11.1.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 8/27


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-10 ta’ Ottubru 2013

li temenda d-Deċiżjoni 2010/372/UE dwar l-użu ta’ sustanzi kkontrollati bħala aġenti tal-ipproċessar skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2013) 6517)

(It-testi bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bl-Olandiż, bit-Taljan, bil-Pollakk u bil-Portugiż biss huma awtentiċi)

(2014/8/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1005/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Minħabba r-responsabbiltajiet tal-Unjoni skont id-Deċiżjoni X/14 u deċiżjonijiet sussegwenti tal-Partijiet fil-Protokoll ta’ Montreal dwar is-Sustanzi li Jnaqqsu s-Saff tal-Ożonu, l-Artikolu 8(4) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2009 jillimita l-użu tas-sustanzi kkontrollati bħala aġenti tal-ipproċessar għal 1 083 tunnellata metrika fis-sena u jillimita l-emissjonijiet mill-użi tal-aġenti tal-ipproċessar għal 17-il tunnellata metrika fis-sena.

(2)

Id-Deċiżjoni 2010/372/UE (2) tistabblilixxi lista ta’ impriżi li huma permessi jużaw sustanzi kkontrollati bħala aġenti tal-ipproċessar, u tiffissal-kwantitajiet massimi permessi għall-użu fil-kompożizzjoni u għall-emissjonijiet għal kull impriża kkonċernata.

(3)

Mill-2010, żewġ impriżi (Anwil SA u CUF Quimicos Industriais sa) ma għadhomx jużaw sustanzi kkontrollati bħala aġenti tal-ipproċessar. Impriża oħra (Arkema France S.A.) infurmat lill-awtoritajiet kompetenti Franċiżi li kien hemm żbalji kbar u evidenti fid-dejta tal-emissjonijiet li hi rrappurtat lill-Kummissjoni għas-snin 2007, 2008, 2009, 2010 u 2011, bir-riżultat li l-emissjonijiet annwali tagħha kienu ferm sottovalutati. Din id-dejta intużat mill-Kummissjoni bħala l-bażi għall-kalkolu ta’ limitu għall-impriża, kif stabbilit fl-Anness tad-Deċiżjoni 2010/372/UE, li jelenka l-impriżi u l-kwantitajiet massimi tal-emissjonijiet permessi fis-sena minn kull impriża. L-awtoritajiet kompetenti Franċiżi investigaw din l-allegazzjoni u sabu li dawn l-iżbalji evidenti fid-dejta rrappurtata fil-fatt jeżistu. Dawn l-iżbalji fid-dejta rrappurtata jidher li ma kinux intenzjonati, u rriżultaw fl-istabbiliment ta’ limitu għall-impriża li kien ferm taħt il-limitu li kien jiġi stabbilit li kieku l-emissjonijiet annwali ġew irrappurtati b’mod korrett. Il-limitu tal-impriża kif stabbilit fl-Anness tad-Deċiżjoni 2010/372/UE għalhekk ma jirriflettix b’mod korrett l-emissjonijiet annwali storiċi tagħha u għandu jitranġa.

(4)

L-Anness tad-Deċiżjoni 2010/372/UE għalhekk għandu jiġi emendat.

(5)

Għandu jiġi ċċarat ukoll li t-trasferimenti tal-kwota tal-kompożizzjoni bejn sustanzi u użi differenti huma wkoll possibbli fl-istess impriża.

(6)

Id-Deċiżjoni 2010/372/UE għandha għaldaqstant tiġi emendata skont dan.

(7)

Id-Deċiżjoni 2010/372/UE mhijiex limitata fiż-żmien u jista’ jkun xieraq li din tiġi riveduta, u b’mod partikolari l-Anness tagħha, fid-dawl ta’ żviluppi tekniċi fil-ġejjieni.

(8)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2009,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2010/372/UE hija emendata kif ġej:

1.

Fl-Artikolu 3, l-ewwel sentenza għandha tinbidel b’dan li ġej:

“Impriża tista’ tittrasferixxi lil impriża oħra elenkata fl-Anness, b’mod sħiħ jew parzjali, il-kwota tagħha għall-kompożizzjoni allokata għal installazzjoni eżistenti msemmija fl-Anness, irrispettivament mis-sustanza jew mill-użu li għalihom kienet allokata l-kwantità, jew tista’ tittrasferixxi fiha stess il-kwota tal-kompożizzjoni għal sustanza oħra u użu ieħor elenkati fl-Anness.”

2.

L-Anness tad-Deċiżjoni 2010/372/UE għandu jiġi sostitwit bl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil dawn l-impriżi:

Anwil SA

Ul. Toruńska 222,

87-805 Włocławek

IL-POLONJA

Arkema France S.A.

420, rue d’Estienne D’Orves

92705 Colombes Cedex

FRANZA

Bayer Material Science AG

CAS-PR-CKD, Gebäude B669,

41538 Dormhagen

IL-ĠERMANJA

CUF Químicos Industriais SA

Quinta da Indústria, Beduído

3860-680 Estarreja

IL-PORTUGALL

Potasse et Produits Chimiques SA

95 rue du General de Gaulle,

68802 Thann Cedex

FRANZA

Vencorex France

Etablissement du Pont-de-Claix

Plate-forme chimique

Rue Lavoisier

BP16

38801 Le Pont-de-Claix Cedex

FRANZA

Solvay Specialty Polymers Italy SpA

Viale Lombardia 20

20021 Bollate (MI)

L-ITALJA

Teijin Aramid BV

Oosterhorn 6,

9930 AD Delfzijl

IL-PAJJIŻI L-BAXXI

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Ottubru 2013.

Għall-Kummissjoni

Connie HEDEGAARD

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 286, 31.10.2009, p. 1.

(2)  ĠU L 169, 3.7.2010, p. 17.


ANNESS

[Dan l-Anness mhuwiex ippubblikat minħabba li fih informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali.]