29.1.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 26/44


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-27 ta’ Jannar 2014

li tikkonċerna ċerti miżuri interim ta’ protezzjoni marbuta mad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-Litwanja

(notifikata bid-dokument C(2014) 501)

(It-test Litwan biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2014/43/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta’ Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(3) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar spezzjonijiet veterinarji u żootekiniċi applikabbli fil-kummerċ intra-Komunitarju f’ċerti annimali ħajjin u ċerti prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(3) tagħha,

Billi:

(1)

Id-deni Afrikan tal-ħnieżer huwa marda virali infettiva li taffettwa l-popolazzjonijiet tal-ħnieżer domestiċi u salvaġġi u jista’ jkollha impatt serju fuq il-profitti tan-negozji tat-trobbija tal-ħnieżer li jisfratta l-kummerċ fi ħdan l-Unjoni u l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi.

(2)

F’każ ta’ tifqigħa tad-deni Afrikan tal-ħnieżer, hemm ir-riskju li l-aġent patoġeniku jista’ jinxtered ma’ rziezet oħra u mal-ħnieżer salvaġġi. B’hekk, jista’ jinxtered minn Stat Membru għall-ieħor u għall-pajjiżi terzi permezz tal-kummerċ tal-ħnieżer ħajjin jew tal-prodotti tagħhom.

(3)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/60/KE (3) tistabbilixxi miżuri minimi li għandhom jiġu applikati fi ħdan l-Unjoni għall-kontroll tad-deni Afrikan tal-ħnieżer. L-Artikolu 15 tad- Direttiva 2002/60/KE jipprovdi għall-istabbiliment ta’ żona infettata wara l-konferma ta’ każ wieħed jew iżjed ta’ deni Afrikan tal-qżieqeż fi ħnieżer salvaġġi.

(4)

Il-Litwanja għarrfet lill-Kummissjoni bis-sitwazzjoni preżenti fit-territorju tagħha fir-rigward tad-deni Afrikan tal-ħnieżer, u b’konformità mal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/60/KE, stabbiliet żona ta’ infezzjoni fejn japplikaw il-miżuri msemmija fl-Artikoli 15 u 16 ta’ dik id-Direttiva.

(5)

Sabiex jiġi evitat kull xkiel bla bżonn għall-kummerċ fi ħdan l-Unjoni u biex jiġu evitati ostakoli mhux ġustifikati għall-kummerċ minn pajjiżi terzi, jinħtieġ li tiġi stabbilita, f’kollaborazzjoni mal-Istat Membru kkonċernat, lista tal-Unjoni taż-żoni ristretti għad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-Litwanja.

(6)

Skont dan, sakemm issir il-laqgħa tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, iż-żoni ristretti fil-Litwanja għandhom jitniżżlu fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni u għandu jiġi stabbilit it-tul ta’ żmien ta’ din ir-regjonalizzazzjoni.

(7)

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi riveduta fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Litwanja għandha tiżgura li ż-żona ta’ infezzjoni stabbilita skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/60/KE tkun tinkludi tal-anqas iż-żoni mniżżla fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-15 ta’ Frar 2014.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Litwanja.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Jannar 2014.

Għall-Kummissjoni

Tonio BORG

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.

(2)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.

(3)  Direttiva tal-Kunsill 2002/60/KE tas-27 ta’ Ġunju 2002 li tistabbilixxi miżuri għall-kontroll tad-deni Afrikan tal-qżieqeż u temenda d-Direttiva 92/119/KEE għar-rigward tal-marda Teschen u d-deni Afrikan tal-qżieqeż (ĠU L 192, 20.7.2002, p. 27).


ANNESS

Żona infettata fil-Litwanja

Data sa meta applikabbli

Id-distretti ta’ Trakai u Šalčininkai fil-kontea (apskritis) Vilnius u d-distretti ta’ Lazdijai, Varėna, Alytus, Druskininkai fil-kontea Alytus.

fil-15 ta’ Frar 2014.