15.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 407/1


OPINJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-14 ta’ Novembru 2014

fuq l-abbozz ta’ Regolament tal-Bank Ċentrali Ewropew dwar l-istatistika tas-swieq monetarji

2014/C 407/01

Introduzzjoni

Fit-8 ta’ Settembru 2014, il-Kummissjoni rċeviet talba mingħand il-Bank Ċentrali Ewropew (il-BĊE) għal opinjoni dwar abbozz ta’ Regolament ġdid dwar l-istatistika tas-swieq monetarji.

Il-Kummissjoni tilqa’ din it-talba u tagħraf li b’dan, il-BĊE qed jaġixxi f’konformità mal-obbligu tiegħu li jikkonsulta lill-Kummissjoni dwar abbozzi ta’ Regolamenti tal-BĊE kull meta jkollhom rabta mar-rekwiżiti statistiċi tal-Kummissjoni kif jistabbilixxi l-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar il-ġbir ta’ tagħrif statistiku mill-BĊE (1), ħalli tkun żgurata l-koerenza meħtieġa għall-produzzjoni ta’ statistika li tissodisfa r-rekwiżiti tal-informazzjoni rispettivi tal-BĊE u tal-Kummissjoni. Koperazzjoni tajba bejn il-BĊE u l-Kummissjoni hi ta’ ġid għaż-żewġ istituzzjonijiet u anki għall-utenti u r-rispondenti għax tippermetti produzzjoni aktar effiċjenti tal-istatistika Ewropea. Il-Kummissjoni tagħraf ukoll li f’dan ir-Regolament qed issir referenza espliċita għall-opinjoni tagħha,

Il-Kummissjoni tilqa’ l-inizjattiva tal-BĊE biex tinġabar id-dejta dwar is-swieq monetarji. Il-Kummissjoni tappoġġa kull sforz biex tiżdied it-trasparenza ta’ dawn is-swieq u tagħraf il-ħtieġa tad-dejta biex jissawru valuri referenzjali affidabbli u b’bażi soda f’konformità mal-linji gwida riċenti li ħarġet l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (IOSCO) u l-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE).

Il-merti tal-proposta huma ċari u sinifikattivi filwaqt li huma importanti għal għadd wiesa’ ta’ partijiet konċernati u għal bosta finijiet: analiżi tal-politika monetarja, it-tiswir ta’ valuri referenzjali tar-rati tal-interess, kompiti għas-superviżjoni tal-banek, analiżi tal-politika u t-trasparenza ta’ dawn is-swieq. Dawn ilkoll huma meħtieġa biex is-sistema finanzjarja taħdem sew.

Il-Kummissjoni tqis importanti li kull dejta li jiġbor il-BĊE dwar is-swieq monetarji b’dan ir-Regolament tkun disponibbli għal awtoritajiet rilevanti oħra tal-Unjoni biex iwettqu dmirijiethom.

Il-ġbir tad-dejta propost se jsir mingħand istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (MFIs). Il-Kummissjoni titħasseb li mhux kull unità fil-lista ta’ MFIs hi attiva fit-teħid tad-depożiti, u tisħaq li l-prinċipji tal-istatistika għandhom jiġu rrispettati.

Kummenti dwar il-proposta leġiżlattiva u tibdil propost fiha

Din l-inizjattiva teħtieġ ir-rappurtar ta’ varjetà ta’ tranżazzjonijiet tas-swieq monetarji bħalma huma l-istrumenti ta’ dejn mhux garantit, ċertu tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli għal żmien qasir (eż. ftehimiet ta’ riakkwist, akkwisti bil-patt ta’ rivendita) u derivati. B’hekk, permezz tar-rappurtar il-BĊE se jkun jista’ jwettaq il-kompitu tiegħu li jipproduċi dejta statistika komprensiva, dettaljata u armonizzata dwar is-swieq monetarji fiż-żona tal-euro.

Din l-inizjattiva għandha x’taqsam sew ma’ żewġ żviluppi leġiżlattivi ewlenin tal-UE:

Il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rappurtar u t-trasparenza ta’ tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli (SFT), COM(2014) 40 final tad-29.1.2014:

Ladarba jiġi adottat, ir-Regolament jeżiġi li l-UE kollha tirrapporta d-dettalji ta’ kull tranżazzjoni ta’ finanzjament tat-titoli li ssir fi ħdanha, inkluż ftehimiet ta’ riakkwist u akkwisti bil-patt ta’ rivendita għal żmien qasir, lil repożitorju tat-tranżazzjonijiet. Kull bank ċentrali fl-UE kif ukoll awtoritajiet kompetenti oħra se jkollhom aċċess għad-dejta kollha meħtieġa biex jerfgħu r-responsabbiltajiet tagħhom. Peress li r-rappurtar mistenni jidħol fis-seħħ wara l-2017, importanti li tiġi evitata duplikazzjoni tar-rekwiżiti tar-rappurtar fuq il-parteċipanti fis-suq.

Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-dejta dwar it-tranżazzjonijiet (2):

Daqstant ieħor hu fundamentali li tiġi evitata l-impożizzjoni ta’ rekwiżiti tar-rappurtar duplikati fuq il-parteċipanti fis-suq għal tranżazzjonijiet derivati. Għaldaqstant, l-inizjattiva tal-BĊE għandha tqis id-dejta diġà disponibbli fir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet u teżiġi biss elementi tad-dejta neqsin għall-ħtiġijiet tal-produzzjoni tal-istatistika.

Filwaqt li jitqies il-bżonn li jiġu evitati obbligi tar-rappurtar duplikati u li fil-futur se jidħol fis-seħħ ir-Regolament dwar ir-rappurtar u t-trasparenza ta’ tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli, ġie propost li l-Artikolu 11 jiġi emendat sabiex jispeċifika li wara l-ewwel reviżjoni inizjali, l-aġġornamenti għandhom ikunu aktar regolari minflok f’intervalli ta’ sentejn, meta jidħlu fis-seħħ rekwiżiti tar-rappurtar simili ġodda li timponi l-liġi tal-UE. Sabiex tiġi appoġġata din l-emenda, ġie propost bl-istess mod li tiddaħħal premessa ġdida li tispeċifika li, meta d-dettalji ta’ tranżazzjoni ta’ finanzjament tat-titoli jew kuntratt tad-derivati jkunu diġà ġew irrappurtati lil repożitorju tat-tranżazzjonijiet, u diment li l-BĊE ikollu aċċess effettiv għad-dettalji ta’ dawn it-tranżazzjonijiet, ir-rekwiżiti tar-rappurtar stabbiliti fir-Regolament tal-BĊE dwar l-istatistika tas-swieq monetarji jkunu meqjusa li ġew osservati.

Konklużjoni

Ġeneralment il-Kummissjoni tappoġġa l-abbozz tar-Regolament meta dan ikun jikkontribwixxi għall-ġbir ta’ statistika affidabbli tas-swieq finanzjarji fil-livell Ewropew, li jkollha importanza kbira għall-partijiet konċernati fosthom għall-Kummissjoni stess.

Madankollu l-Kummissjoni jidhrilha li l-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq għandhom jiġu indirizzati.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Novembru 2014.

Għall-Kummissjoni

Marianne THYSSEN

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 318, 27.11.1998, p. 8.

(2)  ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.