11.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 70/28


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-7 ta’ Marzu 2014

li temenda l-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/211/KE fir-rigward tal-annotazzjoni taċ-Ċina fil-lista ta’ pajjiżi terzi u ta’ partijiet fit-territorju tagħhom li minnhom hija awtorizzata l-importazzjoni fl-Unjoni ta’ ekwidi ħajjin u ta’ semen, ova u embrijuni tal-ispeċi ekwina

(notifikata bid-dokument C(2014) 1386)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2014/127/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE tat-13 ta’ Lulju 1992 li tistabbilixxi l-ħtiġijiet dwar saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ u l-importazzjoni fil-Komunità ta’ annimali, semen, ova u embrijuni mhux suġġetti għal ħtiġijiet ta’ saħħa tal-annimali meħtieġa f’regoli speċifiċi tal-Komunità li hemm referenza għalihom fl-Anness A(I) tad-Direttiva 90/425/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 17(3)(a) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2009/156/KE tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali li jirregolaw il-moviment u l-importazzjoni minn pajjiżi terzi ta’ ekwidi (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 12(1) u (4), u l-frażi introduttorja u l-punti (a) u (b) tal-Artikolu 19 tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 92/65/KEE tistabbilixxi kundizzjonijiet applikabbli għall-importazzjonijiet fl-Unjoni, fost l-oħrajn, ta’ semen, ova u embrijuni tal-ispeċi ekwina. Dawk il-kundizzjonijiet għandhom mill-inqas ikunu ekwivalenti għal dawk applikabbli għall-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(2)

Id-Direttiva 2009/156/KE tistipula l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjoni ta’ ekwidi ħajjin fl-Unjoni. Din tipprevedi li l-importazzjonijiet ta’ ekwidi fl-Unjoni jkunu awtorizzati biss minn dawk il-pajjiżi terzi li jissodisfaw ċerti rekwiżiti dwar saħħet l-annimali.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/211/KE (3) li tistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi, jew ta’ partijiet minnhom fejn tapplika r-reġjonalizzazzjoni, li minnhom l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjoni ta’ ekwidi u ta’ semen, ova u embrijuni tagħhom, u tindika l-kundizzjonijiet l-oħra li huma applikabbli għal dawn l-importazzjonijiet. Din il-lista jistipulaha l-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/211/KE.

(4)

Sabiex jospitaw avveniment ekwestri tal-Global Champions Tour f’Ottubru 2013, li jkun organizzat fl-awspiċji tal-World Equestrian Federation (FEI), l-awtoritajiet kompetenti Ċiniżi talbu r-rikonoxximent ta’ żona ħielsa mill-mard tal-ekwini fiż-żona metropolitana ta’ Shanghai, li tista’ tasal għaliha direttament mill-ajruport internazzjonali fil-qrib. Fid-dawl tan-natura temporanja tal-faċilitajiet mibnija apposta fil-parkeġġ tal-EXPO 2010, huwa xieraq li tkun prevista biss approvazzjoni temporanja ta’ dik iż-żona.

(5)

Fid-dawl ta’ dawk il-garanziji u l-informazzjoni li taw l-awtoritajiet Ċiniżi u sabiex għal perjodu ta’ żmien limitat jiġi permess li, minn parti tat-territorju taċ-Ċina, ikunu jistgħu jerġgħu jidħlu żwiemel reġistrati wara esportazzjoni temporanja skont ir-rekwiżiti tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 93/195/KEE (4), il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/259/UE (5) li permezz tagħha kien approvat b’mod temporanju r-reġjun CN-2.

(6)

Billi minħabba raġunijiet tekniċi l-avveniment ekwestri ġie pospost għas-6 sat-8 ta’ Ġunju 2014, u l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali baqgħu l-istess, jeħtieġ li għar-reġjun CN-2, id-data fil-kolonna 15 tat-tabella fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/211/KE tiġi adattata kif jixraq.

(7)

Għalhekk id-Deċiżjoni 2004/211/KE għandha tiġi emendata skont dan.

(8)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fil-kolonna 15 tal-linja li tikkorrispondi għar-reġjun CN-2 taċ-Ċina fit-tabella fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/211/KE, il-kliem “Validi mill-24 ta’ Settembru sal-24 ta’ Ottubru 2013” jinbidel bil-kliem: “Validi mit-30 ta’ Mejju sat-30 ta’ Ġunju 2014”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Marzu 2014.

Għall-Kummissjoni

Tonio BORG

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 268, 14.9.1992, p. 54.

(2)   ĠU L 192, 23.7.2010, p. 1.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/211/KE tas-6 ta’ Jannar 2004 li tistabbilixxi l-lista ta’ pajjiżi terzi u ta’ partijiet mit-territorju tagħhom li minnhom l-Istati Membri jawtorizzaw l-importazzjoni ta’ ekwidi ħajjin u ta’ semen, ova u embrijuni tal-ispeċi ekwina, u li temenda d-Deċiżjonijiet 93/195/KEE u 94/63/KE (ĠU L 73, 11.3.2004, p. 1).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 93/195/KEE tat-2 ta’ Frar 1993 dwar is-saħħa tal-annimali u l-kundizzjonijiet tagħhom u ċ-ċertifikazzjoni veterinarja tagħhom għad-dħul mill-ġdid ta’ żwiemel reġistrati għat-tiġrija, kompetizzjoni u okkażjonijiet kulturali wara esportazzjoni temporanja (ĠU L 86, 6.4.1993, p. 1).

(5)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/259/UE tal-31 ta’ Mejju 2013 li temenda l-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/211/KE fir-rigward tal-annotazzjonijiet għall-Baħrejn u għaċ-Ċina fil-lista ta’ pajjiżi terzi u ta’ partijiet mit-territorju tagħhom li minnhom huma awtorizzati l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ekwidi ħajjin kif ukoll ta’ semen, ova u embrijuni tal-ispeċi ekwina (ĠU L 150, 4.6.2013, p. 28).