11.3.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 70/30 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-10 ta’ Marzu 2014
dwar l-approvazzjoni tal-modulu LED bir-raġġ baxx “E-Light” bħala teknoloġija innovattiva għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tad-CO2 mill-karozzi tal-passiġġieri skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2014/128/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 li jistabbilixxi standards ta’ rendiment għall-emissjonijiet minn karozzi ġodda tal-passiġġieri bħala parti mill-approċċ integrat tal-Komunità biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ CO2 minn vetturi ħfief (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12(4) tiegħu,
Billi:
(1) |
Il-fornitur Automotive Lighting Reutlingen GmbH (“l-Applikant”) ressaq applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ modulu tad-dijodi li jemettu d-dawl (LEDs) bir-raġġ baxx, “E-Light”, bħala teknoloġija innovattiva fid-9 ta’ Lulju 2013. Il-kompletezza tal-applikazzjoni ġiet ivvalutata skont l-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 725/2011 (2). Instab li l-applikazzjoni kienet sħiħa u l-perjodu għall-valutazzjoni tal-applikazzjoni mill-Kummissjoni beda l-għada tad-data tal-wasla uffiċjali, jiġifieri l-10 ta’ Lulju 2013. |
(2) |
L-applikazzjoni ġiet ivvalutata skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 443/2009, skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 725/2011 u skont il-Linji Gwida Tekniċi għat-tħejjija tal-applikazzjonijiet għall-approvazzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 (il-Linji Gwida Tekniċi) (3). |
(3) |
L-applikazzjoni tirreferi għal Modulu LED bir-raġġ baxx “E-Light”, li huwa teknoloġija tal-illuminazzjoni bbażata fuq l-hekk imsejħa “sistema ta’ refrazzjoni-riflessjoni”. Il-modulu E-Light juża r-riflessjoni u r-rifrazzjoni tad-dawl mil-lentijiet biex jikkonċentra d-dawl li jiġi prodott minn għadd żgħir ta’ bozoz LED. Din it-teknoloġija hija differenti ferm mis-sistema ta’ illuminazzjoni b’LEDs approvata bħala ekoinnovazzjoni fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/128/UE (4). Ta’ min wieħed jinnota wkoll li l-applikazzjoni minn Automotive Lighting hija bbażata fuq il-metodu ssimplifikat deskritt fil-Linji Gwida Tekniċi, filwaqt li l-applikazzjoni li diġà ġiet approvata kienet ibbażata fuq metodu komprensiv. |
(4) |
Il-Kummissjoni ssib li l-informazzjoni li l-applikant ta fl-applikazzjoni turi li l-kundizzjonijiet u l-kriterji msemmija fl-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 443/2009 u fl-Artikoli 2 u 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 725/2011 ġew issodisfati. |
(5) |
L-Applikant wera li l-użu tal-modulu E-Light fil-karozzi tal-passiġġieri ma kienx iktar minn 3 % tal-karozzi ġodda tal-passiġġieri rreġistrati fis-sena ta’ referenza 2009. B’appoġġ ta’ dan, l-Applikant irrefera għal-Linji Gwida Tekniċi, li jagħtu taqsira tar-rapport CLEPA LIGHT Sight Safety. L-Applikant uża funzjonijiet predefiniti u dejta medja f’konformità mal-metodu ssimplifikat speċifikat fil-Linji Gwida Tekniċi. |
(6) |
Skont il-metodu ssimplifikat deskritt fil-Linji Gwida Tekniċi, l-Applikant uża dawl tal-aloġenu bħala t-teknoloġija bażi biex juri kemm il-modulu “E-Light” għandu l-kapaċità li jnaqqas id-CO2. |
(7) |
L-Applikant ipprovda metodoloġija għall-ittestjar tat-tnaqqis tad-CO2 li tinkludi formoli li huma konsistenti mal-formoli deskritti fil-Linji Gwida Tekniċi għall-metodu ssimplifikat fir-rigward tal-funzjonijiet tal-illuminazzjoni. Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-metodoloġija għall-ittestjar se tagħti riżultati li huma verifikabbli, ripetibbli u komparabbli u li l-metodoloġija kapaċi turi b’mod realistiku l-benefiċċji f’termini tal-emissjonijiet tad-CO2 tat-teknoloġija innovattiva b’sinifikat statistiku qawwi skont l-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 725/2011. |
(8) |
Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni ssib li l-Applikant wera b’mod sodisfaċenti li t-tnaqqis fl-emissjonijiet miksub mit-teknoloġija innovattiva huwa tal-anqas 1 g CO2/km. |
(9) |
Billi l-attivazzjoni tad-dawl fir-raġġ baxx mhijiex meħtieġa għat-test tal-approvazzjoni tat-tip tal-emissjonijiet tad-CO2 imsemmi fir-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 (6), il-Kummissjoni hija sodisfatta li l-funzjonijiet tal-illuminazzjoni kkonċernati mhumiex koperti miċ-ċiklu tat-test standard. |
(10) |
L-attivazzjoni tal-funzjonijiet tal-illuminazzjoni kkonċernati hija obbligatorja sabiex ikun żgurat li l-karozza titħaddem b’mod sikur u, minħabba f’hekk, ma tiddependix mill-għażla tas-sewwieq. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-manifattur għandu jitqies responsabbli għat-tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2 minħabba l-użu tal-LEDs. |
(11) |
Il-Kummissjoni ssib li r-rapport ta’ verifika tħejja minn FAKT S.r.l. li huwa korp indipendenti u ċċertifikat u li r-rapport jappoġġja s-sejbiet stipulati fl-applikazzjoni. |
(12) |
F’dan l-isfond, il-Kummissjoni ma ssib l-ebda oġġezzjoni fir-rigward tal-approvazzjoni tat-teknoloġija innovattiva inkwistjoni. |
(13) |
Kwalunkwe manifattur li jixtieq jibbenefika minn tnaqqis tal-emissjonijiet medji speċifiċi tad-CO2 tiegħu sabiex jilħaq il-mira ta’ emissjonijiet speċifiċi tiegħu permezz tal-iffrankar tad-CO2 mill-użu tat-teknoloġija innovattiva approvata permezz ta’ din id-Deċiżjoni għandu, skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 725/2011, jirreferi għal din id-Deċiżjoni fl-applikazzjoni tiegħu għal ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip KE għall-vetturi kkonċernati, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Il-modulu LED bir-raġġ baxx “E-Light”, maħsub għall-użu fil-vetturi M1, huwa approvat bħala teknoloġija innovattiva skont it-tifsira tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 443/2009.
2. It-tnaqqis fl-emissjonijiet tad-CO2 li jiġi mill-użu tal-modulu LED bir-raġġ baxx “E-Light” imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi stabbilit bl-użu tal-metodoloġija mogħtija fl-Anness.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnali Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Marzu 2014.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 725/2011 tal-25 ta’ Lulju 2011 li jistabbilixxi proċedura għall-approvazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 minn karozzi tal-passiġġieri (ĠU L 194, 26.7.2011, p. 19).
(3) http://ec.europa.eu/clima/policies/transport/vehicles/cars/docs/guidelines_en.pdf
(4) Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/128/UE tat-13 ta’ Marzu 2013 dwar l-approvazzjoni tal-użu ta’ dijodi li jemettu d-dawl f’ċerti funzjonijiet tad-dawl ta’ vetturi M1 bħala teknoloġija innovattiva biex jonqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn karozzi tal-passiġġieri skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 70, 14.3.2013, p. 7).
(5) Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ l-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (ĠU L 171, 29.6.2007, p. 1).
(6) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 tat-18 ta’ Lulju 2008 li jimplimenta u jemenda r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ l-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura (ĠU L 199, 28.7.2008, p. 1).
ANNESS
METODOLOĠIJA BIEX JIĠI STABBILIT IT-TNAQQIS FL-EMISSJONIJIET TAD-CO2 MILL-UŻU TAL-MODULU LED BIR-RAĠĠ BAXX “E-LIGHT”, F’VETTURA TAT-TIP M1
1. Introduzzjoni
Sabiex jiġi stabbilit it-tnaqqis tas-CO2 li jista’ jiġi attribwit għall-użu tal-modulu LED bir-raġġ baxx “E-Light”, f’vettura tat-tip M1, jeħtieġ li jiġu stabbiliti dawn l-affarijiet li ġejjin:
(a) |
il-kundizzjonijiet tat-testijiet; |
(b) |
il-proċedura tat-test; |
(c) |
il-formoli għall-kalkolu tal-iffrankar tad-CO2; |
(d) |
il-formoli għall-kalkolu tad-devjazzjoni standard; |
(e) |
l-iffrankar tad-CO2 għaċ-ċertifikazzjoni mill-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip. |
2. Kundizzjonijiet tal-ittestjar
Ir-rekwiżiti tar-Regolament UN/ECE Nru 112/00 (1) dwar dispożizzjonijiet uniformi li jirrigwardaw l-approvazzjoni ta’ fanali ta’ quddiem ta’ vetturi bil-mutur li jitfgħu raġġ baxx assimetriku jew raġġ tas-sewqan jew it-tnejn u mgħammrin b’bozoz tal-filament u/jew moduli tad-dijodi li jemettu d-dawl (LED) għandhom japplikaw. Għad-determinazzjoni tal-konsum tal-enerġija, għandha ssir referenza għall-punt 6.1.4 tar-Regolament Nru 112/00, u punti 3.2.1 u 3.2.2 tal-Anness 10 tar-Regolament Nru 112.
Barra minn hekk, it-tagħmir li qed jiġi ttestjat għandu jissaħħan għal 30 minuta billi jingħaddielu kurrent ta’ 0,78 A, b’vultaġġ ta’ 13,4 V. It-tagħmir li jkun qed jiġi ttestjat jikkonsisti fl-unità tal-kontroll elettroniku (ECU) tal-bozza LED u l-modulu tar-raġġ baxx.
3. Il-proċedura tat-testijiet
Il-kejl għandu jsir kif muri fil-Figura. Għandu jintuża t-tagħmir li ġej:
— |
Żewġ Multi Miters Diġitali, wieħed għall-kejl tal-kurrent dirett, u l-ieħor għall-kejl tal-vultaġġ tal-kurrent dirett. |
— |
Unità tal-provvista tal-elettriku. |
B’kollox, għandu jsir kejl għal għaxar darbiet bil-vultaġġi li ġejjin: 9,0 V; 10,0 V; 11,0 V; 12,0 V; 13,0 V; 13,2 V; 13,4 V; 14,0 V; 15,0 V; 16,0 V (fejn il-valuri ta’ 13,2 V u 13,4 V huma l-valuri tipiċi għall-vultaġġi fil-vetturi tal-passiġġieri).
Għal kull vultaġġ, il-kurrent għandu jitkejjel rispettivament.
Il-vultaġġi installati eżatti u l-kurrent imkejjel għandhom jitniżżlu b’erba’ ċifri deċimali.
4. Il-formoli
Għandhom jittieħdu l-passi li ġejjin biex jinħadem l-iffrankar tad-CO2 u biex jiġi ddeterminat jekk hemmx konformità mal-valur ta’ limitu ta’ 1 gCO2/km:
Pass Nru 1 |
: |
Ikkalkula l-iffrankar tal-elettriku; |
Pass Nru 2 |
: |
Ikkalkula l-iffrankar tad-CO2; |
Pass Nru 3 |
: |
Ikkalkula l-iżball fl-iffrankar tad-CO2; |
Pass Nru 4 |
: |
Ivverifika l-valur ta’ limitu. |
4.1. Ikkalkula l-iffrankar tal-elettriku
Għal kull wieħed mill-10 kejlijiet li jsiru, għandha tiġi kkalkulata l-enerġija li tintuża billi jiġi mmultiplikat il-vultaġġ installat bil-kurrent imkejjel. Dan il-proċess għandu jirriżulta f’10 valuri. Kull valur għandu jitniżżel f’erba’ ċifri deċimali. Imbagħad għandu jiġi kkalkulat il-valur medju tal-enerġija użata, li huwa s-somma tal-10 valuri għall-enerġija diviża b’10.
L-iffrankar tal-enerġija li jirriżulta għandu jiġi kkalkulat bil-formola li ġejja:
Formola (1)
Fejn:
ΔP |
: |
Iffrankar tal-enerġija f’W; |
Pbaseline: |
: |
L-enerġija tax-xenarju bażi, li hija 137 W; |
Peco-innovation |
: |
Il-valur medju tal-enerġija użata tal-ekoinnovazzjoni f’W. |
4.2. Ikkalkula l-iffrankar tad-CO2;
Il-formoli biex jiġi kkalkulat l-iffrankar tad-CO2 miksub permezz tal-ekoinnovazzjoni huma dawn li ġejjin:
|
Għal vettura petrol: Formola (2) |
|
Għal vettura diżil: Formola (3) |
F’dawn il-formoli ‘CO2’ tirrappreżenta l-iffrankar tad-CO2 fi gCO2/km.
Id-dejta ta’ input għall-formoli (2) u (3) huma:
ΔP |
: |
L-enerġija elettrika ffrankata f’W, li hija r-riżultat tal-pass nru 1 |
UF |
: |
Il-fattur tal-użu li huwa 0,33 għal bozza bir-raġġ baxx |
v |
: |
il-veloċità medja tas-sewqan tal-NEDC, li hija 33,58 km/h |
VPe-P |
: |
il-konsum tal-enerġija effettiva għal vetturi petrol, li huwa 0,264 l/kWh |
VPe-D |
: |
il-konsum tal-enerġija effettiva għal vetturi diżil, li huwa 0,22 l/kWh |
ηA |
: |
l-effiċjenza tal-alternatur, li hija 0,67 |
CFP |
: |
il-fattur tal-konverżjoni għall-petrol, li huwa 2 330 gCO2/l |
CFD |
: |
il-fattur tal-konverżjoni għad-diżil, li huwa 2 640 gCO2/l |
4.3. Ikkalkula l-iżball statistiku fl-iffrankar tad-CO2
L-iżball statistiku fl-iffrankar tad-CO2 għandu jinħadem f’żewġ passi. Fl-ewwel pass, il-valur tal-iżball tal-enerġija għandu jinħadem bħala devjazzjoni standard ekwivalenti għal intervall tal-kunfidenza ta’ 68 %.
Dan għandu jsir bil-formola (4).
Formola (4)
Fejn:
|
: |
id-devjazzjoni standard tal-medja aritmetika [W]; |
xi |
: |
il-valur tal-kejl [W]; |
|
: |
il-medja aritmetika [W]; |
n |
: |
drabi li sar il-kejl, jiġifieri 10. |
Imbagħad għandu jinħadem l-iżball fl-iffrankar tad-CO2 bl-użu tal-liġi tal-propagazzjoni, li hija espressa fil-formola (5).
Formola (5)
Fejn:
ΔCCO2: |
żball totali medju tal-iffrankar tad-CO2 (gCO2/km) |
∂ CCO2 /∂P |
is-sensitività tal-iffrankar tad-CO2 ikkalkulat relatata mal-valur ta’ input xi |
ePi |
żball tal-valur ta’ input (W) |
Is-sostituzzjoni tal-formola (2) bil-formola (5) għall-vetturi petrol twassal għal:
Formola (6)
Fejn:
ΔCCO2 |
: |
l-iżball fl-iffrankar tad-CO2 (gCO2/km); |
eP |
: |
l-iżball fil-konsum tal-enerġija (W). |
Is-sostituzzjoni tal-formola (2) bil-formola (5) għall-vetturi diżil twassal għal:
Formola (7)
Fejn:
ΔCCO2 |
: |
l-iżball fl-iffrankar tad-CO2 (gCO2/km); |
eP |
: |
l-iżball fil-konsum tal-enerġija (W). |
4.4. Ivverifika l-valur ta’ limitu
Il-valur ta’ limitu jiġi vverifikat permezz tal-formola (8). Il-valur ta’ limitu minimu huwa 1,0 gCO2/km.
Formola (8)
Fejn:
MT |
: |
valur ta’ limitu minimu (gCO2/km) |
CCO2 |
: |
l-iffrankar totali tad-CO2 (gCO2/km), li għandu jiġi espress f’4 ċifri deċimali, |
|
: |
l-iżball totali medju tal-iffrankar tad-CO2 (g CO2/km), li għandu jiġi espress f’4 ċifri deċimali, |
5. Il-kodiċi tal-ekoinnovazzjoni li jrid jiddaħħal fid-dokumentazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip
Għall-finijiet tal-istabbiliment tal-kodiċi ġenerali tal-ekoinnovazzjoni li għandu jintuża fid-dokumenti rilevanti tal-approvazzjoni tat-tip skont l-Annessi I, VIII u IX tad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-kodiċi individwali li għandu jintuża għat-teknoloġija innovattiva approvata permezz ta’ din id-Deċiżjoni għandu jkun “5”.
Pereżempju, il-kodiċi tal-ekoinnovazzjoni fil-każ tal-iffrankar tal-ekoinnovazzjoni ċċertifikat mill-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip Ġermaniża għandu jkun “e1 5”.
(1) E/ECE/324/Rev.2/Add.111/Rev.3 - E/ECE/TRANS/505/Rev.2/Add.111/Rev.3, id-9 ta’ Jannar 2013
(2) Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (“Direttiva Kwadru”) (ĠU L 263, 9.10.2007, p. 1).