30.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 128/45


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-14 ta' April 2014

dwar ir-ratifika ta', jew l-adeżjoni mal-Konvenzjoni Internazzjonali ta' Ħong Kong tal-2009 dwar ir-Riċiklaġġ ta' Bastimenti li jkun Sikur u li Jħares l-Ambjent, mill-Istati Membri fl-interess tal-Unjoni Ewropea

(2014/241/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(6)(a)(v) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni Internazzjonali ta' Ħong Kong tal-2009 dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti li jkun Sikur u li Jħares l-Ambjent, mill-Istati Membri fl-interess tal-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem, “il-Konvenzjoni”), ġiet adottata fil-15 ta' Mejju 2009 taħt l-awspiċji tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) bħala riżultat tad-deliberazzjonijiet tal-Konferenza Internazzjonali dwar ir-Riċiklaġġ ta' Bastimenti li Jkun Sikur u li Jħares l-Ambjent. Il-Konvenzjoni tkopri d-disinn, il-kostruzzjoni, l-operat u l-preparazzjoni ta' bastimenti sabiex jiġi ffaċilitat ir-riċiklaġġ sikur u li jħares l-ambjent mingħajr ma jiġu kompromessi s-sikurezza u l-effiċjenza operattiva. Hija tkopri wkoll it-tħaddim tal-faċilitajiet ta' riċiklaġġ ta' bastimenti b'mod sikur u li jħares l-ambjent u l-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta' infurzar adatt għar-riċiklaġġ ta' bastimenti.

(2)

Il-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ 24 xahar wara d-data ta' ratifika minn tal-inqas 15-il Stat li jirrappreżentaw flotta merkantili kombinata ta' mill-inqas 40 fil-mija tat-tunnellaġġ gross tat-trasport merkantili dinji u li l-volum annwali massimu kombinat tagħha ta' riċiklaġġ ta' bastimenti matul l-10 snin preċedenti jikkostitwixxi mhux inqas minn tlieta fil-mija tat-tunnellaġġ gross tat-trasport merkantili kombinat tal-istess Stati.

(3)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-21 ta' Ottubru 2009, il-Kunsill ħeġġeġ bil-qawwa lill-Istati Membri tal-UE biex jirratifikaw il-Konvenzjoni bħala kwistjoni ta' prijorità sabiex jiġi ffaċilitat id-dħul fis-seħħ tagħha mill-aktar fis possibbli u li tiġi ġġenerata bidla reali u effettiva fil-post.

(4)

Ir-Regolament (UE) Nru 1257/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) għandu l-għan, fost affarijiet oħra, li jimminimizza u, sa fejn ikun prattikabbli, jelimina l-effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent ikkawżati mir-riċiklaġġ ta' bastimenti u li jiffaċilita r-ratifika tal-Konvenzjoni. L-Artikoli 5(9), 7(2), 10(1), 10(2), 12(1) u 12(3) ta' dak ir-Regolament jipprevedu l-allinjament tal-liġi tal-Unjoni mal-Konvenzjoni. L-Artikolu 32(4) jirreferi għas-sitwazzjoni ta' Stati Membri li ma għandhomx bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom jew li jkunu rreġistrati taħt il-bandiera tagħhom jew li jkunu għalqu r-reġistri tal-bastimenti nazzjonali tagħhom. Dawk l-Istati Membri jistgħu jingħataw deroga minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament sakemm l-ebda bastiment ma jkun irreġistrat taħt il-bandiera tagħhom.

(5)

L-Unjoni ma tistax taderixxi għall-Konvenzjoni, minħabba li l-Istati jistgħu ikunu partijiet għaliha.

(6)

B'hekk, il-Kunsill għandu jawtorizza lill-Istati Membri li għandhom bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom jew li jkunu rreġistrati taħt il-bandiera tagħhom li jaqgħu fl-ambitu tal-Konvenzjoni biex jirratifikawha jew jaderixxu magħha.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Istati Membri huma b'dan awtorizzati jirratifikaw jew jaderixxu għal, għall-partijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, mal-Konvenzjoni Internazzjonali ta' Ħong Kong tal-2009 dwar ir-Riċiklaġġ ta' Bastimenti li jkun Sikur u li Jħares l-Ambjent.

Artikolu 2

L-Istati Membri li jkunu rratifikaw jew aderixxew mal-Konvenzjoni għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b'dan fi żmien 6 xhur mid-data tad-depożitu tal-istrumenti ta' ratifika jew tal-adeżjoni tagħhom mas-Segretarjat Ġenerali tal-OMI.

Il-Kunsill ser janalizza l-progress fir-ratifika sal-31 ta' Diċembru 2018.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-14 ta' April 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

A. TSAFTARIS


(1)  Regolament (UE) Nru 1257/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 dwar ir-riċiklaġġ tal-vapuri u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 u d-Direttiva 2009/16/KE (ĠU L 330, 10.12.2013, p. 1).