14.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 140/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-14 ta' Marzu 2014

dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll Addizzjonali mal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles, bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, sabiex titqies l-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea

(2014/257/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 91, 100(2), 167(3) u 207, flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Att ta' Adeżjoni tal-Kroazja, u b'mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fl-24 ta' Settembru 2012, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati, f'isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha u l-Kroazja, mar-Repubblika tal-Korea sabiex jiġi konkluż Protokoll Addizzjonali mal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa, u r-Repubblika tal-Korea min-naħa l-oħra, sabiex titqies l-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea (“il-Protokoll Addizzjonali”).

(2)

Dawk in-negozjati tlestew b'suċċess billi l-Protokoll Addizzjonali ġie inizjalat fit-8 ta' Novembru 2013.

(3)

Il-Protokoll Addizzjonali għandu jiġi ffirmat f'isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, suġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard.

(4)

Minħabba l-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni fl-1 ta' Lulju 2013, il-Protokoll Addizzjonali għandu jiġi applikat fuq bażi provviżorja b'effett minn dik id-data,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar, f'isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, tal-Protokoll Addizzjonali mal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, sabiex titqies l-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea huwa għalhekk awtorizzat, suġġett għall-konklużjoni tal-Protokoll Addizzjonali.

It-test tal-Protokoll Addizzjonali huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat li jaħtar il-persuna(i) li jkollha s-setgħa li tiffirma l-Protokoll Addizzjonali f'isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha u li tipproċedi, f'isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, li tagħti n-notifika msemmija fl-Artikolu 9 tal-Protokoll Addizzjonali rigward it-tlestija tal-proċeduri interni għall-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja.

Artikolu 3

Il-Protokoll Addizzjonali għandu jiġi applikat fuq bażi provviżorja b'effett mill-1 ta' Lulju 2013, skont l-Artikolu 9(2) u (3) tiegħu, sakemm jitlestew il-proċeduri tal-konklużjoni tiegħu.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Marzu 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

M. CHRISOCHOIDIS