28.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 93/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-22 ta’ Ottubru 2013

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll għall-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Montenegro min-naħa l-oħra, biex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea

(2014/172/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 217, flimkien mal-Artikolu 218(5) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Att tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja, u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fl-24 ta’ Settembru 2012 il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati, f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, u r-Repubblika tal-Kroazja, mal-Montenegro sabiex tikkonkludi Protokoll mal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Montenegro, min-naħa l-oħra, sabiex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea (“il-Protokoll”).

(2)

Dawk in-negozjati tlestew b’suċċess bl-inizzazzjoni tal-Protokoll fis-16 ta’ Mejju 2013.

(3)

Il-Protokoll għandu jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, suġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.

(4)

Il-konklużjoni tal-Protokoll hija soġġetta għal proċedura separata fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

(5)

Fid-dawl tal-adeżjoni tal-Kroazja għall-Unjoni fl-1 ta’ Lulju 2013, il-Protokoll għandu jkun applikat fuq bażi proviżorja minn dik id-data,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Protokoll mal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Montenegro, min-naħa l-oħra, sabiex jittieħed kont tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni huwa b’dan awtorizzat f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, suġġett għall-konklużjoni tal-Protokoll imsemmi.

It-test tal-Protokoll huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jaħtar il-persuna/persuni bis-setgħa li tiffirma/jiffirmaw il-Protokoll f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

Artikolu 3

Il-Protokoll għandu jiġi applikat fuq bażi proviżorja, skont l-Artikolu 12 tiegħu, sa mill-1 ta’ Lulju 2013, sakemm jiġu kkompletati l-proċeduri għall-konklużjoni tiegħu.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-22 ta’ Ottubru 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

L. LINKEVIČIUS