8.2.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 39/60


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-6 ta’ Frar 2014

li tawtorizza lill-Isvezja u lir-Renju Unit li jidderogaw minn ċerti regoli komuni ta’ sikurezza tal-avjazzjoni skont l-Artikolu 14(6) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2014) 559)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2014/69/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabblixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Għadd ta’ Stati Membri talbu li jiġu applikati derogi fir-regoli komuni tas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili inklużi fir-regoli li jimplimentaw ir-Regolament (KE) Nru 216/2008. Skont l-Artikolu 14(6) ta’ dak ir-Regolament, is-servizzi tal-Kummissjoni vvalutaw il-ħtieġa għal, u l-livell ta’ protezzjoni li joħroġ minn, id-derogi mitluba, abbażi ta’ rakkomandazzjonijiet mill-EASA. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-varjazzjoni tkun tipprovdi livell ta’ protezzjoni ekwivalenti għal dik miksuba bl-applikazzjoni tar-regoli komuni dwar is-sikurezza fl-avjazzjoni, sakemm ċerti kondizzjonijiet jiġu sodisfatti. Il-valutazzjoni ta’ kull deroga, u l-kondizzjonijiet marbutin mal-applikazzjoni tagħhom, huma deskritti fl-Annessi separati ta’ din id-Deċiżjoni li tawtorizza dawn id-derogi.

(2)

Skont l-Artikolu 14(7) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008, deroga mogħtija lil Stat Membru wieħed għandha tkun notifikata lill-Istati Membri kollha, li għandhom ikunu intitolati wkoll li japplikaw dik id-deroga. Din id-Deċiżjoni għandha għalhekk tiġi indirizzata lill-Istati Membri Kollha. Id-deskrizzjoni ta’ kull deroga, kif ukoll il-kondizzjonijiet marbuta magħha, għandha tkun tali li tippermetti Stati Membri oħra li japplikaw dik il-miżura meta dawn isibu ruħhom fl-istess sitwazzjoni, mingħajr il-ħtieġa ta’ iktar approvazzjoni mill-Kummissjoni. Madankollu, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw l-applikazzjoni tad-derogi peress li jista’ jkollhom effetti barra dak l-Istat Membru.

(3)

Il-miżuri stabbiliti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-gvernijiet tal-Isvezja u r-Renju Unit jistgħu jagħtu approvazzjonijiet li jidderogaw minn ċerti regoli ta’ implimentazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008, kif speċifikat fl-Annessi ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

L-Istati Membri kollha għandhom ikollhom id-dritt li japplikaw il-miżuri msemmija fl-Artikolu 1, kif speċifikat fl-Annessi ta’ din id-Deċiżjoni. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, lill-Aġenzija, u lill-awtoritajiet nazzjonali tal-avjazzjoni tagħhom.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Frar 2014.

Għall-Kummissjoni

Siim KALLAS

Viċi President


(1)  ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1.


ANNESS I

Deroga tar-Renju Unit mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011  (1) fir-rigward tal-privileġġi tal-Istruttur tat-Titjir Sintetiku (SFI)

1.   DESKRIZZJONI TAT-TALBA

Id-dispożizzjoni FCL905.SFI(a) fil-Parti FCL tistipula li l-privileġġi tal-SFIs huma li jipprovdu taħriġ fit-titjir sintetiku, fi ħdan il-kategorija rilevanti tal-inġenju tal-ajru, għal: (a) il-ħruġ, il-validazzjoni mill-ġdid u t-tiġdid ta’ IR, sakemm huwa għandu jew kellu IR fil-kategorija tal-inġenju tal-ajru rilevanti u lesta kors ta’ taħriġ ta’ IRI;

Permezz ta’ ittra li waslet għand il-Kummissjoni fis-27 ta’ Novembru 2012, il-Gvern tar-Renju Unit avża lill-Kummissjoni u lill-EASA bl-intenzjoni tiegħu li jidderoga mill-FCL905.SFI(a) tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011 (ir-Regolament dwar l-Ekwipaġġ tal-Ajru), abbażi tal-Artikolu 14(6) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 (ir-Regolament Bażiku).

Ir-Renju Unit ippropona li jissepara r-rekwiżit għall-kors tal-IRI u l-privileġġ marbut mal-istruzzjoni għall-IR inizjali mir-rekwiżiti l-oħra tal-SFI u biex l-SFIs, li ma jkunux temmew it-taħriġ tal-IRI, ikunu jistgħu jipprovdu taħriġ għall-validazzjoni mill-ġdid u t-tiġdid tal-IR ta’ tip speċifiku.

2.   VALUTAZZJONI TAT-TALBA

2.1.   Il-bżonn

Bħalissa hemm numru mhux suffiċjenti ta’ strutturi tat-titjir kwalifikati li jipprovdu korsijiet ta’ taħriġ u mhux qed ikunu approvati biżżejjed korsijiet tal-IRI li jippermettu lill-SFIs prospettivi jiksbu dawn il-kwalifiki. L-awtorità kompetenti tar-Renju Unit enfasizzat li r-rekwiżit biex jattendu kors tal-IRI joħloq piż mhux intenzjonat minħabba għadd mhux suffiċjenti ta’ strutturi tat-titjir. Dan jista’ jiġi rimedjat billi jingħata permess biex l-SFIs li ma lestewx il-kors ta’ taħriġ tal-IRI jipprovdu taħriġ għall-validazzjoni mill-ġdid u t-tiġdid tal-IR tat-tip speċifiku. L-Aġenzija kkunsidrat li r-Renju Unit wera b’mod suffiċjenti l-bżonn li ssir deroga mir-rekwiżiti tal-FCL.905.SFI.

2.2.   Ekwivalenza tal-livell ta’ protezzjoni

Billi l-Parti FCL hija miktuba, it-tlestija tal-kors tal-IRI huwa rekwiżit ġenerali u japplika għall-privileġġi kollha ta’ taħriġ tal-SFI marbuta mal-IR. Għalhekk, dan japplika wkoll għall-privileġġi marbuta mat-taħriġ għall-validazzjoni mill-ġdid u t-tiġdid tal-IR tat-tip speċifiku, kif ukoll għall-privileġġi addizzjonali biex jingħata t-taħriġ għall-għoti inizjali tal-IR.

Ir-Renju Unit enfasizza li livell ekwivalenti ta’ protezzjoni qed jinżamm permezz tad-deroga intenzjonata għaliex din id-deroga se ddaħħal fis-seħħ mill-ġdid l-istandard tal-JAR-FCL.

Barra minn hekk, ir-Renju Unit ippropona li jagħmel il-kors tal-IRI biss għall-privileġġ marbut mat-taħriġ tal-IR inizjali u li jillimita l-privileġġi tal-SFIs li ma segwewx dan il-kors għat-taħriġ għall-validazzjoni mill-ġdid jew it-tiġdid tal-klassifikazzjoni tat-tip inkluż it-tip speċifiku tal-IR. Sabiex dawn ikunu jistgħu jipprovdu dan it-taħriġ mingħajr ma jkunu pparteċipaw f’kors sħiħ tal-IRI, ir-Renju Unit ippropona li l-SFIs ikunu għaddew minn kontroll tal-profiċjenza għat-tip tal-inġenju tal-ajru, inkluża l-kwalifika ta’ titjir bl-istrumenti f’dawn l-aħħar 12-il xahar. SFIs b’din il-kwalifika li ma jkunux attendew kors sħiħ tal-IRI ma għandhomx iħarrġu għall-ħruġ inizjali ta’ kwalunkwe kwalifika ta’ titjir bl-istrumenti, jew għall-validazzjoni mill-ġdid jew it-tiġdid tal-kwalifika ta’ titjir bl-istrumentii li mhix assoċjata mal-validazzjoni mill-ġdid jew it-tiġdid tal-klassifikazzjoni tat-tip.

L-Aġenzija, wara li analizzat it-talba għal deroga emendata, ikkonkludiet li r-Renju Unit hija korretta meta ddikjarat li l-privileġġi tal-SFI nbidlu fil-Parti FCL meta mqabbel mal-JAR-FCL. Ir-rekwiżit il-ġdid li jirrikjedi lill-SFIs jattendu kors tal-IRI jekk se jitwettaq it-taħriġ għat-titjir għall-IR żdied bħala kondizzjoni addizzjonali minħabba li tqies bħala meħtieġ għall-estensjoni tal-privileġġi.

L-Aġenzija qablet mal-valutazzjoni tar-Renju Unit li d-deroga proposta tipprovdi livell ta’ protezzjoni ekwivalenti għal dak miksub mill-applikazzjoni tal-Parti-FCL, peress li din mhux se tippermetti lil dan il-grupp speċifiku tal-SFIs li jħarrġu għat-tiġdid u l-validazzjoni mill-ġdid tal-IR ġenerali mingħajr ma jkunu pparteċipaw f’kors tal-IRI, iżda jkunu jistgħu biss jipprovdu taħriġ għall-validazzjoni mill-ġdid u t-tiġdid tal-IR tat-tip speċifiku.

3.   DESKRIZZJONI TAD-DEROGA

Ir-Renju Unit jista’, b’deroga mill-FCL.905.SFI(a) tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011, jippermetti lill- SFIs jipprovdu taħriġ għall-validazzjoni mill-ġdid u t-tiġdid tal-IR tat-tip speċifiku mingħajr ma jkunu lestew it-taħriġ tal-IRI.

4.   KONDIZZJONIJIET MARBUTA MAL-APPLIKAZZJONI TAD-DEROGA

SFIs b’din il-kwalifika ma gћandhomx iwettqu taħriġ għat-tiġdid u l-validazzjoni mill-ġdid tal-IR ġenerali mingħajr ma jkunu pparteċipew f’kors tal-IRI.

5.   APPLIKABBILTÀ ĠENERALI TAD-DEROGA

L-Istati Membri kollha jistgħu japplikaw din id-deroga sakemm il-kondizzjonijiet deskritti fil-punt 4 jiġu sodisfatti.


(1)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011 tat-3 ta’ Novembru 2011 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-ekwipaġġi tal-ajruplani tal-avjazzjoni ċivili skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 311, 25.11.2011, p. 1).


ANNESS II

Deroga tar-Renju Unit mir-Regolament (UE) Nru 1178/2011 fir-rigward tal-privileġġi tal-Eżaminatur tat-Titjir Sintetiku (SFE)

1.   DESKRIZZJONI TAT-TALBA

Id-dispożizzjoni FCL.1005.SFE(a)(2) tistipula li l-privileġġi tal-SFEs fuq l-ajruplani jew inġenji tal-ajru bil-powered-lift huma li jwettqu f’FFS: “(…) kontrolli tal-profiċjenza għall-validazzjoni mill-ġdid jew it-tiġdid tal-IRs, sakemm l-SFEs jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-FCL.1010.IRE għall-kategorija applikabbli tal-inġenju tal-ajru”.

Permezz ta’ ittra li waslet għand il-Kummissjoni fis-27 ta’ Novembru 2012, il-Gvern tar-Renju Unit avża lill-Kummissjoni u lill-EASA bl-intenzjoni tiegħu li jidderoga mill-FCL.1005.SFE(a)(2) tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011 (ir-Regolament dwar l-Ekwipaġġ tal-Ajru), abbażi tal-Artikolu 14(6) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 (ir-Regolament Bażiku).

Ir-Renju Unit ippropona li tinħoloq kategorija ġdida tal-SFEs bil-privileġġi li jeżaminaw għall-validazzjoni mill-ġdid u t-tiġdid tal-IR meta konness ma’ klassifikazzjoni tat-tip billi jiġi separat ir-rekwiżit għall-IRI/IRE mir-rekwiżiti l-oħra tal-SFE u jiġu limitati l-privileġġi għall-validazzjoni mill-ġdid jew it-tiġdid ta’ klassifikazzjoni tat-tip inkluż it-tip speċifiku tal-IR.

2.   VALUTAZZJONI TAT-TALBA

2.1.   Il-bżonn

Attwalment m’hemmx biżżejjed korsijiet approvati li jippermettu lil SFEs prospettivi jiksbu dawn il-kwalifiki. Ir-Renju Unit enfasizza li dan ir-rekwiżit se joħloq piż mhux intenzjonat billi iddikjara li bħalissa m’hemmx riżorsi mħarrġa b’mod adegwat. Dan jista’ jiġi rimedjat billi dawk l-SFEs, li ma kkonformawx mar-rekwiżiti tal-IRE, jingħatalhom permess biex iwettqu kontrolli tal-profiċjenza għall-validazzjoni mill-ġdid u t-tiġdid tal-IR tat-tip speċifiku. L-Aġenzija kkunsidrat li r-Renju Unit wera b’mod suffiċjenti l-ħtieġa li ssir deroga mir-rekwiżiti tal-FCL.1005.SFE.

2.2.   Ekwivalenza tal-livell ta’ protezzjoni

Ir-Renju Unit iġġustifika d-deroga intenzjonata billi rrefera għar-rekwiżit ekwivalenti tal-JAR-FCL u identifika tibdila fir-rigward tal-privileġġi ta’ din il-kategorija ta’ eżaminaturi kif ukoll il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti mill-applikant. Ir-Renju Unit enfasizza li skont is-sistema tal-JAR bosta awtoritajiet nazzjonali ppermettew lill-Eżaminaturi tat-Titjir Sintetiku (SFEs) biex jeżaminaw għall-privileġġi marbuta mal-validazzjoni mill-ġdid jew it-tiġdid tal-istrument tat-titjir li huma assoċjati mal-klassifikazzjoni tat-tip; jiġifieri, il-validazzjoni mill-ġdid jew it-tiġdid ta’ klassifikazzjoni tat-tip flimkien mal-kwalifika ta’ titjir bl-istrumenti (IR) tat-tip speċifiku. L-SFEs ma tħallewx jeżaminaw għall-IR ġenerali tat-tip mhux speċifiku jew għall-għoti inizjali tal-privileġġi tal-IR tat-tip speċifiku.

Ir-Renju Unit kompla jinnota, li abbażi taż-żieda fil-privileġġi tal-SFEs, il-Parti-FCL teħtieġ li l-SFEs għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti applikabbli għal ċertifkat ta’ Eżaminatur tal-Kwalifika ta’ Titjir bl-Istrumenti (IRE), li jinkludi r-rekwiżit li jkunu fil-pussess ta’ ċertifikat ta’ Strutturi tal-Klassifikazzjoni tat-Titjir bl-Istrumenti (IRI). Peress li l-Parti-FCL huwa miktub, dan ir-rekwiżit huwa prerekwiżit ġenerali u għalhekk japplika għall-privileġġi kollha tal-eżami tal-IR tal-SFE. Dan japplika għall-privileġġi għall-validazzjoni mill-ġdid u t-tiġdid tal-IRs tat-tip speċifiku kif ukoll il-privileġġi l-ġodda ta’ ezami għall-għoti inizjali ta’ kwalunkwe IR.

Ir-Renju Unit issottolinea li livell ekwivalenti ta’ protezzjoni jinżamm bid-deroga intenzjonata għaliex din id-deroga se terġa’ ddaħħal fis-seħħ l-istandard tal-JAR-FCL.

L-Aġenzija, wara li analizzat it-talba għal deroga, kkonkludiet li r-Renju Unit huwa korrett meta qed jiddikjara li r-rekwiżit FCL.1005.SFE fil-fatt ma fih l-ebda privileġġ għall-SFEs li jwettqu test tal-ħila għall-ħruġ inizjali tal-IR f’FFS, iżda huwa limitat għall-validazzjoni mill-ġdid u t-tiġdid tal-IR (ara l-paragrafu (a)(2)). Barra minn hekk, ir-Renju Unit iddikjara korrettament li skont il-JAR-FCL il-privileġġ tal-SFE jippermetti t-twettiq tal-kontrolli tal-profiċjenza għall-validazzjoni mill-ġdid jew għat-tiġdid tal-IR. Ir-Renju Unit kien korrett ukoll meta ddikjara li l-SFEs skont il-JAR-FCL ma kinux meħtieġa li jissodisfaw ukoll ir-rekwiżiti tal-IRE/IRI. Huwa korrett li l-privileġġi tal-SFE nbidlu meta mqabbla mal-JAR-FCL.

Sabiex jiġi inkluż il-privileġġ tal-eżami għall-validazzjoni mill-ġdid jew it-tiġdid ta’ klassifikazzjoni kombinata tat-tip u l-IR mingħajr ma kkonforma mar-rekwiżiti tal-IRE, ir-Renju Unit ippropona li l-SFEs ikunu għaddew minn kontroll tal-profiċjenza għat-tip tal-inġenju tal-ajru inkluża kwalifika ta’ titjir bl-istrumenti bl-istrumenti f’dawn l-aħħar 12-il xahar. SFEs b’din il-kwalifika ma għandhomx jeżaminaw għall-ħruġ inizjali ta’ kwalunkwe kwalifika ta’ titjir bl-istrumentii, jew għall-validazzjoni mill-ġdid jew it-tiġdid ta’ kwalifika ta’ titjir bl-istrumenti li mhix assoċjata mal-validazzjoni mill-ġdid jew it-tiġdid tal-klassifikazzjoni tat-tip.

Abbażi tal-analiżi mwettqa, l-Aġenzija qablet mal-evalwazzjoni tar-Renju Unit li d-deroga proposta tipprovdi livell ta’ protezzjoni ekwivalenti għal dak miksub bl-applikazzjoni tal-Parti-FCL, peress li mhux se tippermetti lil dan il-grupp speċifiku tal-SFEs li jeżaminaw għat-tiġdid u l-validazzjoni mill-ġdid tal-IR mingħajr ma jkunu pparteċipaw f’kors tal-IRI, iżda se tagħtihom il-privileġġ li jeżaminaw għall-validazzjoni mill-ġdid u t-tiġdid tal-IR tat-tip speċifiku.

3.   DESKRIZZJONI TAD-DEROGA

Ir-Renju Unit jista’, b’deroga mill-FCL.1005.SFE (a)(2) tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011, jippermetti lill-SFEs li jwettqu kontrolli tal-profiċjenza għall-validazzjoni mill-ġdid u t-tiġdid tal-IR tat-tip speċifiku mingħajr ma kkonformaw mar-rekwiżiti applikabbli għal Eżaminatur tal-Kwalifika ta’ Titjir bl-Istrumenti (IRE), li jinkludi r-rekwiżit li jkunu fil-pussess taċ-ċertifikat ta’ Strutturi tal-Kwalifika ta’ Titjir bl-Istrumenti (IRI).

4.   KONDIZZJONIJIET MARBUTA MAL-APPLIKAZZJONI TAD-DEROGA

SFEs b’din il-kwalifika ma għandhomx jeżaminaw għall-ħruġ inizjali ta’ kwalunkwe kwalifika ta’ titjir bl-istrumentii, jew għall-validazzjoni mill-ġdid jew it-tiġdid ta’ kwalifika ta’ titjir bl-istrumentii li mhix assoċjata ma’ validazzjoni mill-ġdid jew it-tiġdid ta’ klassifikazzjoni tat-tip.

5.   APPLIKABBILTÀ ĠENERALI TAD-DEROGA

L-Istati Membri kollha jistgħu japplikaw din id-deroga sakemm il-kondizzjonijiet deskritti fil-punt 4 jiġu sodisfatti.


ANNESS III

Deroga tar-Renju Unit mir-Regolament (UE) Nru 1178/2011 fir-rigward tal-privileġġi ristretti tal-Istrutturi tat-Titjir Sintetiku (SFI) u l-mezzi li bihom dawk ir-restrizzjonijiet jistgħu jitneħħew

1.   DESKRIZZJONI TAT-TALBA

Id-dispożizzjoni FCL.910.SFI(b) tistipula li għall-estensjoni tal-privileġġi tal-SFI għal simulaturi li jirrappreżentaw it-tipi addizzjonali tal-inġenji tal-ajru, l-SFIs għandhom jiġu eżaminati minn Eżaminatur tal-Klassifikazzjoni tat-Tip (TRE). Il-Parti-FCL ma tippermettix lill-SFEs li huma kwalifikati għat-tip li jwettqu t-test biex iżidu tip ieħor ta’ privileġġi tal-SFI.

Permezz ta’ ittra li waslet għand il-Kummissjoni fis-27 ta’ Novembru 2012, il-Gvern tar-Renju Unit avża lill-Kummissjoni u lill-EASA bl-intenzjoni tiegħu li jidderoga mill-FCL.910.SFI(b) tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011 (ir-Regolament dwar l-Ekwipaġġ tal-Ajru), abbażi tal-Artikolu 14(6) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 (ir-Regolament Bażiku).

Ir-Renju Unit talab din id-deroga sabiex jippermetti lill-SFEs li mhux biss iwettqu testijiet fil-każ tal-ħruġ inizjali taċ-ċertifikat tal-SFI iżda li jestendu l-privileġġi sabiex l-SFEs ikunu jistgħu jittestjaw lill-SFI għal kwalunkwe tip addizzjonali.

2.   VALUTAZZJONI TAT-TALBA

2.1.   Il-bżonn

Huwa neċessarju li l-SFEs jitħallew mhux biss li jwettqu testijiet fil-każ tal-ħruġ inizjali taċ-ċertifikat tal-SFI iżda li jestendu l-privileġġi sabiex l-SFEs ikunu jistgħu jittestjaw l-SFI għal kwalunkwe tip addizzjonali għax inkella jiġi impost piż żejjed fuq l-industrija minħabba n-nuqqas ta’ staff ikkwalifikat. L-Aġenzija qablet mal-ġustifikazzjoni mogħtija mir-Renju Unit dwar il-ħtieġa li tingħata din id-deroga.

2.2.   Ekwivalenza tal-livell ta’ protezzjoni

Ir-Renju Unit iġġustifika d-deroga intenzjonata billi ddikjara li ma jkun hemm l-ebda effett ta’ ħsara fuq il-livell ta’ protezzjoni kkawżat minn din l-estensjoni tal-privileġġi.

Abbażi tal-analiżi mwettqa, l-Aġenzija qablet mal-evalwazzjoni tar-Renju Unit li livell ekwivalenti ta’ protezzjoni qed jinżamm bid-deroga intenzjonata peress li l-Parti-FCL diġà tippermetti lill-SFEs li jittestjaw lill-SFIs għat-tip ta’ inġenju tal-ajru inkluż fil-ħruġ inizjali taċ-ċertifikat tal-SFI.

3.   DESKRIZZJONI TAD-DEROGA

Ir-Renju Unit jista’ jidderoga mill-FCL.910.SFI(b) tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011, sabiex jippermetti lill-SFEs li mhux biss iwettqu testijiet fil-każ tal-ħruġ inizjali taċ-ċertifikat tal-SFI iżda li jestendu l-privileġġi sabiex l-SFEs ikunu jistgħu jittestjaw lill-SFI għal kwalunkwe tip addizzjonali.

4.   KONDIZZJONIJIET MARBUTA MAL-APPLIKAZZJONI TAD-DEROGA

Il-privileġġi tal-SFI jistgħu jiġu estiżi għal FSTDs oħra li jirrappreżentaw tipi oħra tal-istess tal-istess kategorija tal-inġenju tal-ajru meta d-detentur ikun:

lesta b’mod sodisfaċenti l-kontenut tas-simulatur tal-kors tal-klassifikazzjoni tat-tip rilevanti, kif ukoll

wettaq fuq kors sħiħ tal-klassifikazzjonijiet tat-tip mill-inqas tliet sigħat ta’ taħriġ fit-titjir relatat mad-dmirijiet ta’ SFI fuq it-tip applikabbli taħt is-sorveljanza u għas-sodisfazzjon ta’ TRE jew SFE kkwalifikat/a għal dan il-għan.

5.   APPLIKABBILTÀ ĠENERALI TAD-DEROGA

L-Istati Membri kollha jistgħu japplikaw din id-deroga sakemm il-kondizzjonijiet deskritti fil-punt 4 jiġu sodisfatti.


ANNESS IV

Deroga tar-Renju Unit mir-Regolament (UE) Nru 1178/2011 fir-rigward tal-privileġġi u l-kondizzjonijiet għall-Istrutturi tat-Titjir Sintetiku (SFI)

1.   DESKRIZZJONI TAT-TALBA

Id-dispożizzjoni FCL.905.SFI tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011 tistabbilixxi l-privileġġi tal-Istruttur tat-Titjir Sintetiku (SFI) u ma tippermettix lill-SFIs iħarrġu l-applikanti għaċ-ċertifikat tal-SFI. Il-Parti-FCL tagħti l-privileġġ li jingħata dan it-taħriġ biss lid-detenturi taċ-ċertifikat tal-Istruttur tal-Kwalifika ta’ Tip (TRI), sakemm dawn ikollhom mill-inqas tliet snin ta’ esperjenza bħala TRI (FCL905.TRI(b)).

Permezz tal-ittra tas-27 ta’ Novembru 2012, il-Gvern tar-Renju Unit avża lill-Kummissjoni u lill-EASA bl-intenzjoni tiegħu li jidderoga minn din id-dispożizzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011 (ir-Regolament dwar l-Ekwipaġġ tal-Ajru), abbażi tal-Artikolu 14(6) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008.

Ir-Renju Unit ippropona li jagħti lid-detenturi ta’ ċertifikat tal-SFI, il-privileġġ li jipprovdi taħriġ lill-applikanti għal ċertifikat tal-SFI mingħajr ma jissodisfa r-rekwiżit li, ta’ mill-inqas għandu tliet snin ta’ esperjenza bħala TRI.

2.   VALUTAZZJONI TAT-TALBA

2.1.   Il-bżonn

Ir-Renju Unit għarraf li, fil-passat, kien interpreta l-JAR-FCL bħala li tippermetti lill-SFIs li jaġixxu ta’ tuturi f’korsijiet tal-SFI wara li jkunu wettqu kors speċifiku ta’ tutur segwit minn valutazzjoni tal-kompetenza. Ir-Renju Unit kommpla jispjega li bl-implimentazzjoni tal-Parti-FCL u l-introduzzjoni ta’ diċitura aktar speċifika, il-privileġġ għat-taħriġ tal-applikanti għal ċertifikat tal-SFI jingħata biss lill-Istrutturi tal-Kwalifika ta’ Tip (TRIs) bi tliet snin ta’ esperjenza bħala TRIs. Fir-Renju Unit ħafna SFIs iċċertifikati mir-Renju Unit u li jaħdmu fir-rwol tat-tagħlim tal-applikanti għal ċertifikat tal-SFI ma jistgħux jikkonformaw mar-rekwiżit li jsiru TRI b’esperjenza ta’ tliet snin. Għalhekk, dawn mhux se jkunu jistgħu jkompli jaġixxu ta’ tuturi f’korsijiet tal-SFI. Ir-Renju Unit speċifika wkoll li ħafna SFIs attwali mhumiex sejrin ikunu kapaċi jissodisfaw ir-rekwiżiti tat-TRI għal raġunijiet mediċi.

Abbażi tal-valutazzjoni tas-sitwazzjoni attwali, ir-Renju Unit ikkonkluda li hemm numru mhux suffiċjenti ta’ TRIs biex jgħallmu numru suffiċjenti ta’ applikanti għaċ-ċertifikat tal-SFI u biex jiġu ssodisfati l-bżonnijiet ta’ taħriġ tal-industrija. B’riżultat ta’ dan, se jkun hemm nuqqas ta’ strutturi kwalifikati li jipprovdu dan it-taħriġ li jista’ jikkawża tfixkil serju fit-taħriġ tal-bdoti, b’mod partikolari fil-qasam tal-inġenji tal-ajru tan-negozju/korporattivi. Għalhekk, hemm bżonn li jingħata l-privileġġ lill-SFI li ma jissodisfawx ir-rekwiżit ta’ esperjenza, ta’ mill-inqas, tliet snin bħala TRI, biex jipprovdu taħriġ lill-applikant tal-SFI. L-Aġenzija qablet mal-ġustifikazzjoni mogħtija mir-Renju Unit dwar il-ħtieġa għal din id-deroga.

2.2.   Ekwivalenza tal-livell ta’ protezzjoni

Barra minn hekk, ir-Renju Unit identifika inkonsistenza fil-Parti-FCL peress li Eżaminatur tat-Titjir Sintetiku (SFE), li għandu jkollu ċertifikat ta’ SFI, ser ikollu l-privileġġ li jwettaq valutazzjonijiet tal-kompetenza għall-ħruġ, il-validazzjoni mill-ġdid jew it-tiġdid taċ-ċertifikat tal-SFI iżda, fl-istess ħin, mhux se jkollu l-permess li jħarreġ lil dawn l-SFIs. Il-fatt li l-SFEs, li huma wkoll SFIs, ma jistgħux iħarrġu bdoti biex isiru SFIs iżda jistgħu jeżaminaw l-SFIs, ġie identifikat bħala inkonsistenza fil-Parti-FCL, minħabba li l-eżaminaturi kollha, skont is-sistema tal-Parti-FCL, għandhom il-privileġġ li jħarrġu għaċ-ċertifikati, il-klassifikazzjonijiet u l-liċenzji li għalihom huma awtorizzati li jwettqu eżamijiet.

Il-Parti FCL tirrifletti s-sistema tal-JAR-FCL fejn it-taħriġ tal-applikanti għal ċertifikat tal-SFI kellu suppost jittieħed biss minn TRI. Wara li ġew analizzati l-proposti dwar kif ir-Renju Unit għandu l-intenzjoni jikkwalifika aktar lill-SFIs għal dan il-kompitu, l-Aġenzija qablet mal-evalwazzjoni tar-Renju Unit li l-livell ta’ protezzjoni ekwivalenti għal dak miksub bl-applikazzjoni tal-Parti-FCL jinkiseb permezz tad-deroga intenzjonata, speċifikament permezz tar-rekwiżiti tat-taħriġ addizzjonali u tal-kontroll issuġġeriti mir-Renju Unit.

Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li r-Renju Unit jipprevedi wkoll dan il-kors tat-tuturi għat-TRIs li jixtiequ jipprovdu dan it-taħriġ. Billi l-Parti-FCL diġà tipprovdi dan il-privileġġ lit-TRI li jixtiequ jħarrġu għal ċertifikat tal-SFI jekk hu/hi jissodisfa/tissodisfa r-rekwiżit ta’ esperjenza ta’ tliet snin tali kors ta’ tutur għat-TRI mhux meħtieġ. Għalhekk, dawn il-korsijiet għandhom jingħataw biss lill-SFIs.

3.   DESKRIZZJONI TAD-DEROGA

Ir-Renju Unit jista’, b’deroga mill-FCL.905.SFI, jagħti l-privileġġ lill-SFIs li ma jissodisfawx ir-rekwiżit ta’ esperjenzali ta’ mill-inqas tliet snin bħala TRI, biex jipprovdu t-taħriġ lill-applikanti tal-SFI.

4.   KONDIZZJONIJIET MARBUTA MAL-APPLIKAZZJONI TAD-DEROGA

Tali SFIs għandhom jkollhom mill-inqas tliet snin ta’ esperjenza ta’ taħriġ bħala SFI, għandhom ilestu kors speċifiku ta’ jumejn gat-tuturi tal-SFI pprovdut minn tutur tal-SFI u għandhom jgħaddu minn valutazzjoni tal-kompetenza.

5.   APPLIKABBILTÀ ĠENERALI TAD-DEROGA

L-Istati Membri kollha jistgħu japplikaw din id-deroga sakemm il-kondizzjonijiet marbuta jiġu sodisfatti.


ANNESS V

Deroga tar-Renju Unit mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011 fir-rigward tal-validazzjoni mill-ġdid u t-tiġdid tal-Kwalifika ta’ Titjir bl-Istrumenti (IR)

1.   DESKRIZZJONI TAT-TALBA

Id-dispożizzjoni FCL.625(c) u (d) tal-Anness I (il-Parti-FCL) tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011 tgħid:

(c)   Tiġdid. Jekk l-IR tkun skadiet, sabiex iġeddu l-privileġġi tagħhom, l-applikanti għandhom:

(1)

iwettqu taħriġ ta’ aġġornament f’ATO sabiex jilħqu l-livell ta’ profiċjenza meħtieġ biex jgħaddu mill-element tat-tijir bl-istrumenti tat-test tal-ħiliet skont l-Appendiċi 9 ta’ din il-Parti; kif ukoll

(2)

iwettqu kontroll tal-profiċjenza skont l-Appendiċi 9 ta’ din il-Parti, fil-kategorija rilevanti tal-inġenju tal-ajru.

(d)   Jekk l-IR ma tkunx ġiet ivvalidata mill-ġdid jew imġedda fis-seba’ snin preċedenti, id-detentur se jkun meħtieġ li jerġa’ jgħaddi mill-eżami tal-għarfien teoriku u mit-test tal-ħiliet tal-IR.”

Permezz tal-ittra tat-18 ta’ Marzu 2013, il-Gvern tar-Renju Unit avża lill-Kummissjoni u lill-EASA bl-intenzjoni tiegħu li jidderoga minn din id-dispożizzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011, abbażi tal-Artikolu 14(6) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008.

2.   VALUTAZZJONI TAT-TALBA

2.1.   Il-bżonn

Hemm bżonn li jingħata permess lid-detenturi tal-liċenzji maħruġa skont il-Parti FCL b’liċenzja tal-IR miżmuma f’pajjiż terz konformi mal-ICAO li jżommu l-privileġġi tagħhom mingħajr il-ħtieġa li jerġgħu jagħmlu l-eżamijiet tal-għarfien teoriku. Ir-Regolament dwar l-Ekwipaġġ tal-Ajru ma jindirizzax din is-sitwazzjoni, li toħloq piż bla bżonn fuq id-detenturi tal-liċenzja.

2.2.   Ekwivalenza tal-livell ta’ protezzjoni

Ir-Renju Unit jemmen li r-rekwiżiti tal-FCL.625(d) inħolqu fil-każ li detentur ta’ liċenzja jieqaf milli jtir skont ir-Regoli tat-Titjir bl-Istrumenti (IFR) għal seba’ snin. Ir-regola ma tqiesx il-possibbiltà li d-detentur tal-liċenzja jista’ jkun qed itir skont l-IFR bl-użu ta’ IR miżmum skont liċenjza ta’ pajjiż terz matul il-perjodu ta’ seba’ snin li ġġeddet matul dak il-perjodu u li għalhekk hija valida.

L-Aġenzija, wara li analizzat it-talba għal deroga, qablet mar-Renju Unit li huwa sproporzjonat li bdot li għandu IR, kurrenti jew li skadiet reċentement, konformi mal-Anness I tal-ICAO maħruġa minn pajjiż terz, ikun rikjest li jerġa’ jagħmel l-eżamijiet tal-għarfien teoriku meħtieġa għat-tiġdid tal-IR Ewropea li tkun skadiet b’aktar minn seba’ snin; jiġifieri, mhuwiex xieraq li jiġu applikati l-istess rekwiżiti għal bdot b’esperjenza riċenti ta’ IFR bħal dawk applikati għal bdot li ma jkunx tar skont l-IFR għal aktar minn seba’ snin.

L-Aġenzija taqbel mar-raġunament mogħti mir-Renju Unit. Ir-regola ma tqiesx il-possibbiltà li d-detentur tal-liċenzja jista’ jkun qed itir skont l-IFR bl-użu ta’ IR miżmuma skont liċenzja ta’ pajjiż terz matul il-perjodu ta’ seba’ snin li ġiet mġedda matul dak il-perjodu u li għalhekk hi valida. Id-deroga intenzjonata tkun tikkonċerna lid-detenturi tal-liċenzji skont il-Parti-FCL li tinkludi l-IR konformi mal-ICAO. Jekk dawn il-bdoti wara ċertu żmien jieqfu jtiru b’dik il-liċenzja iżda jibqgħu jtiru b’liċenzja tal-ICAO bbażata f’pajjiż terz li tinkludi IR u mbagħad jitolbu li jġeddu l-IR tal-liċenzja Ewropea, dawn ikollhom jissodisfaw biss il-kriterji dwar il-validazzjoni mill-ġdid li hemm fil-FCL.625(b) ibbażati fuq l-IR attwali u valida ta’ pajjiż terz. Dan ifisser li d-detentur tal-klassifikazzjoni gћandu jgħaddi minn kontroll tal-profiċjenza, iżda ma jkunx meħtieġ li jgħaddi minn taħriġ jew li jerġa’ jpoġġi għall-eżamijiet tal-għarfien teoriku. Fil-każ ta’ bdot li kellu IR ta’ pajjiż terz li ma għadhiex valida iżda li ġiet ivvalidata mill-ġdid jew imġedda fis-seba’ snin preċedenti, id-detentur tal-klassifikazzjoni għandu jikkonforma mar-rekwiżiti tat-tiġdid fil-FCL.625(c), iżda mhux se jkun meħtieġ ukoll li jerġa’ jagħmel l-eżamijiet tal-għarfien teoriku. L-Aġenzija tikkunsidra li dan jipprovdi livell ta’ sikurezza ekwivalenti għal dak previst mill-Parti-FCL.

3.   DESKRIZZJONI TAD-DEROGA

Ir-Renju Unit jista’, b’deroga mid-dispożizzjoni FCL.625(c) u (d) tal-Anness I (il-Parti-FCL) tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011, jippermetti lid-detenturi tal-liċenzji maħruġa skont il-Parti FCL li jżommu l-privileġġi tagħhom marbuta mal-IR miżmuma f’liċenzja ta’ pajjiż terz mingħajr il-ħtieġa li jerġgħu jagħmlu l-eżamijiet tal-għarfien teoriku.

4.   KONDIZZJONIJIET MARBUTA MAL-APPLIKAZZJONI TAD-DEROGA

Din id-deroga tapplika għad-detenturi tal-liċenzji maħruġa skont il-Parti-FCL sakemm l-IR miżmuma f’liċenzja ta’ pajjiż terz tkun konformi mal-ICAO.

5.   APPLIKABBILTÀ ĠENERALI TAD-DEROGA

L-Istati Membri kollha jistgħu japplikaw din id-deroga sakemm il-kondizzjonijiet deskritti fil-punt 4 jiġu sodisfatti.


ANNESS VI

Deroga tal-Isvezja mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012  (1) fir-rigward tad-dispożizzjonijiet eżistenti dwar il-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ ajrunavigabbiltà għall-inġenji tal-ajru importati

1.   DESKRIZZJONI TAT-TALBA

Skont il-punt 21 A.174(b)3(ii) tal-Anness I (il-Parti 21) tar-Regolament (UE) Nru 748/2012, kull applikazzjoni għal ċertifikat tal-ajrunavigabbiltà, għal inġenju tal-ajru importat minn pajjiż terz, għandha tinkludi dikjarazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-Istat fejn l-ajruplan huwa jew kien reġistrat, li tirrefletti l-istat tal-ajrunavigabbiltà tal-ingenju tal-ajru fuq ir-reġistru tiegħu fiż-żmien tat-trasferiment.

Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Jannar 2011, l-Aġenzija tat-Trasport tal-Isvezja avżat lill-Kummissjoni u l-EASA bl-intenzjoni tagħha li tidderoga mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1702/2003 (2) (imħassar bir-Regolament (UE) Nru 748/2012) u li tneħħi r-rekwiżit li tkun inkluża tali dikjarazzjoni.

2.   VALUTAZZJONI TAT-TALBA

2.1.   Il-bżonn

L-Isvezja identifikat bżonn li tidderoga minn din ir-regola, minħabba li f’xi każijiet tali dikjarazzjoni ma tkunx disponibbli u ma tistax tinkiseb.

2.2.   Ekwivalenza tal-livell ta’ protezzjoni

L-intenzjoni tal-ħtieġa ta’ dikjarazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-Istat fejn l-ingenju tal-ajru huwa, jew kien, reġistrat, li tirrefletti l-istat tal-ajrunavigabbiltà tal-inġenju tal-ajru fuq ir-reġistru tiegħu fiż-żmien tat-trasferiment meta inġenju tal-ajru jiġi importat fi stat tal-EASA, hija biex tippermetti lill-Istat importatur li jivverifika li l-inġenju tal-ajru jikkonforma ma’ disinn tat-tip approvat skont ċertifikat tat-tip tal-EASA, li kwalunkwe ċertifikat tat-tip supplementari, tibdila jew tiswija kienet ġiet approvata f’konformità mal-Anness I (il-Parti 21) tar-Regolament (UE) Nru 748/2012, u li d-direttivi applikabbli dwar l-ajrunavigabbiltà kienu ġew implimentati.

Il-miżura proposta mill-Gvern Svediż li jneħħi r-rekwiżit tal-inklużjoni tad-dikjarazzjoni tista’ tipprevedi livell ta’ protezzjoni ekwivalenti għal dak stipulat mir-regoli applikabbli ta’ implimentazzjoni tal-Anness I (il-Parti 21) tar-Regolament (UE) Nru 748/2012 marbuta mad-dokumenti neċessarji għall-ħruġ ta’ ċertifikat tal-ajrunavigabbiltà għal inġenju tal-ajru użat importat minn Stati mhux membri tal-UE sakemm ikunu qed jintużaw mezzi oħra sabiex tinkiseb l-assigurazzjoni meħtieġa. Dawk il-mezzi huma deskritti fil-punt 4.

3.   DESKRIZZJONI TAD-DEROGA

L-Isvezja tista’ taċċetta applikazzjonijiet għal ċertifikat ta’ ajrunavigabbiltà għal inġenju tal-ajru importat minn pajjiż terz, mingħajr dikjarazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-Istat fejn l-inġenju tal-ajru huwa jew kien reġistrat, li tirrefletti l-istat tal-ajrunavigabbiltà tal-inġenju tal-ajru fuq ir-reġistru tiegħu fiż-żmien tat-trasferiment.

Din id-deroga għandha tapplika sakemm emenda li ssolvi din il-kwistjoni, bħala parti mill-ħidma ta’ tfassil tar-regoli RMT.0020, tas-Subparti H (Iċ-Ċertifikat tal-Ajrunavigabbiltà u ċ-Ċertifikati ristretti ta’ Ajrunavigabbiltà) tal-Anness I (il-Parti 21) tar-Regolament (UE) Nru 748/2012, tiġi adottata u ssir applikabbli.

4.   KONDIZZJONIJIET MARBUTA MAL-APPLIKAZZJONI TAD-DEROGA

L-awtorità kompetenti għandha teżamina d-dokumentazzjoni tal-inġenju tal-ajru u tispezzjona l-inġenju tal-ajru biex tivverifika li:

Ir-reġistri storiċi tal-inġenju tal-ajru jkunu kompluti u suffiċjenti biex jiġi stabbilit l-standard ta’ produzzjoni u modifika,

L-inġenju tal-ajru kien manifatturat skont id-disinn tat-tip li kien il-bażi għaċ-ċertifikat tat-tip tal-EASA. Għal dak l-għan, ir-reġistri storiċi għandhom jinkludu kopja tal-ewwel ċertifikat tal-ajrunavigabbiltà jew ċertifikat tal-esportazzjoni maħruġ għall-inġenju tal-ajru ġdid. Alternattivament, l-applikant għaċ-ċertifikat tal-ajrunavigabbiltà jista’ jikseb dikjarazzjoni mingħand id-detentur taċ-ċertifikat tat-tip approvat mill-Istat tad-Disinn fir-rigward l-istat tal-produzzjoni,

L-inġenju tal-ajru jikkonforma ma’ disinn tat-tip approvat skont ċertifikat tat-tip,

Kwalunkwe ċertifikat tat-tip supplementari, tibdil jew tiswijiet jiġu approvati f’konformità mal-Anness I (il-Parti 21) tar-Regolament (UE) Nru 748/2012,

Id-direttivi applikabbli dwar l-ajrunavigabbiltà kienu implimentati.

Fl-aħħar nett, l-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi li r-riżultati tal-investigazzjoni tagħha huma konsistenti mar-riżultati tal-investigazzjoni tal-organizzazzjoni li twettaq l-analiżi tan-ajrunavigabbiltà f’konformità mal-Anness I (il-Parti M) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2042/2003 (3).

5.   APPLIKABBILTÀ ĠENERALI TAD-DEROGA

L-Istati Membri kollha jistgħu japplikaw din id-deroga sakemm il-kondizzjonijiet deskritti fil-punt 4 jiġu sodisfatti.


(1)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012 tat-3 ta’ Awwissu 2012 li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni għaċ-ċertifikazzjoni tal-airworthiness u ambjentali ta’ inġenji tal-ajru u ta’ prodotti, partijiet u tagħmir relatati, kif ukoll għaċ-ċertifikazzjoni ta’ organizzazzjonijiet relatati mad-disinn u l-produzzjoni (ĠU L 224, 21.8.2012, p. 1).

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1702/2003 tal- 24 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli ta' implimentazzjoni biex inġenji tal-ajru, prodotti, partijiet u tagħmir relatat jiġu ċertifikati bħala tajbin għall-ajru u li ma jagħmlux ħsara ambjentali, kif ukoll għaċ-ċertifikazzjoni ta' organizzazzjonijiet relatati mad-disinn u l-produzzjoni tagħhom ( ĠU L 243, 27.9.2003, p. 6).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2042/2003 ta l-20 ta' Novembru 2003 dwar l-kapaċità kontinwata li jintużaw fl-ajru ta' inġenji tal-ajru u prodotti, partijiet u tagħmir ajrunawtiku, u dwar l-approvazzjoni ta' organizzazzjonijiet u persunal involut f'dan ix-xogħol (ĠU L 315, 28.11.2003, p. 1).