26.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 125/44


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-14 ta' April 2014

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Qafas dwar Sħubija Komprensiva u Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Indoneżja, min-naħa l-oħra, bl-eċċezzjoni ta' materji relatati mar-riammissjoni

(2014/230/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 91, 100, 191(4), 207 u 209, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/229/UE (2), il-Ftehim Qafas dwar Sħubija Komprensiva u Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Indoneżja, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) ġie ffirmat fid-9 ta' Novembru 2009, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard.

(2)

Ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim jikkonċernaw ir-riammissjoni, u għalhekk jaqgħu taħt l-ambitu ta' Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat. Deċiżjoni separata (3) relatata ma' dawk id-dispożizzjonijiet, kif jinsabu fl-Artikolu 34(3) tal-Ftehim, ser tiġi adottata b'mod parallel ma' din id-Deċiżjoni.

(3)

Il-Ftehim għandu jiġi approvat f'isem l-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim Qafas dwar Sħubija Komprensiva u Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Indoneżja, min-naħa l-oħra (4), bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 34(3) tiegħu, huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà għandhom jippresjedu l-Kumitat Konġunt previst fl-Artikolu 41 tal-Ftehim. L-Unjoni jew, skont il-każ, l-Unjoni u l-Istati Membri, għandha tkun irrappreżentata/għandhom ikunu rrappreżentati fil-Kumitat Konġunt skont is-suġġett.

Artikolu 3

Il-President tal-Kunsill għandu, f'isem l-Unjoni Ewropea, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 48(1) tal-Ftehim (5).

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-14 ta' April 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON


(1)  L-approvazzjoni ngħatat fis-26 ta' Frar 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/229/UE tas-27 ta' Ottubru 2009 dwar l-iffirmar tal-Ftehim Qafas dwar Sħubija komprensiva u Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Indoneżja, min-naħa l-oħra (ara paġna 16 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali)

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/231/UE tal-14 ta' April 2014 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Qafas dwar Sħubija Komprensiva u Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Indoneżja, min-naħa l-oħra, bl-eċċezzjoni ta' materji relatati mar-riammissjoni (ara paġna 46 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali)

(4)  It-tets tal-Ftehim kien ippubblikat fil-ĠU L 125, 26.4.2014, p. 17 flimkien mad-deċiżjoni fuq il-firma.

(5)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ser tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.