7.5.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 134/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tal-14 ta' April 2014
dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tat-Turkija dwar ir-riammissjoni ta' persuni li jirrisjedu mingħajr awtorizzazzjoni
(2014/252/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 79(3), flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,
Billi:
(1) |
Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/499/UE (1), il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tat-Turkija dwar ir-riammissjoni ta' persuni li jirrisjedu mingħajr awtorizzazzjoni (“il-Ftehim”) ġie ffirmat fis-16 ta' Diċembru 2013, soġġett għall-konklużjoni tiegħu. |
(2) |
Il-Ftehim jistabbilixxi Kumitat Konġunt għar-Riammissjoni li ser jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu. Huwa xieraq li tiġi kkontemplata proċedura simplifikata għall-istabbiliment tal-pożizzjoni tal-Unjoni f'dan il-każ. |
(3) |
Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 tal-imsemmi Protokoll, ir-Renju Unit mhuwiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha. |
(4) |
Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 tal-imsemmi Protokoll, l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. |
(5) |
Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma tiħux sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhix marbuta magħha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha. |
(6) |
Il-Ftehim għandu jiġi approvat, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tat-Turkija dwar ir-riammissjoni ta' persuni li jirrisjedu mingħajr awtorizzazzjoni huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni.
It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill għandu, f'isem l-Unjoni Ewropea, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 24(2) tal-Ftehim, sabiex jiġi espress il-kunsens tal-Unjoni Ewropea li tintrabat bil-Ftehim (2).
Artikolu 3
Il-Kummissjoni, megħjuna minn esperti mill-Istati Membri, għandha tirrappreżenta lill-Unjoni fil-Kumitat Konġunt tar-Riammissjoni mwaqqaf bl-Artikolu 19 tal-Ftehim.
Artikolu 4
Il-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt tar-Riammissjoni dwar l-adozzjoni tar-regoli proċedurali tiegħu kif inhu meħtieġ skont l-Artikolu 19(5) tal-Ftehim għandha tittieħed mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni ma' kumitat speċjali maħtur mill-Kunsill.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, l-14 ta' April 2014.
Għall-Kunsill
Il-President
A. TSAFTARIS
(2) Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ser tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.