9.1.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 4/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tas-16 ta' Diċembru 2013

dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles

(2014/5/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43, flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fil-5 ta’ Ottubru 2006, il-Kunsill approva l-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles (1) (il-“Ftehim”) permezz tar-Regolament (KE) Nru 1562/2006 (2).

(2)

L-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ġew stabbiliti fi Protokoll (3). Il-Protokoll l-aktar reċenti jiskadi fis-17 ta' Jannar 2014.

(3)

Il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja mar-Repubblika tas-Seychelles, f'isem l-Unjoni, Protokoll ġdid li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim (il-“Protokoll il-ġdid”).

(4)

Bħala riżultat ta' dawn in-negozjati, il-Protokoll il-ġdid ġie inizjalat fl-10 ta' Mejju 2013.

(5)

Sabiex tkun garantita l-kontinwazzjoni tal-attivitajiet tas-sajd mill-bastimenti tal-Unjoni, il-Protokoll il-ġdid għandu jkun applikat provviżorjament mit-18 ta’ Jannar 2014, sa meta jitlestew il-proċeduri għall-konklużjoni tiegħu.

(6)

Il-Protokoll il-ġdid għandu jiġi ffirmat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti mill-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-Sajd bejn l-Unjoni u r-Repubblika tas-Seychelles (il-“Protokoll”) huwa b'dan awtorizzat, suġġett għall-konklużjoni tal-Protokoll imsemmi.

It-test tal-Protokoll huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jaħtar il-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa sabiex jiffirmaw il-Protokoll f'isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Il-Protokoll għandu jiġi applikat fuq bażi provviżorja mit-18 ta’ Jannar 2014, sa meta jitlestew il-proċeduri għall-konklużjoni tiegħu.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

V. JUKNA


(1)  ĠU L 290, 20.10.2006, p. 2 (MT: ĠU L 200M, 1.8.2007, p. 63).

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) NRU 1562/2006 tal-5 ta’ Ottubru 2006 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles (ĠU L 290, 20.10.2006, p. 1).

(3)  ĠU L 345, 30.12.2010, p. 3.