26.2.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 56/16


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-24 ta’ Frar 2014

li temenda d-Deċiżjoni 2004/3/KE fir-rigward ta’ gradi applikabbli tal-Unjoni

(notifikata bid-dokument C(2014) 1081)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2014/105/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/56/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-bejgħ fis-suq tal-patata taż-żerriegħa (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 17(2) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/3/KE (2) tirreferi għall-gradi ta’ patata taż-żerriegħa bażika ddeterminata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 93/17/KEE (3). Id-Direttiva 93/17/KEE tbiddlet bid-Direttiva ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/20/UE (4). Din id-Direttiva tistabbilixxi r-rekwiżiti fir-rigward ta’ organiżmi ta’ ħsara, kif ukoll rekwiżiti oħra.

(2)

Minħabba f’dik is-sostituzzjoni, huwa meħtieġ li fid-Deċiżjoni 2004/3/KE, ir-referenzi jiġu sostitwiti bi gradi kif jixraq. Ir-referenzi l-ġodda għandhom jikkorrispondu għar-rekwiżiti fir-rigward ta’ organiżmi ta’ ħsara biss.

(3)

Għalhekk, id-Deċiżjoni 2004/3/KE għandha tiġi emendata skont dan.

(4)

Huwa xieraq li din id-Deċiżjoni tibda tapplika mill-istess data minn meta tibda tapplika d-Direttiva 2014/20/UE.

(5)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni jikkonformaw mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar iż-Żerriegħa u l-Materjal Propagattiv għall-Agrikultura, l-Ortikultura u l-Forestrija,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2004/3/KE jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 1

L-Istati Membri elenkati fil-kolonna 1 tal-Anness I huma awtorizzati, rigward il-bejgħ fis-suq tal-patata taż-żerriegħa fir-reġjuni elenkati ħdejn isimhom fil-kolonna 2 tal-Anness I, li jirrestrinġu s-suq tal-patata taż-żerriegħa għal patata taż-żerriegħa bażika kif ġej:

(a)

fir-rigward tal-produzzjoni tal-patata taż-żerriegħa, bi kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(i)

il-patata taż-żerriegħa bażika li tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-‘grad S tal-Unjoni’ stabbiliti fil-punt 1(a)(ii)-(v) u fil-punt 1(b)(i)-(iv) tal-Anness I mad-Direttiva ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/20/UE (*), jew

(ii)

il-patata taż-żerriegħa bażika li tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-‘grad SE tal-Unjoni’ stabbiliti fil-punt 2(a)(ii)-(v) u l-punt 2(b)(i)-(iv) tal-Anness I mad-Direttiva ta’ Implimentazzjoni 2014/20/UE;

(b)

fir-rigward tal-produzzjoni tal-patata taż-żerriegħa, bi kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(i)

il-patata taż-żerriegħa bażika li tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-‘grad S tal-Unjoni’ stabbiliti fil-punt 1(a)(ii)-(v) u l-punt 1(b)(i)-(iv) tal-Anness I mad-Direttiva ta’ Implimentazzjoni 2014/20/UE,

(ii)

il-patata taż-żerriegħa bażika li tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-‘grad SE tal-Unjoni’ stabbiliti fil-punt 2(a)(ii)-(v) u l-punt 2(b)(i)-(iv) tal-Anness I mad-Direttiva ta’ Implimentazzjoni 2014/20/UE, jew

(iii)

il-patata taż-żerriegħa bażika li tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-‘grad E tal-Unjoni’ stabbiliti fil-punt 3(a)(ii)-(v) u l-punt 3(b)(i)-(iv) tal-Anness I mad-Direttiva ta’ Implimentazzjoni 2014/20/UE.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tapplika mill-1 ta’ Jannar 2016.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Frar 2014.

Għall-Kummissjoni

Tonio BORG

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 193, 20.7.2002, p. 60.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/3/KE tad-19 ta’ Diċembru 2003 li tawtorizza, fir-rigward tal-bejgħ ta’ patata taż-żriegħ fit-territorju kollu jew parti ta’ ċerti Stati Membri, miżuri aktar iebsa kontra ċerti mard barra minn dawk previsti f’Annessi I u II tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/56/KE (ĠU L 2, 6.1.2004, p. 47).

(3)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 93/17/KEE tat-30 ta’ Marzu 1993 li tistabbilixxi gradi ta’ patata taż-żerriegha bażika tal-Komunità, flimkien mal-kundizzjonijiet u marki applikabbli għal dawn il-gradi (ĠU L 106, 30.4.1993, p. 7).

(4)  Id-Direttiva ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/20/UE tas-6 ta’ Frar 2014 li tiddetermina l-gradi tal-Unjoni ta’ patata taż-żerriegħa bażika u ċċertifikata, u l-kundizzjonijiet u l-deżinjazzjonijiet li japplikaw għal gradi bħal dawn ((ĠU L 38, 7.2.2014, p. 32).