|
7.3.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 68/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tat-2 ta’ Diċembru 2013
dwar il-konklużjoni tal-Protokoll li Jemenda l-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern
(2014/115/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(6)(a)(v) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,
Billi:
|
(1) |
In-negozjati dwar ir-reviżjoni tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern (GPA tal-1994) ġew imnedija f’Jannar 1999 skont l-Artikolu XXIV:7(b) u (c) tal-GPA tal-1994. |
|
(2) |
In-negozjati tmexxew mill-Kummissjoni b’konsultazzjoni mal-Kumitat Speċjali stabbilit bl-Artikolu 207(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. |
|
(3) |
Fil-15 ta’ Diċembru 2011, il-Partijiet għall-GPA tal-1994 laħqu qbil politiku fuq livell Ministerjali dwar ir-riżultati tan-negozjati. Dak il-qbil politiku ġie kkonfermat permezz tal-adozzjoni mill-Kumitat tal-GPA fit-30 ta’ Marzu 2012 ta' Deċiżjoni dwar ir-riżultati tan-negozjati. Permezz ta' dik id-Deċiżjoni, li tinkludi Protokoll li Jemenda l-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern (il-“Protokoll”), il-Partijiet għall-GPA awtentikaw it-test tal-Protokoll u fetħuh għall-aċċettazzjoni tagħhom. |
|
(4) |
Il-Protokoll għandu jiġi approvat f’isem l-Unjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Protokoll li jemenda l-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni Ewropea.
It-test tal-Protokoll huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill għandu jaħtar lill-persuna/i li jkollha s-setgħa li tiddepożita, f’isem l-Unjoni, l-istrument ta’ aċċettazzjoni, kif speċifikat fil-paragrafu 3 tal-Protokoll u konsistentement mal-Artikolu XXIV:9 tal-GPA tal-1994 sabiex ikun espress il-kunsens tal-Unjoni li tkun marbuta bil-Protokoll (1).
Artikolu 3
Il-Protokoll ma għandux jiġi interpretat bħala li jagħti xi drittijiet jew jimponi xi obbligi li jistgħu jiġu invokati direttament fil-qrati tal-Unjoni Ewropea jew tal-Istati Membri.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Diċembru 2013.
Għal Kunsill
Il-President
E. GUSTAS
(1) Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll ser tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.