|
9.4.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 106/4 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tas-17 ta' Frar 2014
li tawtorizza lill-Istati Membri biex iffirmaw, jirratifikaw jew jaċċedu għall-Ftehim ta' Cape Town tal-2012 dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll ta' Torremolinos tal-1993 relatat mal-Konvenzjoni Internazzjonali ta' Torremolinos għas-Sikurezza tal-Bastimenti tas-Sajd, 1977
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
(2014/195/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100(2) tiegħu, flimkien mal-Artikoli 218(5), 218(6)(a)(v) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,
Billi:
|
(1) |
Jeħtieġ li l-azzjoni mill-Unjoni fis-settur tat-trasport marittimu timmira biex ittejjeb is-sikurezza marittima. |
|
(2) |
Il-Protokoll ta' Torremolinos relatat mal-Konvenzjoni Internazzjonali ta' Torremolinos għas-Sikurezza tal-Bastimenti tas-Sajd, 1977 (minn hawn 'il quddiem il-“Protokoll ta' Torremolinos”) ġie adottat fit-2 ta' April 1993. |
|
(3) |
Id-Direttiva tal-Kunsill 97/70/KE (1) tistipula standards ta' sikurezza, ibbażati fuq il-Protokoll ta' Torremolinos, għall-bastimenti tas-sajd ta' tul ta' 24 metru jew aktar waqt li tieħu kont sħiħ, safejn huwa meħtieġ, taċ-ċirkustanzi reġjonali u lokali. |
|
(4) |
Il-Protokoll ta' Torremolinos ma daħalx fis-seħħ minħabba li r-rekwiżiti minimi mil-lat tar-ratifika meħtieġa ma ntlaħqux. |
|
(5) |
Sabiex jiġu stabbiliti, bi qbil komuni u taħt l-awspiċi tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO), l-ogħla standards prattikabbli għas-sikurezza tal-bastimenti tas-sajd li jistgħu jiġu implimentati mill-Istati kollha kkonċernati, ġie adottat fil-11 ta' Ottubru 2012 il-Ftehim ta' Cape Town tal-2012 dwar l-Implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll ta' Torremolinos tal-1993 relatat mal-Konvenzjoni Internazzjonali ta' Torremolinos għas-Sikurezza tal-Bastimenti tas-Sajd, 1977 (“il-Ftehim”). Il-Ftehim huwa miftuħ għall-iffirmar mill-11 ta' Frar 2013 sal-10 ta' Frar 2014, u minn hemm 'il quddiem jibqa' miftuħ għall-aċċessjoni. |
|
(6) |
Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni fir-rigward tar-reġim tas-sikurezza tal-bastimenti tas-sajd b'tul ta' 24 metru jew aktar. |
|
(7) |
L-Unjoni ma tistax issir Parti għall-Ftehim għaliex huma l-Istati biss li jistgħu jkunu Partijiet għalih. |
|
(8) |
Huwa fl-interess tas-sikurezza marittima u l-kompetizzjoni ġusta li l-Ftehim jiġi ratifikat jew jaċċedu għalih l-Istati Membri li għandhom bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom li jaqgħu fl-ambitu tal-Ftehim, u li joperaw fl-ibħra interni jew fil-baħar territorjali tagħhom, jew li jħottu l-art il-qabda tal-ħut fil-port tagħhom, biex jiżguraw id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll ta' Torremolinos. Barra minn hekk, id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim se jippermetti l-aġġornament sussegwenti, permezz ta' sottomissjonijiet lill-IMO, ta' għadd ta' dispożizzjonijiet fil-Protokoll ta' Torremolinos li saru obsoleti minn meta ġiet adottata d-Direttiva 97/70/KE. |
|
(9) |
F'konformità mal-Artikolu 2(1) tat-Trattat, il-Kunsill għandu għalhekk jawtorizza lill-Istati Membri li għandhom bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom li jaqgħu fl-ambitu tal-Ftehim, u li joperaw fl-ibħra interni jew fil-baħar territorjali tagħhom jew li jħottu l-art il-qabda tal-ħut fil-port tagħhom, biex jiffirmaw u jirratifikaw il-Ftehim jew jaċċedu għalih fl-interessi tal-Unjoni. Madankollu, sabiex jitħarsu l-livelli attwali ta' sikurezza previsti fid-Direttiva 97/70/KE, l-Istati Membri għandhom, meta jiffirmaw il-Ftehim u jiddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta' ratifika jew aċċessjoni, joħroġu dikjarazzjoni bl-effett li l-eżenzjonijiet previsti fir-Regolamenti 1(6) u 3(3) tal-Kapitolu 1 tal-Anness tal-Ftehim, fir-rigward ta' ispezzjonijiet annwali u żona komuni tas-sajd jew żona ekonomika esklużiva rispettivament ma għandhomx japplikaw. Barra minn hekk, dik id-dikjarazzjoni għandha tgħid li l-bastimenti tas-sajd ta' pajjiżi terzi b'tul ta' 24 metru u aktar li joperaw fl-ibħra territorjali jew interni tal-Istati Membri, jew iħottu l-art il-qabda tal-ħut fil-portijiet tagħhom, huma suġġetti għall-istandards tas-sikurezza stabbiliti fid-Direttiva 97/70/KE u li l-eżenzjonijiet previsti fir-Regolament 3(3) tal-Kapitolu 1 tal-Anness tal-Ftehim mhux ser jiġu aċċettati relattivament għal dawn il-bastimenti tas-sajd ta' pajjiżi terzi, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Istati Membri huma b'dan awtorizzati li jiffirmaw, jew jiffirmaw u jirratifikaw, jew jaċċedu għal, skont il-każ, il-Ftehim ta' Cape Town tal-2012 dwar l-Implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll ta' Torremolinos tal-1993 fir-rigward tal-Konvenzjoni Internazzjonali ta' Torremolinos għas-Sikurezza tal-Bastimenti tas-Sajd, 1977.
Artikolu 2
L-Istati Membri għandhom jaħdmu biex jieħdu l-passi neċessarji biex jiddepożitaw l-istrumenti tagħhom tar-ratifika, jew l-aċċessjoni għall-Ftehim għand is-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali fi żmien raġonevoli u, jekk possibbli, mhux iktar tard minn sentejn mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni.
Meta Stat Membr jiffirma, jirratifika jew jaċċedi għall-Ftehim, huwa għandu wkoll jiddepożita d-Dikjarazzjoni stabbilita fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Frar 2014.
Għall-Kunsill
Il-President
A. TSAFTARIS
(1) Direttiva tal-Kunsill 97/70/KE tal-11 ta' Diċembru 1997 li tistabbilixxi reġim armonizzat ta' sigurtà għall-bastimenti tas-sajd ta' tul ta' 24 metru jew aktar (ĠU L 34, 9.2.1998, p. 1).
ANNESS
DIKJARAZZJONI LI GĦANDHA TIĠI DEPOŻITATA MILL-ISTATI MEMBRI FIL-MUMENT TAL-FIRMA, IR-RATIFIKA JEW L-AĊĊESSJONI GĦALL-FTEHIM TA' CAPE TOWN TAL-2012 DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAD-DISPOŻIZZJONIJIET TAL-PROTOKOLL TA' TORREMOLINOS TAL-1993 RELATAT MAL-KONVENZJONI INTERNAZZJONALI TA' TORREMOLINOS GĦAS-SIKUREZZA TAL-BASTIMENTI TAS-SAJD, 1977
Bħala parti minn arranġament reġjonali, awtorizzat permezz tal-Artikolu 3(5) tal-Protokoll ta' Torremolinos, [daħħal l-isem tal-Istat Membru] huwa marbut bil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri d-Direttiva tal-Kunsill 97/70/KE tal-11 ta' Diċembru 1997 li jistabbilixxi reġim armonizzat ta' sigurtà għall-bastimenti tas-sajd ta' tul ta' 24 metru jew aktar (1). Konsegwentement [daħħal l-isem tal-Istat Membru] se japplika d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll ta' Torremolinos dwar standards ta' sigurtà lil bastimenti tas-sajd ta' pajjiżi terzi b'tul ta' 24 metru jew aktar li joperaw f'ibħra territorjali jew interni tiegħu jew li jħottu l-art il-qabda tal-ħut f'wieħed mill-portijiet tiegħu, suġġett għat-termini stipulati fid-Direttiva msemmija hawn fuq.
Taħt dak l-arranġament reġjonali, l-eżenzjonijiet previsti fir-Regolament 1(6) tal-Kapitolu 1 tal-Anness tal-Ftehim ta' Cape Town fir-rigward ta' ispezzjonijiet annwali u fir-Regolament 3(3) tal-Kapitolu 1 tal-Anness tiegħu fir-rigward ta' żona tas-sajd komuni jew żona ekonomika esklużiva ma għandhomx japplikaw għall-bastimenti tas-sajd tal-Istat Membru depożitarju, u għall-bastimenti tas-sajd ta' pajjiżi terzi b'tul ta' 24 metru u aktar waqt li joperaw fiż-żona tas-sajd komuni jew fiż-żona ekonomika esklużiva tal-Istat Membru depożitarju jew waqt il-ħatt l-art tal-qabda tal-ħut fil-portijiet tiegħu. L-eżenzjonijiet maħruġin taħt ir-Regolament 3(3) tal-Kapitolu 1 tal-Anness tal-Ftehim ta' Cape Town, dwar iż-żona tas-sajd komuni jew żona ekonomika esklużiva, lil bastimenti tas-sajd li jaqgħu fl-ambitu fir-Regolament 1 tal-Kapitolu 1 tal-Anness tal-Ftehim ta' Cape Town, mhux ser jiġu aċċettati.