ħalli jwettaq il-kompiti tal-President f'każ ta' assenza tiegħu/tagħha.

9.

Il-Kunsill għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu permezz ta' maġġoranza sempliċi, maġġoranza kwalifikata jew unanimità kif ġej:

(a)

Deċiżjoni b'maġġoranza sempliċi ta' dawk preżenti:

i.

Approvazzjoni tal-kontijiet annwali;

ii.

Approvazzjoni tar-rapport annwali tal-attivitajiet tal-Maniġer tal-Programm;

iii.

Ħatra ta' awdituri finanzjarji;

iv.

Ħatra tal-Bord tat-Tmexxija;

v.

Ħatra tal-iSTAG; kif ukoll,

vi.

Id-deċiżjonijiet l-oħrajn kollha li mhumiex espliċitament meħtieġa li għandhom jittieħdu b'maġġoranza kwalifikata jew b'unanimità.

(b)

Deċiżjoni b'maġġoranza ta' żewġ terzi ta' dawk bi drittijiet tal-vot preżenti jew rappreżentati, u li jirrappreżentaw żewġ terzi tad-drittijiet tal-vot (maġġoranza kwalifikata):

i.

Approvazzjoni tal-baġit annwali;

ii.

Proposta għall-emendar tal-istatuti;

iii.

Elezzjoni tal-President tal-Kunsill;

iv.

Ħatra tal-Maniġer tal-Programm;

v.

Determinazzjoni tat-termini tal-adeżjoni u l-proċedura għal Membri u Osservaturi ġodda;

vi.

Ammissjoni ta' Membri;

vii.

Ammissjoni ta' Osservaturi;

viii.

Twaqqif, emendar u approvazzjoni ta' Proċeduri Interni ta' Ħidma;

ix.

Deċiżjoni u emendar tal-kontribuzzjonijiet minimi dovuti mill-Membri u l-Osservaturi;

x.

Determinazzjoni tal-modifika tad-drittijiet tal-vot meħtieġa biex jiġi żgurat li Euro-Argo ERIC ikun konformi mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 11;

xi.

Twaqqif u emendar tal-metodi u l-liċenzjar rigward l-isfruttament tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

xii.

Trasferiment tal-indirizz uffiċjali u tas-Sede Statutorja u l-indirizz tal-uffiċċju rreġistrat ta' Euro-Argo ERIC lejn Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jew Pajjiż Assoċjat.

xiii.

Stralċ ta' Euro-Argo ERIC; kif ukoll

xiv.

Il-kontinwazzjoni jew it-terminazzjoni ta' Euro-Argo ERIC.

(c)

Deċiżjoni b'unanimità għajr il-vuċi tal-Membru kkonċernat f'każ ta' tkeċċija ta' Membru.

10.

Il-Membri jaċċettaw li jkunu marbuta bid-dispożizzjonijiet ta' Proċeduri Interni ta' Ħidma dwar vot bi prokura, ir-rappreżentazzjoni fil-laqgħat, u l-ħtiġiet ta' kworum.

11.

Il-Kunsill għandu normalment jissejjaħ darba fis-sena mill-President fil-post fejn Euro-Argo ERIC huwa rreġistrat, jew f'kull post ieħor stabbilit mill-President.

12.

Il-Kunsill għandu jinżamm mhux aktar minn xahrejn wara li l-kontijiet annwali tas-sena finanzjarja preċedenti jintbagħtu lill-Membri.

13.

Il-President jista' jiddeċiedi, jekk ikun meħtieġ, li jsejjaħ laqgħat straordinarji fi kwalunkwe ħin ieħor, jew jekk il-President jirċievi bil-miktub talba bħal din mingħand Maniġer tal-Programm, jew mingħand mill-inqas terz tal-Membri.

14.

Il-Membri jaqblu li jkunu marbuta bid-dispożizzjonijiet ta' proċeduri interni ta' ħidma dwar notifiki u organizzazzjoni tal-laqgħat, l-aġenda, il-minuti u dispożizzjonijiet oħra ta' dawn.

Artikolu 16

Bord tat-Tmexxija

1.

Il-Bord tat-Tmexxija għandu jissorvelja l-operazzjoni ta' Euro-Argo ERIC u jiżgura li dan jaħdem u jevolvi skont id-direzzjoni strateġika stabbilita mill-Kunsill, u r-rekwiżiti stabbiliti mill-komunitajiet tar-riċerka u operazzjonali;

2.

Il-Bord tat-Tmexxija għandu jivvalida pjan ta' ħidma annwali mħejji mill-Maniġer tal-Programm u għandu jippreżentah għall-approvazzjoni tal-Kunsill. Huwa se jħejji u jressaq quddiem il-Kunsill proposti għall-baġit annwali u dwar l-allokazzjoni ta' fondi rċevuti mill-Unjoni Ewropea u l-fondi jew l-abbonamenti mibgħuta mill-Membri, mill-Osservaturi u minn partijiet terzi.

3.

Il-Bord tat-Tmexxija għandu jivvalida l-azzjonijiet kollha meħtieġa meħuda mill-Maniġer tal-Programm li għandhom x'jaqsmu mal-implimentazzjoni tal-pjan ta' ħidma annwali, għall-operazzjoni ta' Euro-Argo ERIC, b'mod partikolari l-akkwist tas-sufruni u l-istrateġija tal-utilizzazzjoni, ir-relazzjonijiet tiegħu mal-Programm ARGO Internazzjonali u l-istituzzjonijiet Ewropej rilevanti.

4.

Il-Bord tat-Tmexxija għandu jkun magħmul minn delegati maħtura mill-Membri. Kull Membru għandu jkun intitolat li jinnomina delegat u sostitut wieħed.

5.

Il-Maniġer tal-Programm u l-President tal-iSTAG għandhom ikunu intitolati li jattendu f'kapaċità konsultattiva l-laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija.

6.

L-Osservaturi għandhom ikunu intitolati li jattendu jew li jkunu rappreżentati fuq il-Bord tat-Tmexxija, mingħajr id-drittijiet ta' votazzjoni.

7.

Esperti u persuni oħra partikolarment ikkwalifikati fi kwistjonijiet li għandhom jiġu diskussi jistgħu jiġu mistiedna mill-President, mingħajr id-drittijiet ta' votazzjoni.

8.

Il-Bord tat-Tmexxija għandu jeleġġi lill-President tiegħu għal perjodu ta' tliet snin, li jista' jiġġedded darba għal perjodu ulterjuri ta' tliet snin, minn fost il-Membri tiegħu, b'maġġoranza kwalifikata tal-membri. Il-Viċi President għandu jkun elett b'maġġoranza kwalifikata tal-Bord tat-Tmexxija ħalli jwettaq id-doveri tal-President f'każ ta' assenza tiegħu/tagħha.

9.

Kull Membru għandu jkollu drittijiet tal-vot kif stabbilit fl-Artikolu 11.

10.

Il-Membri għandhom ikunu marbuta bid-dispożizzjonijiet ta' Proċeduri Interni ta' Ħidma dwar il-vot bi prokura, ir-rappreżentazzjoni fil-laqgħat, u l-ħtiġiet ta' kworum.

11.

Il-laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija għandhom normalment jissejħu darba fis-sena mill-President fil-post fejn Euro-Argo ERIC ikun irreġistrat, jew f'kwalunkwe post ieħor stabbilit mill-President.

12.

Il-President jista' jiddeċiedi, jekk ikun meħtieġ, li jsejjaħ laqgħat straordinarji fi kwalunkwe ħin ieħor; jew fuq talba mill-Maniġer tal-Programm, jew fuq talba ta' mill-inqas terz tal-Membri.

13.

Il-Bord tat-Tmexxija għandu jinżamm għal mhux aktar minn xahrejn wara li l-kontijiet annwali tas-sena finanzjarja preċedenti jintbagħtu lill-Membri.

14.

Il-Membri għandhom ikunu marbuta bid-dispożizzjonijiet ta' proċeduri interni ta' ħidma dwar notifiki u organizzazzjoni tal-laqgħat, l-aġenda, il-minuti u dispożizzjonijiet oħra ta' dawn.

Artikolu 17

Il-Maniġer tal-Programm

1.

Il-Maniġer tal-Programm għandu jkun responsabbli mill-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet u l-Programmi vvalidati mill-Bord tat-Tmexxija u approvati mill-Kunsill. Il-Maniġer tal-Programm għandu jinħatar mill-Kunsill u jkun responsabbli lejh.

2.

Il-Maniġer tal-Programm għandu jieħu l-azzjonijiet kollha meħtieġa għat-twettiq tal-Pjan Annwali ta' Ħidma u tal-amministrazzjoni u l-ġestjoni ta' kuljum tal-Euro-Argo ERIC. Dan jinkludi b'mod patikolari:

(a)

l-iffaċilitar tal-aċċess għall-Euro-Argo ERIC u d-dejta tiegħu mill-komunitajiet tar-riċerka u operazzjonali;

(b)

l-ippjanar, il-koordinazzjoni u s-superviżjoni tal-utilizzazzjoni tas-sufruni;

(c)

l-organizzazzjoni tal-akkwist tas-sufruni fil-livell Ewropew;

(d)

l-amministrazzjoni ta' kuljum tal-Euro-Argo ERIC;

(e)

it-tħejjija ta' rapport annwali tal-attività, u ta' rapport ta' ġestjoni annwali;

(f)

is-superviżjoni ta' kull ma għandu x'jaqsam mal-baġit u l-approvazzjoni tal-infiq;

(g)

it-tħejjija tar-rapport tal-baġit annwali u l-proposta tal-pjanjiet tal-baġit;

(h)

il-koordinament tal-attivitajiet tal-persunal tal-Euro-Argo ERIC ta' persuni ssekondati lil Euro-Argo ERIC;

(i)

is-superviżjoni tal-Uffiċċju tal-Programm; kif ukoll

(j)

l-istabbiliment u ż-żamma ta' rabtiet mal-komunitajiet tal-utenti tar-riċerka u dawk operattivi (GMES/Copernicus).

3.

Il-Maniġer tal-Programm għandu jirrappreżenta lill-Euro-Argo ERIC fl-istruttura ta' governanza ta' Argo Internazzjonali (Tim ta' Direzzjoni ta' Argo Internazzjonali) mingħajr ma tiċċaħħad ir-rappreżentanza nazzjonali mill-membri.

4.

Il-Maniġer tal-Programm għandu jkun intitolat li jiffirma kuntratti u ftehimiet li jorbtu legalment f'isem Euro-Argo ERIC ma' partijiet terzi.

5.

Il-Maniġer tal-Programm għandu jassisti lill-President tal-Bord tat-Tmexxija fit-tħejjija tal-laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija.

6.

Għandu jiġi stabbilit Uffiċċju tal-Programm biex jgħin lill-Maniġer tal-Programm u jappoġġja l-ġestjoni ta' kuljum ta' Euro-Argo ERIC inkluż mingħajr limitazzjoni l-iffajljar tal-posta u l-korrispondenza, l-arkivjar ta' dokumenti, l-arranġamenti għall-ivvjaġġar, l-organizzazzjoni tal-laqgħat, it-tħejjija tar-rapporti u d-dokumenti finanzjarji.

Artikolu 18

Il-Grupp Konsultattiv Xjentifiku u Tekniku (STAG)

1.

L-iSTAG, filwaqt li jaġixxi bħala korp konsultattiv magħmul minn esperti indipendenti, għandu jiġi stabbilit sabiex jagħti pariri lill-Kunsill dwar kwalunkwe kwistjoni xjentifika jew teknika, inkluż il-ġestjoni tad-dejta u l-istrumentazzjoni rilevanti għat-tħaddim, l-iżvilupp, u l-evoluzzjoni tal-Euro-Argo ERIC, u l-aċċess għad-dejta tiegħu minn utenti tar-riċerka u dawk operattivi. Il-Bord tat-Tmexxija jista' jitlob, permezz tal-Kunsill, biex l-iSTAG jikkonsidra u jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar kwistjonijiet li jeħtieġ li jiġu indirizzati. It-termini ta' referenza tal-iSTAG proposti mill-Bord tat-Tmexxija u approvati mill-Kunsill għandhom jiġu stabbiliti fil-Proċeduri ta' Ħidma Interna.

2.

L-iSTAG għandu jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill dwar l-aspetti xjentifiċi u tekniċi u d-direzzjoni tal-Euro-Argo ERIC, b'kunsiderazzjoni tal-kuntest Ewropew u internazzjonali.

KAPITOLU 5

FINANZI

Artikolu 19

Riżorsi

Ir-riżorsi tal-Euro-Argo ERIC għandhom jiġu deċiżi mill-Kunsill skont l-Artikolu 15(2) u jistgħu jkunu magħmula minn:

(a)

Abbonamenti annwali tal-Membri u l-Osservaturi;

(b)

Kontribuzzjonijiet addizzjonali mill-Membri jew l-Osservaturi;

(c)

Ħlas ta' servizzi pprovduti mill-Euro-Argo ERIC lil partijiet terzi u minn royalties jew dħul derivat mill-użu minn partijiet terzi ta' drittijiet ta' proprjetà intellettwali li hija proprjetà ta' jew/u liċenzjata minn Euro-Argo ERIC;

(d)

għotjiet għal attivitajiet speċifiċi tal-Euro-Argo ERIC skont it-Titolu VI tar-Regolament (UE, Euratom) 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1);

(e)

Għotjiet oħra; kif ukoll,

(f)

Riżorsi addizzjonali li jingħataw jew in natura jew fi flus fi ħdan il-limiti u skont it-termini approvati mill-Kunsill.

Artikolu 20

Prinċipji baġitarji, kontijiet u verifika

1.

Is-sena finanzjarja ta' Euro-Argo ERIC għandha tibda fl-1 ta' Jannar u għandha tintemm fil-31 ta' Diċembru ta' kull sena (“Sena Finanzjarja”).

2.

L-oġġetti kollha tad-dħul u tal-infiq ta' Euro-Argo ERIC għandhom ikunu inklużi fl-istimi li jridu jitfasslu għal kull sena finanzjarja u jkunu jidhru fil-baġit.

3.

Euro-Argo ERIC għandu jżomm rendikont separat tal-ispejjeż u d-dħul mill-attivitajiet ekonomiċi tiegħu u għandu jitlob prezzijiet tas-suq għalihom, jew, jekk dawn il-prezzijiet ma jkunux jistgħu jiġu determinati, jinħadmu abbażi tal-kostijiet totali b'marġni raġonevoli.

4.

Il-Membri għandhom jiżguraw li l-approprjazzjonijiet jintużaw skont il-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja soda.

5.

Il-baġit għandu jkun stabbilit u implimentat u l-kontijiet jiġu ppreżentati f'konformità mal-prinċipju ta' trasparenza.

6.

Il-kontijiet tal-Euro-Argo ERIC għandhom ikunu akkompanjati minn rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja tas-Sena Finanzjarja preċedenti.

7.

Euro-Argo ERIC għandu jkun soġġett għar-rekwiżiti tal-liġijiet nazzjonali tal-pajjiż ospitanti u r-regolamenti applikabbli fir-rigward tal-preparazzjoni, l-iffajlar, l-awditjar u l-pubblikazzjoni tal-kontijiet.

Artikolu 21

Taxxi

Eżenzjoni mill-VAT bbażata fuq l-Artikoli 143(1)(g) u 151(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (2) għandha tapplika għal xirjiet magħmula minn Euro-Argo ERIC għall-attivitajiet mhux ekonomiċi tiegħu, u mhux għall-attivitajiet ekonomiċi mwettqa. L-eżenzjoni mill-VAT għandha tiġi applikata għal xiri li jkun sar għall-operati xjentifiċi, tekniċi u amministrattivi tal-Euro-Argo ERIC skont l-għanijiet tiegħu. Dan għandu jinkludi l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni tal-Euro-Argo ERIC għall-użu uffiċjali u spejjeż ta' konferenzi, workshops u laqgħat tal-Euro-Argo ERIC marbuta direttament mal-attivitajiet mhux ekonomiċi tiegħu. Madankollu l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni ma għandhomx ikunu koperti bl-eżenzjoni mill-VAT, u x-xiri taħt EUR 300 mhux se jiġi kkunsidrat għal eżenzjoni mill-VAT.

KAPITOLU 6

IR-RELAZZJONI MAL-KUMMISSJONI EWROPEA

Artikolu 22

Rappurtar lill-Kummissjoni

1.

L-Euro-Argo ERIC għandu jipproduċi rapport annwali tal-attività, li jinkludi fih, b'mod partikolari, l-aspetti xjentifiċi, operattivi u finanzjarji tal-attivitajiet tiegħu. Dan għandu jiġi approvat mill-Kunsill u mibgħut lill-Kummissjoni Ewropea u lill-awtoritajiet pubbliċi relevanti fi żmien sitt xhur wara li tispiċċa s-Sena Finanzjarja korrispondenti. Dan ir-rapport għandu jkun disponibbli għall-pubbliku.

2.

L-Euro-Argo ERIC u l-Istati Membri kkonċernati għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni Ewropea bi kwalunkwe ċirkustanza li thedded li tfixkel serjament it-twettiq tajjeb tal-kompitu tal-Euro-Argo ERIC jew li jfixkel lill-Euro-Argo ERIC milli jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament.

3.

Jekk fi kwalunkwe żmien waqt l-eżistenza tiegħu, l-Euro-Argo l-ERIC ma jkunx jista' jħallas id-djun tiegħu, għandu jinnotifika immedjatament lill-Kummissjoni Ewropea.

Artikolu 23

Emendi fl-Istatuti

1.

Kull proposta għal emendi tal-istatuti għandha tiġi deċiża mill-Kunsill.

2.

Skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 11 tar-Regolament, il-Kunsill għandu jissottometti lill-Kummissjoni Ewropea kull emenda tal-Istatuti proposta.

3.

L-istatuti għandhom f'kull ħin ikunu konformi mar-Regolament u l-atti l-oħra kollha rilevanti tal-liġi tal-Unjoni Ewropea.

KAPITOLU 7

POLITIKI

Artikolu 24

Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali

1.

Kull Dritt ta' Proprjetà Intellettwali maħluq, żviluppat, imqajjem jew miksub minn Euro-Argo ERIC waqt l-attivitajiet tiegħu għandhom ikunu l-proprjetà ta' Euro-Argo ERIC.

2.

Soġġetti għat-termini ta' kwalunkwe kuntratt jew sottokuntratt bejn Euro-Argo ERIC u l-Membri jew l-Osservaturi jew l-entitajiet rappreżentanti ta' Membri jew Osservaturi, kull Dritt tal-Proprjetà Intellettwali maħluq, imqajjem, miksub jew żviluppat minn Membru jew Osservatur jew entità rappreżentanti għandu jkun il-proprjetà ta' dak il-Membru jew Osservatur jew entità rappreżentanti.

3.

Euro-Argo ERIC jagħti lill-Membri dritt perpetwu, irrevokabbli, mhux esklussiv u mingħajr royalties u mħallas għal kollox madwar id-dinja u liċenzja biex jużaw, jippubblikaw, jiżviluppaw, jikkopjaw jew jadattaw kwalunkwe Dritt ta' Proprjetà Intellettwali li jkun proprjetà ta' Euro-Argo ERIC għal kwalunkwe għan għat-tul kollu ta' dawn id-drittijiet, bit-tali liċenzja u dritt li jinkludu d-dritt ta' subliċenzjar jew ta' trasferiment b'xi mod ieħor ta' kwalunkwe jew kull wieħed minn dawn id-drittijiet imsemmija lil kwalunkwe parti terza.

4.

Id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li huma proprjetà ta' Euro-Argo ERIC għandhom jiġu identifikati, protetti, immaniġġjati u miżmuma mill-Maniġer tal-Programm.

5.

Fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' Proprjetà Intellettwali, ir-relazzjonijiet bejn il-Membri għandhom jiġu ggvernati skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Membri u minn ftehimiet internazzjonali li għalihom l-Istati Membri huma partijiet.

Artikolu 25

Id-Dejta u l-Politika tal-Aċċess għall-Utenti

1.

B'konformità mal-politika dwar id-dejta ta' Argo Internazzjonali, l-aċċess għal dejta tal-Euro-Argo ERIC għandha tkun bla ħlas u miftuħa għal kull persuna jew aġenzija.

2.

L-aġenziji fl-Istati Membri għandhom jagħmlu sforzi raġonevoli biex jospitaw xjenzati, inġiniera u tekniċi viżitaturi għal kollaborazzjonijiet ma' dawk direttament involuti f'attivitajiet ta' Euro-Argo ERIC fil-laboratorji tagħhom.

Artikolu 26

Politika ta' Evalwazzjoni Xjentifika

1.

L-evalwazzjoni xjentifika tal-attivitajiet annwali, għandha tkun ir-responsabbiltà tal-iSTAG.

2.

Reviżjoni tal-attivitajiet u t-tħaddim tal-Euro-Argo ERIC għandha ssir kull ħames snin mill-iSTAG, li jistgħu jinvolvu esperti indipendenti oħrajn fir-reviżjoni skont il-ħtieġa, li jirrapportaw lill-Kunsill.

Artikolu 27

Politika ta' disseminazzjoni

1.

Id-disseminazzjoni tad-dejta għandha titwettaq jew f“pull mode”, jiġifieri permezz ta' ddawnlowdjar mill-websajts taċ-ċentri tad-dejta; jew inkella f“push mode”, li permezz tagħha il-fajls tad-dejta jiġu pprovduti lis-Sistema tat-Telekomunikazzjoni Globali (GTS) tal-Organizzazzjoni Meteoroloġika Dinjija (WMO), liċ-Ċentri tad-Dejta ta' Argo Internazzjonali, lin-Netwerk tad-Dejta u l-Osservazzjoni Marina Ewropew (EMODnet), lis-Servizz Marin Copernicus u lil utenti speċifiċi meta jagħmlu talba għal dan.

2.

L-utenti kollha huma mħeġġa jippubblikaw ir-riżultati tagħhom f'letteratura xjentifika riveduta minn pari, li tippreżenta komunikazzjonijiet f'konferenzi xjentifiċi, kif ukoll f'midja oħra mmirati lejn udjenzi akbar inkluż mingħajr limitazzjoni l-pubbliku ġenerali, l-istampa, il-gruppi taċ-ċittadini, l-edukazzjoni.

3.

Il-Maniġer tal-Programm tal-Euro-Argo ERIC għandu jiżviluppa pjan ta' komunikazzjoni mmirat lejn udjenzi xierqa.

4.

L-użu u l-ġbir tad-dejta tal-Euro-Argo ERIC huwa suġġett għal-liġijiet nazzjonali dwar il-privatezza tad-dejta tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 28

Politika tal-Impjiegi

Il-politika tal-impjiegi għandha tkun irregolata mil-liġijiet tal-Istat fejn Euro-Argo ERIC għandu s-Sede Statutorja tiegħu. L-impjieg u r-reklutaġġi kollha għandhom ikunu strettament fuq bażi mhux diskriminatorja.

Artikolu 29

Politika ta' akkwist

1.

Il-politika ta' akkwist tal-Euro-Argo ERIC għandha tkun trasparenti, mhux diskriminatorja u miftuħa għall-kompetizzjoni.

2.

Il-politika ta' akkwist għandha tkun iddefinita fid-dettall fil-Proċeduri ta' Ħidma Interna, approvati mill-Kunsill.

KAPITOLU 8

TERMINU, STRALĊ, TILWIM

Artikolu 30

Tul ta' żmien

Euro-Argo ERIC għandu jkun stabbilit għal perjodu inizjali li jintemm fil-31 ta' Diċembru 2020 u għandu jkompli jeżisti wara dik id-data soġġett għal deċiżjonijiet tal-Kunsill.

Artikolu 31

Stralċ

1.

Il-Kunsill jista' jiddeċiedi fi kwalunkwe ħin li jtemm u jissoġġetta għal stralċ l-Euro-Argo ERIC, jew li jittrasferixxi l-attivitajiet tiegħu lil entità legali oħra.

2.

Mingħajr dewmien bla bżonn mill-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kunsill sabiex isir l-istralċ, u fi kwalunkwe każ fi żmien għaxart ijiem minn din l-adozzjoni, l-Euro-Argo ERIC għandu jinnotifika lill-Kummissjoni b'dan. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tippubblika avviż adatt fis-serje C ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

3.

Mingħajr dewmien bla bżonn mill-għeluq tal-proċedura tal-istralċ, u fi kwalunkwe każ fi żmien għaxart ijiem minn dan it-tip ta' għeluq, l-Euro-Argo ERIC għandu jinnotifika lill-Kummissjoni Ewropea b'dan. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tippubblika avviż adatt fis-serje C ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

4.

Fi kwalunkwe żmien, fil-każ li l-Euro-Argo ERIC ma jkunx jista' jħallas id-djun tiegħu, għandu jinnotifika immedjatament lill-Kummissjoni Ewropea b'dan. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tippubblika avviż adatt fis-serje C ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.

Kull assi u obbligazzjoni li jibqgħu wara l-ħlas tad-djun tal-Euro-Argo ERIC għandhom jitqassmu fost il-Membri skont id-drittijiet tal-vot tagħhom fiż-żmien tax-xoljiment.

6.

Il-Membri jintrabtu li jorganizzaw iż-żarmar ta' Euro-Argo ERIC u sabiex jiġu ffinanzjati l-ispejjeż relevanti fi proporzjon mad-drittijiet tal-vot tagħhom fiż-żmien tax-xoljiment mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 13.

7.

Euro-Argo ERIC għandu jieqaf jeżisti fil-jum li fih il-Kummissjoni Ewropea tippubblika n-notifika korrispondenti f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 32

Lingwa

1.

Il-lingwa ta' ħidma ta' Euro-Argo ERIC għandha tkun l-Ingliż.

2.

Fejn meħtieġ, lingwa uffiċjali tal-pajjiż ospitanti tal-Euro-Argo ERIC ser tintuża għal relazzjoni mal-awtoritajiet tal-pajjiż ospitanti.

3.

Dawn l-Istatuti għandhom jitqiesu awtentiċi bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-lingwi uffiċjali kollha l-oħra tal-Unjoni Ewropea. L-ebda verżjoni lingwistika ma għandha tieħu preċedenza fuq verżjonijiet oħra.

Artikolu 33

Liġi applikabbli

Euro-Argo ERIC għandu jkun irregolat f'ordni ta' preċedenza:

a.

bil-liġi tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari r-Regolament ERIC (KE) Nru 723/2009;

b.

bil-liġi tal-Istat Ospitanti fil-każ ta' kwistjonijiet li mhumiex koperti (jew li huma koperti parzjalment) minn din il-liġi tal-Unjoni Ewropea;

c.

b'dawn l-Istatuti, adottati b'mod konformi mas-sorsi msemmija hawn fuq tal-liġi; kif ukoll,

d.

bir-regoli ta' implimentazzjoni tiegħu li huma konformi mal-Istatuti.

Artikolu 34

Tilwim

1.

Ħlief kif stipulat f'xi Artikoli oħra tal-Istatuti, f'każ ta' tilwima jew differenza bejn il-Membri li tirriżulta mill-Istatuti jew li tkun konnessa mal-Istatuti, inkluż dwar l-operat jew il-prestazzjoni tal-Euro-Argo ERIC jew dwar it-twettiq mill-Membri tal-obbligi tagħhom skont l-istatuti, il-Kunsill għandu jiltaqa' malajr kemm jista' jkun biex jikkonsulta in bona fede u jfittex li jsolvi t-tilwima.

2.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollha l-ġurisdizzjoni fuq il-litigazzjoni fost il-Membri fir-rigward tal-Euro-Argo ERIC, bejn il-Membri u l-Euro-Argo ERIC u fuq kull każ ta' litigazzjoni li l-Unjoni tkun parti minnha.

3.

F'każijiet mhux koperti mil-leġislazzjoni tal-Unjoni Ewropea, hija l-liġi tal-Istat fejn l-Euro-Argo ERIC għandu s-Sede Statutorja tiegħu li għandha tiddetermina l-ġurisdizzjoni kompetenti għar-riżoluzzjoni ta' dan it-tilwim.

Artikolu 35

Verżjoni kkonsolidata tal-Istatuti

L-istatuti għandhom jinżammu aġġornati u għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit elettroniku tal-Euro-Argo ERIC u fis-Sede Statutorja tiegħu. Kull emenda fl-Istatuti għandha tkun indikata b'mod ċar b'nota li tispeċifika jekk l-emenda tikkonċernax element essenzjali jew mhux essenzjali tal-Istatuti skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 723/2009 u l-proċedura segwita għall-adozzjoni tiegħu.

Anness — Elenku tal-Membri u l-Osservaturi

Il-Membri u l-entitajiet rappreżentanti tagħhom huma dawn li ġejjin:

1.

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija rrappreżentata mill-Aġenzija Federali Marittima u Idrografika, minn hawn 'il quddiem imsejħa BSH li l-uffiċċju rreġistrat tagħha jinsab f'Bernhard-Nocht-Strasse 78, 20359 Hamburg, il-Ġermanja;

2.

Ir-Repubblika Ellenika hija rrappreżentata miċ-Ċentru Elleniku għar-Riċerka Marina li l-uffiċċju rreġistrat tiegħu jinsab f'46,7 km Athens-Sounio Ave. PO Box 712 Anavyssos, Attica GR-190 13, il-Greċja;

3.

Ir-Repubblika Franċiża hija rappreżentata mill-Istitut tar-Riċerka għall-Isfruttament tal-Baħar — (Ifremer) — li l-uffiċċju rreġistrat tiegħu jinsab f'155, Rue Jean Jacques Rousseau, 92138 Issy-les-Moulineaux, Franza;

4.

Ir-Repubblika Taljana hija rappreżentata mill-Istitut Nazzjonali tal-Oċeanografija u l-Ġeofiżika Sperimentali (OGS) li l-uffiċċju rreġistrat tiegħu jinsab f'Borgo Grotta Gigante, 42/c 34010 Sgonico (Trieste), l-Italja;

5.

Il-Pajjiżi l-Baxxi huma rrappreżentati mill-Istitut Meteoroloġiku Rjali tal-Pajjiżi l-Baxxi (KNMI) li l-uffiċċju rreġistrat tiegħu jinsab f'Wilhelminalaan 10, NL- 3732 GK De Bilt, il-Pajjiżi l-Baxxi;

6.

Ir-Repubblika tal-Finlandja hija rrappreżentata mill-Ministeru tat-Trasport u l-Komunikazzjoni, li l-uffiċċju rreġistrat tiegħu jinsab f'PO Box 31, FI–00023 Government, il-Finlandja.

7.

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq huwa rappreżentat mill-Uffiċċju Meteoroloġiku, għal u f'isem is-Segretarju tal-Istat għad-Dipartiment għan-Negozju, l-Innovazzjoni u l-Ħiliet tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, li l-post prinċipali minn fejn jeżerċita n-negozju tiegħu jinsab f'Fitzroy Road, Exeter EX1 3PB;

L-osservaturi u l-entitajiet rappreżentanti tagħhom huma dawn li ġejjin:

1.

Ir-Renju tan-Norveġja huwa rrappreżentat mill-Istitut tar-Riċerka Marina (IMR) li l-uffiċċju rreġistrat tiegħu jinsab f'Nordnesgaten 50, 5005 Bergen, in-Norveġja.

2.

Ir-Repubblika tal-Polonja hija rrappreżentata mill-Ministeru tax-Xjenza u l-Edukazzjoni Għolja (MSHE), 20 Hoża Street 1/3 Wspólna Street 00-529, Varsavja, il-Polonja.

GLOSSARJU

Il-Kunsill

Il-Kunsill huwa magħmul mill-Membri jew minn entità jew delegat rappreżentattiv wieħed (1) maħtur għal kull Membru.

Maġġoranza kkwalifikata

deċiżjoni tista' tiġi adottata biss jekk 2/3 ta' dawk preżenti jaqblu magħha u jekk jirrappreżentaw 2/3 tad-drittijiet tal-vot.

EEA

L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent.

ERIC

Il-Konsorzju Ewropew għall-Infrastruttura tar-Riċerka, kif iddefinit fir-Regolament.

Euro-Argo ERIC

l-entità ġuridika, oġġett tal-istatuti ta' ERIC, imwaqqaf biex jikoordina l-Programm Euro-Argo ERIC.

Infrastruttura Euro-Argo

il-faċilitajiet Ewropej li jikkontribwixxu għall-Programm Euro-Argo.

Programm Euro-Argo

l-attivitajiet imwettqa mill-Membri u mill-Osservaturi skont l-għanijiet ta' Argo u d-deċiżjonijiet u l-Programmi vvalidati mill-Bord tat-Tmexxija u approvati mill-Kunsill tal-Euro-Argo ERIC.

GMES/Copernicus

Is-Sorveljanza Globali għall-Ambjent u s-Sigurtà, Programm tal-UE.

Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali

il-privattivi, id-drittijiet ta' invenzjonijiet, il-mudelli ta' utilità, id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati, il-marki kummerċjali, il-marki tas-servizz, il-kummerċ, in-negozju u l-ismijiet tad-dominji, id-drittijiet innegozjati jew ta' muntatura, id-drittijiet f'avvjament jew ta' tiftix il-qorti għal iffalsifikar, id-drittijeit tal-kompetizzjoni inġusta, id-drittijiet ta' disinji, id-drittijiet tas-softwer tal-kompjuter, id-dritt tal-bażi tad-dejta, id-drittijiet tat-topografija, id-drittijiet morali, id-drittijiet ta' informazzjoni kunfidenzjali (inkluż l-għarfien tal-ħiliet u s-sigrieti tal-kummerċ) kollha u kull dritt ieħor ta' proprjetà intellettwali, f'kull każ jekk irreġistrat jew mhux irreġistrat u inklużi l-applikazzjonijiet kollha għal dawn id-drittijiet u t-tiġdid jew l-estensjonijiet tagħhom, u d-drittijiet jew forom simili kollha jew ekwivalenti ta' protezzjoni f'kull parti tad-dinja.

Proċeduri ta' Ħidma Interna

dokument approvat mill-Kunsill li jiffissa r-regoli ta' ħidma interna għall-Euro-Argo ERIC.

Bord tat-Tmexxija

Il-Bord maħtur mill-Kunsill u inkarigat biex jissorvelja t-tħaddim ta' Euro-Argo ERIC.

Stati Membri

L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

Membri

Il-membri ta' Euro-Argo ERIC skont il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 6.

Osservaturi

L-osservaturi ta' Euro-Argo ERIC skont il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 7.

Maniġer tal-Programm

il-persuna fl-Euro-Argo ERIC maħtura mill-Kunsill u responabbli mit-tħejjija u l-implimentazzjoni xierqa tad-deċiżjonijiet u l-Programmi vvalidati mill-Bord tat-Tmexxija u approvati mill-Kunsill kif jistipula l-Artikolu 15.

Uffiċċju tal-Programm

l-uffiċċju mwaqqaf biex jassisti lill-Maniġer tal-Programm u jappoġġja l-immaniġġjar ta' kuljum tal-Euro-Argo ERIC.

Regolament

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 tal-25 ta' Ġunju, 2009 dwar il-qafas legali ġuridiku Komunitarju applikabbli għal Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka (ERIC) (ĠU L 206, 8.8.2009, p. 1).

Maġġoranza sempliċi

maġġoranza ta' dawk bi drittijiet tal-vot preżenti jew irrappreżentati.

STAG

Il-Grupp Konsultattiv Xjentifiku u Tekniku tal-Euro-Argo ERIC. Dan jifformula rakkomandazzjonijiet dwar l-aspetti xjentifiċi u tekniċi u d-direzzjoni tal-Euro-Argo ERIC.


(1)  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.