12.2.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 41/13 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2014/75/PESK
tal-10 ta’ Frar 2014
dwar l-Istitut tal-Unjoni Ewropea għall-Istudji fuq is-Sigurtà
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28 u 31(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
(1) |
Fl-20 ta’ Lulju 2001, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2001/554/PESK (1). |
(2) |
L-Istitut tal-Unjoni Ewropea għall-Istudji fuq is-Sigurtà (“l-Istitut”) għandu jassisti lill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha fl-implimentazzjoni tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK), inklużi l-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni (PSDK) u azzjoni esterna oħra tal-Unjoni, taħt is-superviżjoni politika tal-Kunsill u d-direzzjoni operattiva tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (RGħ). |
(3) |
L-Istitut għandu jkollu personalità ġuridika u għandu jaħdem b’indipendenza intellettwali assoluta, mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tal-Kunsill u tar-RGħ. |
(4) |
Fl-20 ta’ Settembru 2011, f’konformità mal-Artikolu 19 tal-Azzjoni Konġunta 2001/554/PESK, ir-Rappreżentant Għoli ppreżenta rapport lill-Kunsill dwar ir-rieżami tal-funzjonament tal-Istitut. Il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) ħa nota ta’ dak ir-rapport u, fl-1 ta’ Frar 2012, irrakkomanda li l-Kunsill jemenda l-Azzjoni Konġunta 2006/554/PESK. |
(5) |
Huwa meħtieġ, għal raġunijiet ta’ ċarezza legali, li jiġu kkonsolidati l-emendi preċedenti u l-bidliet addizzjonali proposti f’deċiżjoni ġdida unika, u li titħassar l-Azzjoni Konġunta 2001/554/PESK, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI,
Artikolu 1
Kontinwità u sede
1. L-Istitut tal-Unjoni Ewropea għall-Istudji fuq is-Sigurtà stabbilit mill-Azzjoni Konġunta 2001/554/PESK (“l-Istitut”) għandu b’dan jissokta l-attivitajiet tiegħu f’konformità ma’ din id-Deċiżjoni.
2. Għandhom jibqgħu sħaħ id-drittijiet u l-obbligi eżistenti kollha u r-regoli kollha adottati fil-qafas tal-Azzjoni Konġunta 2001/554/PESK. B’mod partikolari, għandhom jibqgħu validi l-kuntratti ta’ impjieg eżistenti kollha u għandhom jibqgħu viġenti d-drittijiet kollha li jirriżultaw minnhom.
3. L-Istitut għandu jkollu l-kwartieri ġenerali tiegħu f’Pariġi. Sabiex tiġi faċilitata l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet fi Brussell, l-Istitut għandu jkollu uffiċċju ta’ kuntatt fi Brussell. L-organizzazzjoni tal-Istitut għandha tkun flessibbli, b’attenzjoni partikolari mogħtija lill-kwalità u l-effiċjenza, inkluża dik fir-rigward tal-livell ta’ reklutaġġ tal-persunal.
Artikolu 2
Missjoni u kompiti
1. L-Istitut għandu, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-ħsieb strateġiku tal-UE fil-qasam tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) u l-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni (PSDK) tal-Unjoni, inklużi l-prevenzjoni tal-konflitti u l-bini tal-paċi, kif ukoll fil-qasam ta’ azzjonijiet esterni tal-Unjoni, bil-ħsieb li tissaħħaħ il-kapaċità tal-UE fir-rigward tal-analiżi, il-previżjoni u n-netwerking fl-azzjoni esterna.
2. L-attivitajiet tal-Istitut għandhom jikkonċentraw fuq it-twettiq tal-analiżi orjentata lejn il-politika, informazzjoni, tixrid u dibattitu, fuq l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti ta’ netwerking u workshops, u fuq il-ġabra ta’ dokumentazzjoni rilevanti għal uffiċjali u esperti tal-Unjoni u tal-Istati Membri.
3. L-Istitut għandu wkoll jippromwovi l-kuntatti mal-qasam akkademiku, il-gruppi ta’ riflessjoni u l-atturi tas-soċjetà ċivili fil-kontinent Ewropew kollu, l-Atlantiku u l-komunità internazzjonali usa’, waqt li jaġixxi bħala interfaċċa bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u d-dinja ta’ esperti esterni, inklużi partijiet involuti fil-qasam tas-sigurtà.
Artikolu 3
Sorveljanza politika u direzzjoni operattiva
1. Il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill, sorveljanza politika fuq l-attivitajiet tal-Istitut. Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (RGħ), f’konformità mar-responsabbiltajiet tar-RGħ għall-PESK u, partikolarment, għall-PSDK, għandha tipprovdi d-direzzjoni operattiva għall-Istitut.
2. Din is-sorveljanza politika u din id-direzzjoni operattiva għandhom jitwettqu mingħajr ma jinċidu fuq l-indipendenza intellettwali u l-awtonomija operattiva goduti mill-Istitut, fit-twettiq tal-missjoni u kompiti tiegħu.
Artikolu 4
Personalità ġuridika
L-Istitut b’dan għandu l-personalità ġuridika neċessarja biex iwettaq il-funzjonijiet tiegħu u jilħaq l-għanijiet tiegħu. Huwa jista’, b’mod partikolari, jidħol f’kuntratti, jakkwista jew jiddisponi minn proprjetà mobbli jew immobbli u jkun parti għal proċeduri ġudizzjarji. L-għan tal-Istitut m’għandux ikun biex jagħmel profitt. L-Istati Membri għandhom jieħdu passi biex jikkonċedu lill-Istitut il-kapaċità ġuridika mogħtija lil persuni ġuridiċi taħt il-liġijiet tagħhom, skont kif ikun meħtieġ.
Artikolu 5
Bord Eżekuttiv
1. L-Istitut għandu jkollu Bord li japprova l-programm ta’ ħidma annwali u fit-tul tiegħu u l-baġit adegwat. Il-Bord għandu jkun forum biex jiġu diskussi kwistjonijiet relatati mal-missjoni, kompiti, funzjonament u persunal tal-Istitut.
2. Il-Bord għandu jkun presedut mir-RGħ jew mir-rappreżentant tar-RGħ. Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) għandu jaqdi l-funzjonijiet ta’ segretarjat tal-Bord.
3. Il-Bord għandu jkun kompost minn rappreżentant wieħed nominat minn kull Stat Membru. Kull membru tal-Bord jista’ jkun rappreżentat jew akkumpanjat minn membru supplenti. Il-Kummissjoni, li tipparteċipa fil-ħidma tal-Bord, għandha wkoll tinnomina rappreżentant.
4. Id-Direttur tal-Istitut, jew ir-rappreżentant tad-Direttur, għandu bħala regola, jattendi l-laqgħat tal-Bord. Id-Direttur Ġenerali tal-Persunal Militari u l-President tal-Kumitat Militari, jew ir-rappreżentanti tagħhom, jistgħu wkoll jattendu l-laqgħat tal-Bord.
5. Id-deċiżjonijiet tal-Bord għandhom jittieħdu b’vot mir-rappreżentanti tal-Istati Membri b’maġġoranza kwalifikata, bil-voti ppeżati skont l-Artikolu 16(4) u (5) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 11(2) u 11(3) ta’ din id-Deċiżjoni. Il-Bord għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu.
6. Il-Bord jista’ jiddeċiedi joħloq gruppi ta’ ħidma ad-hoc jew kumitat permanenti, li jieħdu ħsieb suġġetti speċifiċi jew materji fir-responsabbiltà komplessiva tiegħu u jaġixxu taħt is-sorveljanza tiegħu. Id-deċiżjoni biex jinħoloq grupp ta’ ħidma jew kumitat għandha tistabbilixxi l-mandat, il-kompożizzjoni u t-tul tiegħu.
7. Il-Bord għandu jitlaqqa’ mill-President mill-inqas darbtejn fis-sena. Huwa għandu wkoll jitlaqqa’ fuq talba ta’ mill-inqas terz mill-membri tiegħu.
Artikolu 6
Direttur
1. Il-Bord Eżekuttiv għandu jaħtar id-Direttur għall-Istitut minn fost iċ-ċittadini tal-Istat Membru, abbażi ta’ rakkomandazzjoni mir-RGħ. Id-Direttur għandu jiġi maħtur għal perjodu ta’ tliet snin, liema perjodu jista’ jiġi estiż b’perjodu wieħed ta’ sentejn.
2. Il-kandidati għall-pożizzjoni ta’ Direttur għandhom ikunu persuni li jkollhom għarfien espert u esperjenza fit-tul u rikonoxxuti fir-relazzjonijiet barranin, il-politika ta’ sigurtà u d-diplomazija, u r-riċerka relatata. L-Istati Membri għandhom jippreżentaw il-kandidaturi lir-RGħ, li għandu jinforma lill-Bord bihom. Il-proċess ta’ preselezzjoni għandu jiġi organizzat taħt ir-responsabbiltà tar-RGħ. Il-panel ta’ preselezzjoni għandu jikkonsisti minn tliet rappreżentanti tas-SEAE u minn tliet rappreżentanti tal-Istati Membri minn fost il-Presidenza tripartitika, u għandu jkun ippresedut mir-RGħ jew mir-rappreżentant tar-RGħ. Abbażi tar-riżultati tal-preselezzjoni, ir-RGħ għandu jipprovdi lill-Bord rakkomandazzjoni b’lista mqassra ta’ għallinqas tliet kandidati, imfassla fl-ordni tal-preferenzi tal-panel ta’ preselezzjoni.
3. Id-Direttur għandu jkun ir-rappreżentant ġuridiku tal-Istitut.
4. Id-Direttur għandu jkun responsabbli għar-reklutaġġ tal-membri l-oħrajn kollha tal-persunal tal-Istitut. Il-Membri tal-Bord għandhom jiġu informati minn qabel dwar il-ħatra tal-analisti.
5. Wara l-approvazzjoni mill-Bord u b’kont meħud tal-implikazzjonijiet finanzjarji konsegwenti għall-adozzjoni tal-baġit annwali tal-Istitut, id-Direttur jista’ jaħtar Viċi Direttur. Il-Viċi Direttur għandu jinħatar għal massimu ta’ tliet snin, liema perjodu jista’ jiġi estiż b’perjodu wieħed ta’ sentejn.
6. Id-Direttur għandu jassigura l-eżekuzzjoni tal-missjoni u kompiti tal-Istitut skont l-Artikolu 2. Id-Direttur għandu jżomm ma’ grad għoli ta’ konoxxenza esperta u professjonalità tal-Istitut, kif ukoll jiżgura l-effiċjenza u effikaċja fl-eżerċizzju tal-attivitajiet tal-Istitut.
Id-Direttur għandu jkun responsabbli wkoll:
(a) |
għall-abbozzar tal-programm ta’ ħidma annwali tal-Istitut, kif ukoll ir-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Istitut; |
(b) |
għall-preparazjoni tax-xogħol tal-Bord; |
(ċ) |
għall-amministrazzjoni tal-Istitut minn ġurnata għal ġurnata; |
(d) |
għall-kwistjonijiet kollha relatati mal-persunal; |
(e) |
għall-preparazjoni tad-dikjarazzjoni tad-dħul u nfiq u għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Istitut; |
(f) |
li jinforma lill-KPS dwar il-programm ta’ ħidma annwali; |
(g) |
li jiżgura kuntatti u kollaborazzjoni mill-qrib mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, istituzzjonijiet nazzjonali u istituzzjonijiet internazzjonali f’oqsma relatati. |
Id-Direttur, wara li jikkonsulta lill-Bord, għandu wkoll jesplora possibbiltajiet għal kontributi addizzjonali għall-baġit tal-Istitut.
7. Fi ħdan il-programm ta’ ħidma u l-estimi miftiehma tal-istitut, id-Direttur għandu jkollu s-setgħa li jidħol f’kuntratti, għar-reklutaġġ ta’ persunal approvat fil-baġit u biex jonfoq dak li jkun neċessarju għall-operat tal-Istitut.
8. Id-Direttur għandu jipprepara rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Istitut sal-31 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara. Ir-rapport annwali għandu jintbagħat lill-Bord u, permezz tar-RGħ, lill-Kunsill, li għandu jgħaddih lill-Parlament Ewropew, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.
9. Id-Direttur għandu r-responsabbiltà li jagħti rendikont lill-Bord Eżekuttiv.
Artikolu 7
Persunal
1. Il-persunal tal-Istitut, li jikkonsisti minn analisti u impjegati amministrattivi, għandu jkollu l-istatus ta’ membri ta’ persunal kuntrattwali u għandu jiġi reklutat minn fost ċittadini tal-Istati Membri.
L-analisti tal-Istitut għandhom jiġu reklutati fuq il-bażi ta’ mertu intellettwali, esperjenza u konoxxenza esperta rilevanti għall-missjoni u kompiti tal-Istitut kif stipulat fl-Artikolu 2, u permezz ta’ proċeduri kompetittivi imparzjali u trasparenti.
Ir-regoli tal-persunal tal-Istitut għandhom jiġu adottati mill-Kunsill li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mid-Direttur.
2. Jistgħu jiġu reklutati riċerkaturi u persuni li jitħarrġu fuq bażi ad hoc u għal żmien qasir.
Bil-qbil tad-Direttur, u wara li l-Bord jiġi informat, jistgħu jiġu ssekondati lill-Istitut esperti għal perjodu fiss, kemm f’postijiet fi ħdan l-istruttura organizzattiva tal-Istitut jew għal kompiti u proġetti speċifiċi li jkunu rilevanti għall-missjoni u kompiti tal-Istitut kif stabbilit fl-Artikolu 2.
Il-membri tal-persunal jistgħu jiġu ssekondati għal post barra mill-Istitut, għal perjodu fiss fl-interess tas-servizz, skont ir-regoli tal-persunal tal-Istitut.
Id-dispożizzjonijiet relatati mal-issekondar għandhom jiġu adottati mill-Bord fuq proposta mid-Direttur.
Artikolu 8
Indipendenza u awtonomija
Id-Direttur u l-analisti għandhom igawdu minn indipendenza intellettwali u awtonomija operattiva fit-twettiq tal-attivitajiet tal-Istitut.
Artikolu 9
Programm ta’ ħidma
1. Sal-31 ta’ Ottubru ta’ kull sena, id-Direttur għandu jistabbilixxi abbozz tal-programm ta’ ħidma annwali għas-sena ta’ wara, flimkien mal-perspettivi indikattivi għat-terminu twil għas-snin ta’ wara, u għandu jippreżentah lill-Bord għall-approvazzjoni.
2. Sat-30 ta’ Novembru ta’ kull sena, il-Bord għandu japprova l-programm ta’ ħidma annwali.
Artikolu 10
Il-baġit
1. Kull oġġett ta’ dħul u nfiq tal-Istitut għandu jkun inkluż fl-estimi ta’ kull sena finanzjarja li tkun saret, li għandu jikkorrispondi għas-sena kalendarja, u għandu jintwera fil-baġit tal-Istitut, li għandu jinkludi lista tal-persunal.
2. Id-dħul u l-infiq murija fil-baġit tal-Istitut għandhom ikunu f’bilanċ.
3. Id-dħul tal-Istitut għandu jikkonsisti mill-kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri skont l-iskala tad-dħul gross nazzjonali (DGN). Fuq il-proposta tad-Direttur tal-Istitut, u wara li tingħata approvazzjoni mill-Bord, jistgħu jiġu aċċettati kontribuzzjonijiet addizzjonali għal proġetti speċifiċi li jkunu rilevanti għall-missjoni u kompiti tal-Istitut kif stabbilit fl-Artikolu 2 minn sorsi oħra, partikolarment mill-Istati Membri jew mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni.
Artikolu 11
Proċedura baġitarja
1. Sal-31 ta’ Ottubru ta’ kull sena, id-Direttur għandu jippreżenta lill-Bord abbozz ta’ baġit annwali għall-Istitut li jkopri n-nefqa amministrattiva, nefqa operattiva u l-introjtu previst, inklużi kontribuzzjonijiet addizzjonali għal proġetti speċifiċi previsti fl-Artikolu 10(3).
2. Sat-30 ta’ Novembru ta’ kull sena, il-Bord għandu japprova l-baġit annwali tal-Istitut b’unanimità tar-rappreżentanti tal-Istati Membri.
3. Fil-każ ta’ ċirkostanzi inevitabbli, eċċezzjonali jew imprevisti, id-Direttur jista’ jipproponi lill-Bord abbozz ta’ baġit emendatorju. Il-Bord, bil-konsiderazzjoni dovuta għal kwalunkwe urġenza, għandu japprova l-baġit emendatorju b’unanimità tar-rappreżentanti tal-Istati Membri.
4. Sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena, id-Direttur għandu jippreżenta lill-Kunsill u lill-Bord il-kontijiet dettaljati ta’ kull introjtu u kull infiq tas-sena finanzjarja ta’ qabel, inkluż rapport dwar l-attivitajiet tal-Istitut.
5. Il-Bord Eżekuttiv għandu jagħti r-rilaxx lid-Direttur rigward l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Istitut.
Artikolu 12
Regoli finanzjarji
Il-Bord, bil-kunsens tal-Kunsill, għandu jfassal, fuq proposta tad-Direttur, regoli finanzjarji dettaljati li jispeċifikaw partikolarment il-proċedura li għandha tkun adottata biex jiġi stabbilit, implementat u kontrollat il-baġit tal-Istitut.
Artikolu 13
Privileġġi u immunitajiet
1. Il-privileġġi u l-immunitajiet tad-Direttur u tal-persunal tal-Istitut huma previsti fid-Deċiżjoni tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, datata l-15 ta’ Ottubru 2001, dwar il-privileġġi u l-immunitajiet mogħtija lill-Istitut tal-Unjoni Ewropea għall-Istudji fuq is-Sigurtà u liċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea, u lill-korpi u l-persunal tagħhom. Sa meta tidħol fis-seħħ dik id-Deċiżjoni, l-Istat ospiti jista’ jagħti lid-Direttur u lill-persunal tal-Istitut il-privileġġi u l-immunitajiet previsti fiha.
2. Il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Istitut huma previsti fil-Protokoll (Nru 7) dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, anness mat-TUE u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
Artikolu 14
Responsabbiltà legali
1. Ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-Istitut għandha tiġi regolata, mil-liġi li tapplika għall-kuntratt ikkonċernat.
2. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha jkollha ġurisdizzjoni f’konformità ma’ kwalunkwe klawsola ta’ arbitraġġ inkluża f’kuntratt konkluż mill-Istitut.
3. Ir-responsabbiltà individwali tal-persunal lejn l-Istitut għandha tiġi regolata mid-dispożizzjonijiet relevanti li japplikaw għall-persunal tal-Istitut.
Artikolu 15
Aċċess għal dokumenti
Fuq proposta mid-Direttur, il-Bord Eżekuttiv għandu jadotta regoli dwar l-aċċess pubbliku għal dokumenti tal-Istitut, b’kont meħud tal-prinċipji u l-limiti stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).
Artikolu 16
Protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tal-UE
L-Istitut għandu japplika d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (3).
Artikolu 17
Kooperazzjoni ma’ Stati Membri u ma’ istituzzjonijiet, korpi u aġenziji tal-Unjoni
Sabiex iwettaq il-missjoni u l-kompiti tiegħu kif stabbiliti fl-Artikolu 2, l-Istitut għandu jikkopera mill-qrib ma’ Stati Membri u mas-SEAE. L-Istitut għandu wkoll jistabbilixxi, skont kif ikun meħtieġ, relazzjonijiet ta’ ħidma ma’ istituzzjonijiet tal-Unjoni, kif ukoll ma’ korpi u aġenziji rilevanti tal-Unjoni, inkluż il-Kulleġġ Ewropew ta’ Sigurtà u ta’ Difiża (KESD), bil-ħsieb ta’ skambju ta’ konoxxenza esperta u pariri f’oqsma ta’ interess reċiproku. L-Istitut jista’ wkoll iwettaq proġetti konġunti ma’ istituzzjonijiet, korpi u aġenziji tal-Unjoni.
Artikolu 18
Protezzjoni ta’ Data
Fuq proposta mid-Direttur, il-Bord għandu jadotta regoli ta’ implimentazzjoni fir-rigward tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).
Artikolu 19
Rappurtar
Sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Lulju 2016, ir-RGħ għandu jippreżenta rapport lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni akkumpanjat, jekk meħtieġ, minn rakkomandazzjonijiet adatti.
Artikolu 20
Tħassir
L-Azzjoni Konġunta 2001/554/PESK hija b’dan imħassra.
Artikolu 21
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Frar 2014.
Għall-Kunsill
Il-President
C. ASHTON
(1) Azzjoni Konġunta 2001/554/PESK tal-20 ta’ Lulju 2001 dwar l-istabbiliment tal-Istitut tal-Unjoni Ewropea għall-Istudji fuq is-Sigurtà (ĠU L 200, 25.7.2001, p. 1).
(2) Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).
(3) Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).
(4) Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ tali data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).