3.10.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 347/3


OPINJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-2 ta’ Ottubru 2014

rigward il-pjan għar-rimi tal-iskart radjuattiv li joriġina mill-Faċilità għall-Ħażna tal-Iskart Radjuattiv IRAW-CRAM li tinsab maġenb ir-Repożitorju Nazzjonali tal-Iskart Radjuattiv fis-Slovakkja

(It-test bis-Slovakk biss huwa awtentiku)

(2014/C 347/02)

Il-valutazzjoni ta’ hawn taħt qed titwettaq skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat tal-Euratom, mingħajr ħsara għal kwalunkwe valutazzjoni oħra li għandha titwettaq skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-obbligi li joħorġu minnu u mil-leġiżlazzjoni sekondarja (1).

Fl-24 ta’ Marzu 2014, il-Kummissjoni Ewropea rċeviet mingħand il-Gvern Slovakk, skont l-Artikolu 37 tat-Trattat tal-Euratom, Dejta Ġenerali dwar il-pjan għar-rimi ta’ skart radjuattiv li joriġina mill-Faċilità għall-Ħażna tal-Iskart Radjuattiv f’Mochovce IRAW-CRAM.

Abbażi ta’ din id-dejta u t-tagħrif addizzjonali mitlub mill-Kummissjoni fid-29 ta’ April 2014 u pprovdut mill-awtoritajiet Slovakki fil-5 ta’ Ġunju 2014, u wara konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Esperti, il-Kummissjoni fasslet l-opinjoni li ġejja:

1.

Id-distanza bejn il-faċilità għall-ħażna tal-iskart radjuattiv IRAW-CRAM u l-eqreb punt fi Stat Membru ieħor, f’dan il-każ l-Ungerija, hija ta’ madwar 40 km.

2.

Il-faċilità mhux se tkun soġġetta għal awtorizzazzjoni ta’ rilaxx fir-rigward ta’ effluwenti radjuattivi likwidi u gassużi. F’kundizzjonijiet ta’ operat normali mhux se jiġu rilaxxati effluwenti radjuattivi likwidi u gassużi u l-faċilità mhix mistennija tikkawża xi esponiment sinifikanti mil-lat ta’ saħħa għall-popolazzjoni ta’ xi Stat Membru ieħor.

3.

L-iskart radjuattiv solidu sekondarju se jiġi trasferit għal faċilitajiet ta’ trattament jew ta’ rimi liċenzjati fis-Slovakkja.

4.

Fil-każ ta’ rilaxxi mhux ippjanati ta’ effluwenti radjuattivi li jistgħu jirriżultaw minn xi aċċidenti tat-tip u tad-daqs ikkunsidrati fid-Dejta Ġenerali, id-doża li x’aktarx tilħaq lill-popolazzjoni fi Stat Membru ieħor mhux se tkun sinifikanti mil-lat ta’ saħħa.

B’konklużjoni, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-implimentazzjoni tal-pjan għar-rimi ta’ skart radjuattiv fi kwalunkwe għamla li joriġina mill-Faċilità għall-Ħażna tal-Iskart Radjuattiv IRAW-CRAM lokalizzata maġenb ir-Repożitorju Nazzjonali tal-Iskart Radjuattiv f’ Mochovce fis-Slovakkja, kemm matul iż-żmien tal-operat normali tiegħu kif ukoll fil-każ ta’ xi aċċidenti tat-tip u tad-daqs ikkunsidrati fid-Dejta Ġenerali, mhix mistennija twassal għal kontaminazzjoni radjuattiva sinifikanti mil-lat tal-kundizzjoni sanitarja tal-ilma, tal-ħamrija jew tal-ispazju tal-ajru ta’ xi Stat Membru ieħor.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Ottubru 2014.

Għall-Kummissjoni

Günther OETTINGER

Viċi President


(1)  Pereżempju, skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-aspetti ambjentali għandhom jiġu vvalutati aktar. B’mod indikattiv, il-Kummissjoni tixtieq tiġbed l-attenzjoni għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/92/UE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, id-Direttiva 2001/42/KE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent, kif ukoll id-Direttiva 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa u d-Direttiva 2000/60/KE li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma.