15.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 111/4


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-14 ta' April 2014

dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubbliki tal-Kosta Rika, ta' El Salvador, tal-Gwatemala, tal-Ħonduras, tan-Nikaragwa u tal-Panama, min-naħa l-oħra, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 49(3) tiegħu

(2014/211/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 209(2), flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubbliki tal-Kosta Rika, ta' El Salvador, tal-Gwatemala, tal-Ħonduras, tan-Nikaragwa u tal-Panama, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), kien iffirmat fil-15 ta' Diċembru 2003, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard.

(2)

F'konformità mal-Artikolu 54(1) tal-Ftehim, il-Ftehim jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara dak li fih il-Partijiet Kontraenti jinnotifikaw lil xulxin li kkompletaw il-proċeduri meħtieġa għal dik il-fini.

(3)

Il-Partijiet Kontraenti kollha għall-Ftehim, inklużi l-Istati Membri kollha tal-Unjoni fil-mument tal-iffirmar tal-Ftehim, s'issa ddepożitaw l-istrumenti ta' ratifika tagħhom, bl-eċċezzjoni għall-Unjoni.

(4)

L-Artikolu 49(3) tal-Ftehim jistabbilixxi l-obbligi tal-Partijiet Kontraenti dwar ir-riammissjoni tal-migranti illegali. B'konsegwenza, dik id-dispożizzjoni taqa' fl-ambitu tat-Titolu V tal-Parti Tlieta tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u partikolarment l-Artikolu 79(3) tiegħu, u japplikaw ukoll il-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja u l-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, it-tnejn annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-TFUE.

(5)

B'konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fl-1 ta' Diċembru 2009, l-Unjoni Ewropea ssostitwixxiet u ssuċċediet lill-Komunità Ewropea.

(6)

Il-Ftehim għandu jiġi approvat, bl-eċċezzjoni għall-Artikolu 49(3) tiegħu. Deċiżjoni separata dwar il-konklużjoni tal-Artikolu 49(3) tal-Ftehim, ser tiġi adottata b'mod parallel ma' din id-Deċiżjoni (1).

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubbliki tal-Kosta Rika, ta' El Salvador, tal-Gwatemala, tal-Ħonduras, tan-Nikaragwa u tal-Panama, min-naħa l-oħra, huwa b'din approvat f'isem l-Unjoni, bl-eċċezzjoni għall-Artikolu 49(3) tiegħu.

It-test tal-Ftehim jinsab mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu, f'isem l-Unjoni Ewropea jagħti n-notifiki previsti fl-Artikolu 54 tal-Ftehim (2) u jagħti n-notifiki segwenti:

“Bħala konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fl-1 ta' Diċembru 2009, l-Unjoni Ewropea ssostitwixxiet u ssuċċediet lill-Komunità Ewropea u minn dik id-data kull dritt u tassumi kull obbligu tal-Komunità Ewropea. Għalhekk, kull referenza għal ‘il-Komunità Ewropea’ jew għal ‘il-Komunità’ fit-test tal-Ftehim għandha tinaqra, fejn ikun il-każ, bħala referenza għal ‘l-Unjoni Ewropea’ jew l-‘Unjoni’.”;

“Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim li jaqgħu fl-ambitu tat-Titolu V tal-Parti Tlieta tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jorbtu lir-Renju Unit u lill-Irlanda bħala Partijiet Kontraenti separati, u mhux bħala parti tal-Unjoni Ewropea, sakemm l-Unjoni Ewropea flimkien mar-Renju Unit u/jew l-Irlanda ma jinnotifikawx lill-Parti tal-Amerika Ċentrali li r-Renju Unit u/jew l-Irlanda huma marbutin bħala parti mill-Unjoni Ewropea f'konformità mal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Jekk ir-Renju Unit u/jew l-Irlanda ma jibqgħux marbutin bħala parti mill-Unjoni Ewropea f'konformità mal-Artikolu 4a tal-Protokoll Nru 21, l-Unjoni Ewropea flimkien mar-Renju Unit u/jew l-Irlanda għandhom jinfurmaw immedjatament lill-Parti tal-Amerika Ċentrali bi kwalunkwe bidla fil-pożizzjoni tagħhom, li f'dan il-każ għandhom jibqgħu marbutin bid-diżpozzjonijiet tal-Ftehim f'isimhom stess. L-istess japplika għad-Danimarka skont il-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.”.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-14 ta' April 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/210/UE (ara paġna 2 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ser tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.