3.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 132/68


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-28 ta' April 2014

dwar ir-rikonoxximent tal-qafas legali u superviżorju tal-Arġentina bħala ekwivalenti għall-ħtiġijiet tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2014/246/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-22 ta' Ottubru 2012, il-Kummissjoni tat mandat lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA), li bih talbet il-parir tagħha dwar il-valutazzjoni teknika tal-qafas legali u superviżorju tal-Arġentina fir-rigward tal-aġenziji li jikklassifikaw il-kreditu (CRAs).

(2)

Fil-parir tekniku tagħha mogħti fil-31 ta' Mejju 2013 u fl-aġġornament ta' dak il-parir tekniku mogħti fit-18 ta' Diċembru 2013, l-ESMA indikat li fir-riżultati tagħha, il-qafas legali u superviżorju Arġentin fir-rigward tal-aġenziji li jikklassifikaw il-kreditu huwa komparabbli ma' dak stipulat fir-Regolament (KE) Nru 1060/2009.

(3)

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, iridu jintlaħqu tliet kundizzjonijiet sabiex il-qafas legali u superviżorju ta' pajjiż terz ikun ikkunsidrat bħala ekwivalenti mal-ħtiġijiet ta' dan ir-Regolament.

(4)

Skont l-ewwel kundizzjoni, CRAs f'pajjiżi terzi għandhom ikunu soġġetti għall-awtorizzazzjoni jew għar-reġistrazzjoni u għal superviżjoni u infurzar effettivi fuq bażi kontinwa. Il-qafas legali u regolatorju Arġentin ilu fis-seħħ mill-1992. Riċentement ġie rieżaminat u msaħħaħ, u bħalissa jikkonsisti fil-Liġi Nru 26.831 (il-“Liġi dwar is-Swieq ta' Kapital”), adottata fid-29 ta' Novembru 2012, ikkomplementata bid-Digriet Nru 1023/13 tad-29 ta' Lulju 2013, li jistabbilixxi prinċipji ġenerali dwar is-swieq ta' kapital Arġentini inklużi prinċipji f'livell għoli biex jiġu applikati għas-CRAs, u r-regolamenti l-ġodda tal-Kummissjoni Nazzjonali ta' implimentazzjoni tat-Titoli (Comision Nacional de Valores, CNV), li ġew adottati permezz tar-Riżoluzzjoni Ġenerali Nru 622/2013, kollha fis-seħħ. Is-CRAs għandhom jikkonformaw ukoll mad-dispożizzjonijiet kollha tal-Kodiċi ta' Kondotta tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (IOSCO). Skont dan il-qafas regolatorju, is-CRAs għandhom ikunu rreġistrati u taħt superviżjoni fuq bażi kontinwa mis-CNV. Il-Liġi Nru 26.831 tistabbilixxi l-kompetenzi ta' superviżjoni u ta' sanzjonar tas-CNV. Is-CNV għandha s-setgħa li twettaq spezzjonijiet u investigazzjonijiet fir-rigward ta' persuni fiżiċi jew legali soġġetti għall-awtorità superviżorja tagħha, titlob l-għajnuna tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, tibda azzjonijiet legali u tirrapporta reati. Is-CNV twettaq spezzjonijiet fuq il-post u mhux fuq il-post għal kull CRA rreġistrata darbtejn fis-sena. Is-CNV tista', f'każ ta' ksur tad-dispożizzjonijiet applikabbli, timponi penali bħal multi jew projbizzjoni għal perjodu minimu ta' ħames snin sabiex jitwettqu l-attivitajiet bħala direttur, maniġer, awditur jew membru tal-kumitat tal-klassifikazzjoni. Is-CNV tista' wkoll tissospendi temporanjament jew b'mod permanenti dawk responsabbli kif ukoll tirtira reġistrazzjonijiet jew awtorizzazzjonijiet tas-CRAs. Is-CNV iżżomm reġistru pubbliku ta' kawżi ta' infurzar fuq il-websajt tagħha, li tindika meta l-kawżi jinbdew, id-deċiżjoni finali li titlaħaq u l-penali imposti. Il-ftehim ta' kooperazzjoni konkluż bejn l-ESMA u s-CNV jipprovdi għal skambju ta' informazzjoni fir-rigward ta' miżuri ta' infurzar u superviżorji meħuda fil-konfront ta' CRAs transfruntieri. Fuq din il-bażi, għandu jiġi kkonsidrat li s-CRAs fl-Arġentina huma suġġetti għall-ħtiġijiet tar-reġistrazzjoni ekwivalenti għal dawk stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 u l-arranġamenti superviżorji u ta' infurzar Arġentini applikabbli għas-CRAs huma applikati u infurzati effettivament.

(5)

Skont it-tieni kundizzjoni, is-CRAs fil-pajjiż terz għandhom ikunu soġġetti għal regoli li jorbtu legalment li huma ekwivalenti għal dawk stipulati fl-Artikoli 6 sa 12 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 6a, 6b, 8a, 8b, 8c u 11a, il-punt (ba) tal-punt 3 u l-punti 3a u 3b tat-Taqsima B tal-Anness I ma' dak ir-Regolament. Meta jiġi vvalutat it-twettiq ta' din il-kundizzjoni għandha tingħata attenzjoni mistħoqqa lill-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 462/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) fir-rigward tad-data tal-applikazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009. Il-qafas superviżorju u legali tal-Arġentina jeħtieġ li s-CRAs ikunu regolati minn bord ta' diretturi, responsabbli biex jiżgura maniġġjar sod u prudenti tas-CRA, li l-attivitajiet ta' klassifikazzjoni jkunu indipendenti u li l-kunflitti ta' interess ikunu identifikati, immaniġġjati, divulgati u eliminati b'mod adegwat. Is-CRAs għandhom jadottaw arranġamenti organizzattivi u amministrattivi adegwati u effiċjenti għal dan l-għan, kif ukoll jissottomettu u jżommu informazzjoni dwar kunflitti ta' interess reali u potenzjali relatati mal-membri tal-kumitat tal-klassifikazzjoni, il-membri tal-bord, il-maniġers u l-impjegati permezz tal-Infostrada ta' Informazzjoni Finanzjarja (“Autopista de la informacion financiera”). Is-CRAs għandhom jistabbilixxu u jżommu funzjoni ta' konformità permanenti u effiċjenti li topera indipendentement u tirrapporta direttament lill-bord. Fir-rigward ta' proċessi u proċeduri organizzattivi, il-qafas legali u superviżorju tal-Arġentina jinkludi regoli ddettaljati dwar tal-esternalizzazzjoni, iż-żamma tar-reġistri u l-kunfidenzjalità. Is-CRAs huma meħtieġa jwettqu rieżami tal-metodoloġiji ta' klassifikazzjoni, tal-mudelli u tas-suppożizzjonijiet ta' klassifikazzjoni prinċipali tagħhom, mill-inqas darba fis-sena u jagħmlu monitoraġġ u rieżami tal-klassifikazzjonijiet tagħhom mill-inqas erba' darbiet fis-sena. Il-qafas Arġentin jinkludi firxa wiesgħa ta' ħtiġijiet ta' divulgazzjoni fir-rigward tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu u attivitajiet ta' klassifikazzjoni, bħall-użu obbligatorju ta' kategoriji ta' klassifikazzjoni, il-ħtieġa għal klassifikazzjonijiet tal-kreditu li jiġu ppubblikati minnufih wara deliberazzjoni tal-kumitat ta' klassifikazzjoni u l-klassifikazzjonijiet kollha u r-rapporti ta' klassifikazzjoni tagħhom li jiġu sottomessi għal pubblikazzjoni permezz tal-Infostrada ta' Informazzjoni Finanzjarja fuq il-paġna web tas-CNV. Għaldaqstant, il-qafas legali u superviżorju Arġentin għandu jilħaq l-istess għanijiet tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 fir-rigward tal-immaniġġjar ta' kunflitti ta' interess, il-proċessi u l-proċeduri organizzattivi li CRA għandha tistabbilixxi, il-kwalità tal-klassifikazzjonijiet u tal-metodoloġiji tal-klassifikazzjonijiet, id-divulgazzjoni tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu u d-divulgazzjoni ġenerali u perjodika tal-attivitajiet ta' klassifikazzjoni tal-kreditu. Għalhekk jipprovdi għal protezzjoni ekwivalenti f'termini ta' integrità, trasparenza, governanza tajba tas-CRAs u affidabbiltà tal-attivitajiet ta' klassifikazzjoni tal-kreditu.

(6)

Skont it-tielet kundizzjoni, ir-reġim regolatorju fil-pajjiż terz għandu jevita ndħil mill-awtoritajiet superviżorji u awtoritajiet pubbliċi oħra ta' dak il-pajjiż terz mal-kontenut tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu u tal-metodoloġiji. Is-CNV hija entità amministrattiva u konsegwentement hija suġġetta għal-Liġi 19.549 tat-3 ta' April 1972, il-Liġi tal-Proċedura Amministrattiva. Is-CNV taġixxi permezz ta' atti amministrattivi, fl-ambitu tas-setgħat delegati lilha. Sakemm jista' jiġi aċċertat ma hemm l-ebda dispożizzjoni legali li tagħti s-setgħa lis-CNV jew kull awtorità pubblika oħra biex tinfluwenza l-kontenut tal-klassifikazzjoni jew tal-metodoloġiji tal-kreditu.

(7)

Fl-isfond tal-fatturi eżaminati, il-kundizzjonijiet stipulati fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jistgħu jitqiesu li huma milħuqa mill-qafas legali u superviżorju Arġentin għas-CRAs. Għalhekk, il-qafas legali u superviżorju Arġentin għall-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu għandu jitqies bħala ekwivalenti għall-qafas legali u superviżorju stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 1060/2009. Il-Kummissjoni, infurmata mill-ESMA, għandha tkompli ssegwi l-evoluzzjoni tal-qafas legali u superviżorju Arġentin għas-CRAs u t-twettiq tal-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom ittieħdet din id-deċiżjoni.

(8)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma bi qbil mal-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-finijiet tal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, il-qafas legali u superviżorju għall-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu fis-seħħ fl-Arġentina jitqies bħala ekwivalenti għall-ħtiġijiet tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta' April 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 302, 17.11.2009, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (ĠU L 146, 31.5.2013, p. 1).