1.2.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 32/33


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-28 ta’ Jannar 2014

li tawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interessi tal-Unjoni Ewropea, il-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza fl-Użu tas-Sustanzi Kimiċi fuq ix-Xogħol, 1990, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (Konvenzjoni Nru 170)

(2014/52/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 flimkien mal-Artikolu 218(6)(a)(v) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni qegħdin jippromwovu r-ratifika ta’ konvenzjonijiet internazzjonali tax-xogħol li ġew ikklassifikati bħala li huma aġġornati mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, bħala kontribut lejn l-isforz tal-Unjoni Ewropea biex tippromwovi kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti għal kulħadd, kemm fl-Unjoni kif ukoll barra minnha, li l-ħarsien u t-titjib tas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema huwa aspett importanti tagħhom.

(2)

Ir-regoli skont il-Parti III tal-Konvenzjoni Nru 170 li jikkonċernaw is-Sikurezza fl-Użu tas-Sustanzi Kimiċi fuq ix-Xogħol, 1990, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), minn hawn ‘il quddiem “il-Konvenzjoni”, huma koperti fil-parti l-kbira mill-acquis tal-Unjoni dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u l-prattiċi amministrattivi fil-qasam tal-klassifikazzjoni, tal-imballaġġ u l-ittikkettar li ġie żviluppat mill-1967 ‘l hawn u ġie kkonsolidat iżjed.

(3)

Bħala konsegwenza ta’ dan, partijiet mill-Konvenzjoni jidħlu fil-kompetenza tal-Unjoni, u l-Istati Membri ma jistgħux jidħlu f’impenji barra l-qafas tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni b’rabta ma’ dawn il-partijiet.

(4)

L-Unjoni ma tistax tirratifika l-Konvenzjoni, minħabba li Stati biss jistgħu jkunu partijiet fiha.

(5)

F’din il-qagħda, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jridu jikkooperaw dwar ir-ratifikazzjoni tal-Konvenzjoni.

(6)

Għalhekk il-Kunsill għandu jawtorizza lill-Istati Membri li huma marbuta mil-liġi tal-Unjoni dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet fil-qasam tal-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettar biex jirratifikaw il-Konvenzjoni fl-interessi tal-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Istati Membri huma b’dan awtorizzati li jirratifikaw, għall-partijiet li jaqgħu fil-kompetenza mogħtija lill-Unjoni bit-Trattati, il-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza fl-Użu tas-Sustanzi Kimiċi fuq ix-Xogħol, 1990, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (Konvenzjoni Nru 170).

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Jannar 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

G. STOURNARAS