15.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 111/85


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-14 ta' April 2014

li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja lill-Ukraina

(2014/215/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 213 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina qegħdin jiżviluppaw fi ħdan il-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) u s-Sħubija tal-Lvant. Il-Ftehm ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-Ukraina daħal fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 1998. Id-djalogu politiku bilaterali u l-kooperazzjoni ekonomika kienu mtejba ulterjorment fil-qafas tal-Aġenda ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukraina adottata fit-23 ta' Novembru 2009. Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Ukraina min-naħa l-oħra (“il-Ftehim ta; Assoċjazzjoni”), li jinkludi Żona ta' Kummerċ Ħieles Profonda u Komprensiva (DCFTA), ġie nnegozjat mill-2007 sal-2011 u ġie inizjalatat fl-2012. Fil-21 ta' Novembru 2013, il-Kabinett tal-Ministri tal-Ukraina ddeċieda li jissospendi l-iffirmar tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni. Madankollu, minn meta rreżenja l-gvern tal-Ukraina fi Frar 2014, il-gvern attwali tal-Ukraina iddikjara r-rieda tiegħu li jiffirma il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni fil-ġejjieni qrib. Fis-6 ta' Marzu 2014, il-Kunsill Ewropew iddikjara fl-Istqarrija tiegħu dwar l-Ukraina l-impenn tiegħu li jiffirma fi żmien qasir il-kapitoli politiċi kollha tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, u li unilateralment jadotta miżuri li jippermettu lill-Ukraina tibbenefika sostanzjalment mid-DCFTA.

Il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għal dak il-għan ġiet adottata mill-Kummissjoni fil-11 ta' Marzu 2014.

(2)

Il-kriżi politika attwali għandha konsegwenzi tassew negattivi fuq l-istabbiltà ekonomika u finanzjarja diġà prekarja tal-Ukraina. L-Ukraina qed tiffaċċa bilanċ ta' pagamenti u sitwazzjoni fiskali dgħajfa ħafna u li sejrin għall-agħar b'mod rapidu, bl-ekonomija dieħla f'riċessjoni mill-ġdid. L-interruzzjoni de facto tal-assistenza tar-Russja skont il-pakkett tagħha ta' USD 15-il biljun, u t-tmiem imħabbar tal-prezzijiet tal-gass mraħħsa mogħtija minn qabel mill-kumpanija Gazprom minn April 2014, se jagħmlu s-sitwazzjoni saħansitra aktar agħar. F'dawn iċ-ċirkostanzi, l-Ukraina qed tiffaċċa riskju serju ta' inadempjenza fil-futur qrib.

(3)

Wara r-riżenja tal-gvern preċedenti, inħatar President Interim ġdid u l-Parlament tal-Ukraina appunta gvern ġdid fit-22 u fis-27 ta' Frar 2014 rispettivament. Għalkemm il-Kostituzzjoni tal-Ukraina tal-2004 ġiet riintegrata u l-elezzjonijiet presidenzjali tħabbru għall-25 ta' Mejju 2014, l-Ukraina ma setgħetx terġa' lura għall-istabbiltà politika, minħabba li s-sovranità u l-integrità territorjali tagħha riċentement ġew vjolati mill-Federazzjoni Russa.

(4)

F'dan il-kuntest, l-Ukraina teħtieġ assistenza finanzjarja urġenti minn kredituri u donaturi internazzjonali. Jekk id-deċiżjoni li tingħata tali assistenza finanzjarja kellha tiġi adottata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill skont l-Artikolu 212 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) taħt il-proċedura leġislattiva ordinarja, l-iżborż rapidu tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni lill-Ukraina (“l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni”) fl-ewwel nofs tal-2014 ma jkunx possibbli, u għalhekk ma jiġux indirizzati l-ħtiġijiet finanzjarji urġenti tal-Ukraina. Għalhekk huwa ġġustifikat li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tkun ipprovduta abbazi ta' Deċiżjoni tal-Kunsill adottata skont l-Artikolu 213 TFUE.

(5)

L-urġenza tal-assistenza hija relatata mal-ħtieġa immedjata mill-Ukraina għall-fondi, flimkien ma' dawk li se jkunu pprovduti minn istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħra u donaturi bilaterali oħra u mal-assistenza makrofinanzjarja provduta mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/639/KE (1) u d-Deċiżjoni Nru 646/2010/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(6)

Il-kriżi attwali fl-Ukraina tiġġustifika l-użu eċċezzjonali tal-proċedura urġenti skont l-Artikolu 213 TFUE. Din id-deċiżjoni li tipprovdi l-assistenza makrofinanzjarja lill-Ukraina hija mingħajr preġudizzju għal operazzjonijiet oħra tal-assistenza mikrofinanzjarja fil-ġejjieni.

(7)

Mir-reżenja tal-gvern tal-Ukraina, f'okkażjonijiet varji, l-Unjoni ddikjarat l-impenn tagħha li tappoġġa l-gvern il-ġdid tal-Ukraina fil-miri tiegħu biex jistabbilizza s-sitwazzjoni u jfittex li jsegwi t-triq tar-riformi. L-Unjoni ddikjarat ukoll li hija lesta li tappoġġa bis-sħiħ l-isforzi tal-komunità internazzjonali u tal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, b'mod partikolari tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), fir-rigward ta' pakkett ta' assistenza internazzjonali massal biex jindirizza l-ħtiġijiet urġenti tal-Ukraina, abbażi ta' impenn ċar tal-Ukraina favur ir-riformi. L-appoġġ finanzjarju mill-Unjoni lill-Ukraina huwa konsistenti mal-politika tal-Unjoni kif stabbilit fil-Politika Ewropea tal-Viċinat u fis-Sħubija tal-Lvant.

(8)

L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun strument finanzjarju eċċezzjonali ta' appoġġ mingħajr irbit u mingħajr deżinjazzjoni għall-bilanċ tal-pagamenti, li għandha l-għan li tindirizza l-ħtiġijiet finanzjarji esterni immedjati tal-benefiċjarju u għandha tirfed l-implimentazzjoni ta' programm ta' politika li fih miżuri qawwija ta' riforma strutturali u ta' aġġustament immedjat maħsuba biex itejbu l-pożizzjoni tal-bilanċ tal-pagamenti fuq perjodu ta' żmien qasir.

(9)

L-awtoritajiet tal-Ukraina u l- FMI huma mistennija li ma jdumux ma jaqblu dwar programm ekonomiku li jkun appoġġat minn arranġament ta' finanzjament mal-FMI.

(10)

Fil-5 ta' Marzu 2014, fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-bilanċ tal-pagamenti fl-Ukraina li qalbet mill-ħażin għall-agħar, il-Kummissjoni ħabbret pakkett ta' sostenn, li kien jinkludi l-assistenza makrofinanzjarja proposta tal-Unjoni. Dak il-pakkett ġie approvat mill-Kunsill Ewropew Straordinarju tas-6 ta' Marzu 2014. Dak il-pakkett jinkludi assistenza finanzjarja ta' EUR 11-il biljun għall-perjodu bejn l-2014 u l-2020 tinkludi ammont totali ta' EUR 1,565 biljun f'għotjiet għall-istess perjodu mmobilizzati fl-Istrument Ewropew tal-Viċinat, il-Faċilità ta' Investiment tal-Viċinat, l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabilità u l-Paċi u mill-baġit tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni.

L-iżborż tal-assistenza makrofinanzjarja provdut mid-Deċiżjoni 2002/639/KE u d-Deċiżjoni Nru 646/2010/UE jsir malli l-programm tal-FMI jidħol fis-seħħ.

(11)

Minħabba li l-Ukraina hija pajjiż kopert mill-PEV, hija eliġibbli biex tirċievi l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni.

(12)

Fid-dawl li l-ħtiġijiet finanzjarji esterni tal-Ukraina li sejrin għall-agħar b'mod drastiku huma mistennija jkunu ogħla milli se jkun ipprovdut mill-FMI u l-istituzzjonijiet multilaterali l-oħrajn, l-assistenza makrofinanzjarja urġenti tal-Unjoni li għandha tingħata lill-Ukraina, fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali attwali, għandha tkun ikkunsidrata bħala reazzjoni xierqa għat-talba tal-Ukraina biex tappoġġa l-istabbilizzazzjoni finanzjarja. L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tappoġġa l-istabbilizzazzjoni ekonomika u l-programm ta' riformi strutturali tal-Ukraina, filwaqt li tissupplimenta r-riżorsi li huma disponibbli taħt l-arranġament finanzjarju tal-FMI.

(13)

L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandu jkollha l-għan li tappoġġa l-ħolqien mill-ġdid ta' sitwazzjoni finanzjarja esterna sostenibbli għall-Ukraina, u b'hekk tappoġġa l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tagħha.

(14)

L-ammont tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni huwa bbażat fuq estimu preliminari tal-ħtiġijiet ta' finanzjament estern residwu tal-Ukraina u jqis il-kapaċità tagħha ta' awtofinanzjament bir-riżorsi proprji, partikolarment ir-riservi internazzjonali għad-dispożizzjoni tagħha. L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tikkomplimenta l-programmi u r-riżorsi pprovduti mill-FMI u l-Bank Dinji. Id-determinazzjoni tal-ammont tal-assistenza tqis ukoll il-ħtieġa li tiġi żgurata l-kondiviżjoni ġusta tal-piż bejn l-Unjoni u donaturi oħrajn, kif ukoll l-implimentazzjoni diġà eżistenti tal-istrumenti ta' finanzjament esterni l-oħrajn tal-Unjoni fl-Ukraina u l-valur miżjud tal-involviment ġenerali tal-Unjoni.

(15)

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tkun legalment u sostanzjalment konformi mal-prinċipji, objettivi u miżuri ewlenin meħuda fl-oqsma differenti tal-azzjoni esterna u linji ta' politika oħra rilevanti tal-Unjoni.

(16)

L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tappoġġa l-politika esterna tal-Unjoni rigward l-Ukraina. Is-servizzi tal-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għandhom jaħdmu mill-qrib matul l-operazzjoni ta' assistenza makrofinanzjarja kollha bil-għan li jikkoordinaw il-politika esterna tal-Unjoni u li jiggarantixxu l-konsistenza tagħha.

(17)

L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tappoġġa l-impenn tal-Ukraina fir-rigward tal-valuri kondiviżi mal-Unjoni, fosthom id-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-iżvilupp sostenibbli u t-tnaqqis fil-faqar, kif ukoll l-impenn tiegħu għall-prinċipji ta' kummerċ miftuħ, ibbażat fuq ir-regoli u b'mod ġust.

(18)

Prekundizzjoni għall-għoti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun li l-Ukraina tirrispetta l-mekkaniżmi demokratiċi effettivi, inklużi s-sistema parlamentari b'diversi partiti, l-istat tad-dritt u tiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem. Barra minn hekk, l-objettivi speċifiċi tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom ikunu li jssaħħu l-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà fis-sistemi tal-maniġment tal-finanzi pubbliċi fl-Ukraina, u jippromwovu r-riformi strutturali li għandhom l-għan li jappoġġaw it-tkabbir sostenibbli u l-konsolidazzjoni fiskali. Kemm it-twettiq tal-prekundizzjoni kif ukoll il-ksib ta' dawk l-objettivi għandhom jiġu regolarment sorveljati mill-Kummissjoni.

(19)

Biex ikun żgurat li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni konnessi mal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jiġu mħarsa b'mod effiċjenti, l-Ukraina għandha tieħu miżuri xierqa fir-rigward tal-prevenzjoni ta', u l-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kull irregolarità oħra marbuta mal-assistenza. Barra minn hekk, għandu jsir provvediment biex il-Kummissjoni twettaq kontrolli u biex il-Qorti tal-Awdituri twettaq l-awditi.

(20)

Ir-rilaxx tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni huwa mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(21)

L-ammonti li għandhom jiġu pprovduti meħtieġa għall-assistenza makrofinanzjarja għandhom ikunu konsistenti mal-approprjazzjonijiet baġitarji definiti fil-qafas finanzjarju pluriennali.

(22)

L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi mmaniġjata mill-Kummissjoni. Sabiex ikun żgurat li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jkunu jistgħu jsegwu l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tinfurmahom regolarment bl-iżviluppi marbutin mal-għajnuna u tipprovdilhom id-dokumenti rilevanti.

(23)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta' implimentazzjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3),

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-Unjoni tagħmel l-assistenza finanzjarja disponibbli għall-Ukraina bl-ammont massimu ta' EUR 1 biljun, sabiex jiġu appoġġati l-istabbiltà ekonomika u r-riformi tal-Ukraina (“l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni”). L-assistenza għandha tikkontribwixxi lejn il-ħtiġijiet tal-bilanċ tal-pagamenti urġenti kif identifikati fil-programm ekonomiku tal-gvern appoġġat mill-FMI.

2.   L-ammont sħiħ tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandu jkun ipprovdut lill-Ukraina fil-forma ta' self. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa, f'isem l-Unjoni, biex tissellef il-fondi meħtieġa mis-swieq kapitali jew minn istituzzjonijiet finanzjarji u ssellifhom lill-Ukraina. Is-self għandu jkollu maturità massima ta' 15-il sena.

3.   Ir-rilaxx tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandu jiġi ġestit mill-Kummissjoni b'mod konsistenti mal-ftehimiet jew l-arranġamenti milħuqa bejn l-FMI u l-Ukraina u mal-prinċipji u l-objettivi prinċipali tar-riformi ekonomiċi stabbiliti fl-Aġenda ta' Assoċjazzjoni UE-Ukraina maqbula skont il-PEV.

4.   Il-Kummissjoni għandha tinforma regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-iżviluppi fir-rigward tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, inkluż l-iżborż tagħha, u tipprovdi lil dawk l-istituzzjonijiet id-dokumenti rilevanti fi żmien debitu.

5.   L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha ssir disponibbli għal perjodu ta' sena li jibda mill-ewwel jum wara d-dħul fis-seħħ tal-Memorandum ta' Qbil imsemmi fl-Artikolu 3(1) ta' din id-Deċiżjoni. Il-perjodu ta' disponibbiltà jista' jiġi estiż b'deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni.

6.   Fejn il-ħtiġijiet ta' finanzjament tal-Ukraina jonqsu b'mod fundamentali matul il-perjodu ta' ħlas tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni meta mqabbel mal-previżjonijiet inizjali, il-Kummissjoni, filwaqt li taġixxi f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 7(2), għandha tnaqqas l-ammont tal-assistenza jew tissospendiha jew tħassarha.

Artikolu 2

Prekundizzjoni għall-għoti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun li l-Ukraina tirrispetta l-mekkaniżmi demokratiċi effettivi, inklużi s-sistema parlamentari b'diversi partiti, l-istat tad-dritt u tiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem.

Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-ilħuq ta' din il-prekundizzjoni matul iċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni.

Dan l-Artikolu għandu japplika f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE (4).

Artikolu 3

1.   Il-Kummissjoni, f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 7(2), għandha tilħaq ftehim mal-awtoritajiet tal-Ukraina dwar politika ekonomika u kundizzjonijiet finanzjarji definiti b'mod ċar, ikkonċentrati fuq riformi strutturali u finanzi pubbliċi sodi, li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun soġġetta għalihom, li għandhom jitniżżlu f'Memorandum ta' Qbil li jinkludi perjodu taż-żmien għall-ilħuq ta' dawk il-kundizzjonijiet.

Il-politika ekonomika u l-kundizzjonijiet finanzjarji stabbiliti fil-Memorandum ta' Qbil għandhom ikunu konsistenti mal-ftehimiet jew qbil imsemmija fl-Artikolu 1(3), inklużi l-aġġustament makroekonomiku u l-programmi ta' riforma strutturali implimentati mill-Ukraina, bl-appoġġ tal-FMI.

2.   Dawk il-kundizzjonijiet għandhom jimmiraw, b'mod partikolari, li jtejbu l-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà tas-sistemi ta' maniġment tal-finanzi pubbliċi fl-Ukraina, inkluż għall-użu tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. Il-progress rigward il-ftuħ reċiproku tas-suq, l-iżvilupp ta' kummerċ ġust u bbażat fuq ir-regoli u prijoritajiet oħrajn fil-kuntest tal-politika esterna tal-Unjoni jitqiesu wkoll b'mod debitu fit-tfassil tal-miżuri ta' politika. Il-progress fl-ilħuq ta' dawk l-objettivi għandu jiġi sorveljat regolarment mill-Kummissjoni.

3.   It-termini finanzjarji ddettaljati tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom jiġu stipulati fi Ftehim tas-Self li għandu jintlaħaq bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Ukraina.

4.   Il-Kummissjoni għandha tivverifika f'intervalli regolari li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 4(3) jibqgħu jiġu sodisfatti, inkluż li l-politiki ekonomiċi tal-Ukraina jkunu f'konformità mal-objettivi tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. Hija u tagħmel dan, il-Kummissjoni għandha tikkoordina mill-qrib mal-FMI u mal-Bank Dinji u, fejn ikun meħtieġ, mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

Artikolu 4

1.   Suġġett għall-kundizzjonijiet fil-paragrafu 3, l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun disponibbli mill-Kummissjoni f'żewġ pagamenti parzjali. Id-daqs ta' kull pagament parzjali għandu jiġi stabbilit fil-Memorandum ta' Qbil. Jekk, b'mod eċċezzjonali, iċ-ċirkostanzi jirrikjedu dan, l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tista' ssir disponibbli f'pagament parzjali wieħed.

2.   L-ammonti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom ikunu pprovduti, fejn meħtieġ, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 (5).

3.   Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali soġġett għall-ilħuq tal-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

il-prekundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2;

(b)

rekord sodisfaċenti kontinwu fl-implimentazzjoni ta' programm ta' politika li fih miżuri ta' aġġustament u ta' riforma strutturali appoġġati minn arranġament ta' kreditu mill-FMI mhux prekawzjonarju.;

(c)

l-implimentazzjoni, f'perjodu ta' żmien speċifiku, tal-politika ekonomika u l-kundizzjonijiet finanzjarji miftiehma fil-Memorandum ta' Qbil.

Fil-każ li jkun previst it-tieni pagament parzjali, dan ma għandux isir qabel ma jgħaddu tliet xhur mir-rilaxx tal-ewwel pagament parzjali.

4.   Meta l-kundizzjonijiet tal-paragrafu 3 ma jiġux sodisfatti, il-Kummissjoni għandha temporanjament tissospendi jew tħassar l-iżborż tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. F'tali każijiet, għandha tinforma r-raġunijiet għal dik is-sospensjoni jew it-tħassir lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha titħallas lill-Bank Nazzjonali tal-Ukraina.

6.   L-iżborż għandu jibda minnufih malli l-programm tal-FMI jkun fis-seħħ.

Artikolu 5

1.   Għoti u teħid b'self marbutin mal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom isiru fil-munita euro bl-użu tal-istess data tal-valur u ma għandhomx jinvolvu lill-Unjoni fit-trasformazzjoni tal-maturitajiet, jew jesponuha għal kwalunkwe riskju marbut mar-rata tal-kambju jew mar-rata tal-imgħax, jew għal kwalunkwe riskju kummerċjali ieħor.

2.   Fejn iċ-ċirkostanzi jippermettu, u jekk l-Ukraina titlob dan, il-Kummissjoni tista' tieħu l-passi meħtieġa biex tiżgura li tiddaħħal klawżola dwar ir-rimborż bikri fit-termini u l-kundizzjonijiet tas-self u li din tkun appoġġata minn klawżola korrispondenti fit-termini u l-kundizzjonijiet tal-operazzjonijiet tat-teħid ta' self.

3.   Fejn iċ-ċirkostanzi jippermettu titjib fir-rata tal-imgħax tas-self, u jekk l-Ukraina titlob dan, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tiffinanzja mill-ġdid it-teħid ta' self inizjali kollu, jew parti minnu jew tista' tirristruttura l-kundizzjonijiet finanzjarji korrispondenti. L-operazzjonijiet ta' finanzjament mill-ġdid jew ta' ristrutturar għandhom jitwettqu skont il-paragrafi 1 u 4, u m'għandux ikollhom l-effett li jestendu l-maturità tas-self ikkonċernat jew li jżidu l-ammont ta' kapital pendenti fid-data tal-finanzjament mill-ġdid jew tar-ristrutturar.

4.   Il-kostijiet kollha mġarrba mill-Unjoni li huma relatati mal-operazzjonijiet ta' għoti jew teħid b'self skont din id-Deċiżjoni għandhom jiġġarrbu mill-Ukraina.

5.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-iżviluppi fl-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3.

Artikolu 6

1.   L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi implimentata skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 (7).

2.   L-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun taħt maniġment dirett.

3.   Il-Memorandum ta' Qbil u l-Ftehim tas-Self li jridu jiġu miftiehma mal-awtoritajiet tal-Ukraina għandu jkun fihom dispożizzjonijiet:

(a)

li jiżguraw li l-Ukraina tivverifika regolarment li l-finanzjament ipprovdut mill-baġit tal-Unjoni jkun intuża kif suppost, li din tieħu miżuri xierqa biex tipprevjeni l-irregolaritajiet u l-frodi u, jekk ikun meħtieġ, tieħu azzjoni legali biex tirkupra kwalunkwe fondi pprovduti skont din id-Deċiżjoni li jkunu ġew miżapproprjati;

(b)

li jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, b'mod partikolari billi jipprovdu miżuri speċifiċi fir-rigward tal-prevenzjoni ta', u l-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe irregolarità oħra li taffettwa l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (8), ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (9) u r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10);

(c)

li jawtorizzaw espressament lill-Kummissjoni, inkluż l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi, jew lir-rappreżentanti tagħha biex iwettqu verifiki, inklużi spezzjonijiet fuq il-post;

(d)

li jawtorizzaw espressament lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri jwettqu awditi matul u wara l-perjodu ta' disponibbiltà tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, inkluż awditjar ta' dokumenti u awditjar fuq il-post, bħal pereżempju valutazzjonijiet operazzjonali; u

(e)

li jiżguraw li l-Unjoni hija intitolata għal rimborż bikri tas-self fejn ikun stabbilit li, fir-rigward tal-maniġment tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, l-Ukraina wettqet kwalunkwe att ta' frodi jew ta' korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali li hija ta' detriment għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

4.   Matul l-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tissorvelja, permezz ta' valutazzjonijiet operazzjonali, il-validità tal-arranġamenti finanzjarji tal-Ukraina, il-proċeduri amministrattivi u l-mekkaniżmi ta' kontroll interni u esterni li huma rilevanti għall-assistenza.

Artikolu 7

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 8

1.   Sat-30 ta' Ġunju ta' kull sena, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni fis-sena ta' qabel, inkluża evalwazzjoni ta' dik l-implimentazzjoni. Dak ir-rapport għandu:

(a)

jeżamina l-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni;

(b)

jivvaluta s-sitwazzjoni ekonomika u l-prospetti tal-Ukraina, kif ukoll il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta' politika msemmija fl-Artikolu 3(1);

(c)

jindika r-rabta bejn il-kundizzjonijiet tal-politika ekonomika stipulati fil-Memorandum ta' Qbil, il-prestazzjoni ekonomika u fiskali attwali tal-Ukraina u d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li tirrilaxxa l-pagamenti parzjali tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni.

2.   Sa mhux aktar tard minn sentejn wara li jiskadi l-perjodu ta' disponibbiltà msemmi fl-Artikolu 1(5), il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta' evalwazzjoni ex post, li jivvaluta r-riżultati u l-effiċjenza tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni kkompletata u sa liema punt din ikkontribwixxiet għall-għanijiet tal-assistenza.

Artikolu 9

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-14 ta' April 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/639/KE tat-12 ta' Lulju 2002 li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja supplimentari lill-Ukraina (ĠU L 209, 6.8.2002, p. 22).

(2)  Deċiżjoni Nru 646/2010/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2010 li tipprovdi assistenza mikrofinanzjarja lill-Ukraina (ĠU L 179, 14.7.2010, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta' Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 tal-25 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi Fond ta' Garanzija għall-azzjonijiet esterni (ĠU L 145, 10.6.2009, p. 10).

(6)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1)

(7)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).

(8)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1).

(9)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

(10)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).