10.1.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 5/3


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-9 ta’ Jannar 2014

dwar ir-rikonoxximent tal-“Iskema għad-Diżil Rinnovabbli HVO għall-Verifikazzjoni tal-Konformità mal-kriterji tas-sostenibbiltà tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli għall-bijokarburanti” biex tintwera l-konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà mogħtija fid-Direttivi 98/70/KE u 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(2014/6/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 18(6) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 1998 dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/12/KEE (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 7c(6) tagħha,

Wara li kkonsultat mal-Kumitat dwar is-Sostenibbiltà tal-Bijokarburanti u l-Bijolikwidi,

Billi:

(1)

Id-Direttivi 98/70/KE u 2009/28/KE jistipulaw il-kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijokarburanti. L-Artikoli 7b u 7c u tal-Anness IV tad-Direttiva 98/70/KE huma simili għall-Artikoli 17 u 18 tal-Anness V tad-Direttiva 2009/28/KE.

(2)

Meta l-bijofjuwils u l-bijolikwidi jkunu jridu jitqiesu għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 17(1)(a), (b) u (c) tad-Direttiva 2009/28/KE, l-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-operaturi ekonomiċi juru l-konformità tal-bijofjuwils u tal-bijolikwidi mal-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 17(2) sa (5) tad-Direttiva 2009/28/KE.

(3)

Meta operatur ekonomiku jagħti provi jew dejta miksuba skont skema volontarja li hija rrikonoxxuta mill-Kummissjoni, safejn ikun kopert b’dik id-deċiżjoni ta’ rikonoxximent, Stat Membru ma għandux jeżiġi li l-fornitur jipprovdi aktar evidenza ta’ konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà.

(4)

Fl-14 ta’ Awwissu 2013 tressqet quddiem il-Kummissjoni talba biex jiġi rikonoxxut li l-“Iskema għad-Diżil Rinnovabbli HVO għall-Verifikazzjoni tal-Konformità mal-kriterji tas-sostenibbiltà tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli għall-bijokarburanti” turi li konsenji ta’ bijokarburant jikkonformaw mal-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fid-Direttiva 98/70/KE u fid-Direttiva 2009/28. L-iskema tista’ tkopri l-bażijiet kollha li huma addattati għall-bijokarburant tat-tip HVO (Hydro-treated Vegetable Oil (fosthom iż-żejt tal-palm mhux raffinat, iż-żejt taż-żerriegħa tal-kolza, iż-żejt tas-sojja u x-xaħmijiet tal-annimali) u għandha ambitu dinji. L-iskema tkopri l-katina tal-provvista kollha mill-produzzjoni tal-materja prima sad-distribuzzjoni tal-bijokarburanti. Ladarba tiġi rrikonoxxuta, l-iskema għandha tkun disponibbli fil-pjattaforma ta’ trasparenza stabbilita skont id-Direttiva 2009/28/KE. Għandhom jitqiesu kwistjonijiet ta’ sensittività kummerċjali u dawn jistgħu jwasslu għal pubblikazzjoni parzjali biss tal-iskema.

(5)

Valutazzjoni tal-“Iskema għad-Diżil Rinnovabbli HVO għall-Verifikazzjoni tal-Konformità mal-kriterji tas-sostenibbiltà tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli għall-bijokarburanti” sabet li din tkopri b’mod adegwat il-kriterji tas-sostenibbiltà tad-Direttiva 98/70/KE u tad-Direttiva 2009/28/KE, u tapplika metodoloġija ta’ bilanċ tal-massa konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 7c(1) tad-Direttiva 98/70/KE u l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28/KE.

(6)

L-evalwazzjoni tal-“Iskema għad-Diżil Rinnovabbli HVO għall-Verifikazzjoni tal-Konformità mal-kriterji tas-sostenibbiltà tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli għall-bijokarburanti” sabet li din tilħaq standards adegwati ta’ affidabbiltà, trasparenza u awditjar indipendenti, u tikkonforma wkoll mar-rekwiżiti metodoloġiċi li jinsabu fl-Anness IV tad-Direttiva 98/70/KE u fl-Anness V tad-Direttiva 2009/28/KE.

(7)

“L-Iskema għad-Diżil Rinnovabbli HVO għall-Verifikazzjoni tal-Konformità mal-kriterji tas-sostenibbiltà tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli għall-bijokarburanti” ġiet ivvalutata bi tqabbil mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fiż-żmien tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni. F’każ li jkun hemm bidliet rilevanti fil-bażi legali, il-Kummissjoni se tivvaluta l-iskema biex tistabbilixxi jekk l-iskema tkunx għadha qed tkopri b’mod adegwat il-kriterji ta’ sostenibbiltà li għalihom hija rikonoxxuta.

(8)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sostenibbiltà tal-Bijokarburanti u l-Bijolikwidi,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

“L-Iskema għad-Diżil Rinnovabbli HVO għall-Verifikazzjoni tal-Konformità mal-kriterji tas-sostenibbiltà tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli għall-bijokarburanti” (minn hawn ‘il quddiem “l-Iskema”), li tressqet quddiem il-Kummissjoni għar-rikonoxximent fl-14 ta’ Awwissu 2013, turi li konsenji ta’ bijokarburanti jikkonformaw mal-kriterji tas-sostenibbiltà kif stipulati fl-Artikolu 17(3), (4) u (5) tad-Direttiva 2009/28/KE u fl-Artikolu 7b(3), (4) u (5) tad-Direttiva 98/70/KE.

L-iskema fiha wkoll dejta preċiża għall-finijiet tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2009/28/KE u tal-Artikolu 7b(2) tad-Direttiva 98/70/KE.

L-iskema tista’ tintuża biex tintwera l-konformità mal-Artikolu 7c(1) tad-Direttiva 98/70/KE u mal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28/KE.

Artikolu 2

Jekk isir xi tibdil fil-kontenut tal-iskema wara li tiġi adottata din id-Deċiżjoni b’tali mod li dan jista’ jaffettwa l-bażi ta’ din id-Deċiżjoni, it-tali tibdil għandu jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni minnufih. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta t-tibdil innotifikat bil-għan li tistabbilixxi jekk l-iskema tkunx għadha qed tkopri b’mod xieraq il-kriterji ta’ sostenibbiltà li għalihom tkun ġiet irrikonoxxuta jew le.

Il-Kummissjoni tista’ tirrevoka din id-Deċiżjoni jekk ikun intwera biċ-ċar li l-iskema ma tkunx implimentat elementi meqjusa bħala deċiżivi għal din id-Deċiżjoni u jekk ikun twettaq ksur serju u strutturali ta’ dawk l-elementi.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija valida għal perjodu ta’ ħames snin.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Jannar 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16.

(2)   ĠU L 350, 28.12.1998, p. 58.