26.4.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 125/84 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
tat-23 ta' April 2014
li tapprova l-aġġornament tal-programm ta' aġġustament makroekonomiku tal-Portugall
(2014/235/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b'diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 7(5) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 japplika għal Stati Membri li, fil-waqt tad-dħul fis-seħħ tiegħu, diġà qed jirċievu assistenza finanzjarja, inkluż mill-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabilizzazzjoni Finanzjarja (EFSM) u/jew il-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja (EFSF). |
(2) |
Ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 jistabbilixxi regoli għall-approvazzjoni ta' programmi ta' aġġustament makroekonomiku għall-Istati Membri li jirċievu din l-assistenza finanzjarja, li jeħtieġ li jkunu applikati flimkien mar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 (2) meta l-Istat Membru kkonċernat jirċievi l-assistenza kemm mill-EFSM kif ukoll minn sorsi oħra. |
(3) |
Il-Portugall ingħata assistenza finanzjarja kemm mill-EFSM, permezz tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/344/UE (3), kif ukoll mill-EFSF. |
(4) |
Għal raġunijiet ta' konsistenza, l-aġġornament tal-programm ta' aġġustament makroekonomiku għall-Portugall, skont ir-Regolament (UE) Nru 472/2013, għandu jiġi approvat b'kunsiderazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/344/UE. |
(5) |
F'konformità mal-Artikolu 3(10) tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/344/UE, il-Kummissjoni, flimkien mal-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Bank Ċentrali Ewropew, wettqet il-ħdax-il rieżami biex tivvaluta l-progress li sar mill-awtoritajiet Portugiżi fl-implimentazzjoni tal-miżuri miftiehma skont il-programm ta' aġġustament makroekonomiku, kif ukoll l-effikaċja u l-impatt ekonomiku u soċjali tagħhom. Bħala konsegwenza ta' dan ir-rieżami, jeħtieġ li jsiru xi bidliet fil-programm ta' aġġustament makroekonomiku eżistenti. |
(6) |
Dawk il-bidliet jinsabu fid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/344/UE kif emendata bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/234/UE (4), |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-miżuri stipulati fl-Artikolu 3(8) u (9) tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/344/UE li għandhom jittieħdu mill-Portugall bħala parti mill-programm ta' aġġustament makroekonomiku tiegħu, huma b'dan approvati.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fil-jum tan-notifika tagħha.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Portugiża.
Magħmul fi Brussell, it-23 ta' April 2014.
Għall-Kunsill
Il-President
D. KOURKOULAS
(1) ĠU L 140, 27.5.2013, p. 1.
(2) Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta' Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta' stabbilizzazzjoni finanzjarja (ĠU L 118, 12.5.2010, p. 1).
(3) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/344/UE tas-17 ta' Mejju 2011 dwar l-għoti ta' assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Portugall (ĠU L 159, 17.6.2011, p. 88).
(4) Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/234/UE tat-23 ta' April 2014 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/344/UE dwar l-għoti ta' assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Portugall (Ara paġna 75 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).