28.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 353/43


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1419/2013

tas-17 ta’ Diċembru 2013

dwar l-għarfien tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali, l-estensjoni tar-regoli tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali u l-pubblikazzjoni ta’ prezzijiet skattaturi kif stipulat fir-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 21, 27 u 32 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1379/2013 jistipula l-għarfien tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali, l-estensjoni tar-regoli tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali u l-iffissar tal-prezzijiet li jiskattaw il-mekkaniżmu tal-ħżin.

(2)

Jeħtieġ li jiġu speċifikati l-limiti taż-żmien, il-proċeduri u l-forma tal-applikazzjonijiet għall-għarfien u għall-irtirar tal-għarfien tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali, u l-format, l-limiti taż-żmien u l-proċeduri biex l-Istati Membri jgħarrfu lill-Kummissjoni bid-deċiżjonijiet tagħhom li jagħtu jew jirtiraw l-għarfien.

(3)

Jeħtieġ li jiġu speċifikati l-format u l-proċedura tan-notifika li l-Istati Membri jridu jibagħtu lill-Kummissjoni biex jgħarrfuha dwar ir-regoli tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali li beħsiebhom idaħħlu bħala regoli li jorbtu għall-organizzazzjonijiet kollha tal-produtturi jew għall-operaturi f’żona speċifika jew f’żoni speċifiċi.

(4)

Jeħtieġ li jiġi speċifikat il-format tal-pubblikazzjoni, min-naħa tal-Istati Membri, tal-prezzijiet skattaturi li l-organizzazzjonijiet tal-produtturi magħrufin fit-territorji tagħhom għandhom japplikaw.

(5)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Eżaminazzjoni tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“organizzazzjonijiet tal-produtturi” tfisser l-organizzazzjonijiet tal-produtturi fil-qasam tas-sajd u tal-akkwakultura u l-assoċjazzjonijiet tagħhom, stabbiliti skont l-Artikoli 6 u 9 tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013;

(b)

“organizzazzjonijiet interprofessjonali” tfisser organizzazzjonijiet tal-operaturi stabbiliti skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013.

Artikolu 2

Il-limiti taż-żmien, il-proċeduri u l-forma tal-applikazzjonijiet għall-għarfien tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali

1.   Fi żmien tliet xhur minn meta tasal applikazzjoni għall-għarfien skont l-Artikoli 14 u 16 tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma bil-miktub lill-organizzazzjoni tal-produtturi jew lill-organizzazzjoni interprofessjonali bid-deċiżjoni tiegħu. F’każ li l-għarfien jiġi miċħud, l-Istat Membru għandu jagħti r-raġunijiet għaċ-ċaħda.

2.   Il-forma tal-applikazzjonijiet għall-għarfien tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali għandha tkun hekk kif stabbilit fl-Anness I.

Artikolu 3

Il-limiti taż-żmien u l-proċedura għall-irtirar tal-għarfien tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali

Meta Stat Membru jkun beħsiebu jirtira l-għarfien ta’ organizzazzjoni tal-produtturi jew ta’ organizzazzjoni interprofessjonali skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013, għandu jinnotifika dan lill-organizzazzjoni kkonċernata flimkien mar-raġunijiet għall-irtirar. L-Istat Membru għandu jippermetti lill-organizzazzjoni tal-produtturi jew lill-organizzazzjoni interprofessjonali kkonċernata tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha fi żmien xahrejn.

Artikolu 4

Il-format, il-limiti taż-żmien u l-proċeduri għall-komunikazzjoni tad-deċiżjonijiet għall-għoti jew l-irtirar tal-għarfien

1.   Il-format tal-komunikazzjoni, min-naħa tal-Istati Membri, lill-Kummissjoni biex jgħarrfuha bid-deċiżjonijiet tagħhom li jagħtu jew li jirtiraw l-għarfien tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali skont l-Artikoli 14, 16 jew 18 tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013 għandu jkun hekk kif stabbilit fl-Anness II.

2.   L-Istati Membri għandhom jittrażmettu l-komunikazzjoni ta’ deċiżjoni msemmija fl-ewwel paragrafu fi żmien xahrejn mid-data ta’ dik id-deċiżjoni.

3.   Il-komunikazzjonijiet għandhom jiġu trażmessi fil-forma ta’ fajl XML wieħed għal kull komunikazzjoni. Il-fajl XML għandu jintbagħat lill-Kummissjoni bħala dokument mehmuż fll-indirizz tal-posta elettronika funzjonali li ġej: MARE-B2@ec.europa.eu bis-suġġett “Komunikazzjoni dwar l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew l-organizzazzjonijiet interprofessjonali”.

Artikolu 5

Il-format u l-proċedura tan-notifika mill-Istati Membri tar-regoli li beħsiebhom idaħħlu bħala regoli li jorbtu għall-produtturi jew l-operaturi kollha.

1.   Il-format tan-notifika li l-Istati Membri jridu jibagħtu lill-Kummissjoni biex jgħarrfuha dwar ir-regoli tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali li beħsiebhom idaħħlu bħala regoli li jorbtu għall-produtturi jew l-operaturi kollha f’żona speċifika jew f’żoni speċifiċi, kif stipulat fl-Artikoli 22 u 23 tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013, għandu jkun kif stabbilit fl-Anness III.

2.   L-Istati Membri għandhom jibagħtu notifika lill-Kummissjoni mill-inqas xahrejn qabel id-data prevista għad-dħul fis-seħħ tal-estensjoni tar-regoli.

3.   Kull modifika prevista tar-regoli li ddaħħlu bħala regoli li jorbtu għall-produtturi jew l-operaturi kollha għandhom jiġu nnotifikati f’konformità mal-paragrafi 1 u 2.

Artikolu 6

Il-format tal-pubblikazzjoni tal-prezzijiet skattaturi

Il-format tal-pubblikazzjoni, min-naħa tal-Istati Membri, tal-prezzijiet skattaturi msemmija fl-Artikolu 31(4) tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013 għandu jkun kif stabbilit fl-Anness IV ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  Ara paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.


ANNESS I

FORMA TAL-APPLIKAZZJONIJIET GĦALL-GĦARFIEN

L-informazzjoni li għandha tiddaħħal fl-applikazzjonijiet għall-għarfien tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali:

(a)

l-istatut tal-organizzazzjoni tal-produtturi jew tal-organizzazzjoni interprofessjonali;

(b)

ir-regoli tal-funzjonament intern skont il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013;

(c)

l-ismijiet tal-persuni li għandhom is-setgħa jaġixxu għall-organizzazzjoni tal-produtturi jew l-organizzazzjoni interprofessjonali jew f’isimha;

(d)

evidenza li l-organizzazzjoni tal-produtturi jew l-organizzazzjoni interprofessjonali tikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 14(1) u 16(1) tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013, rispettivament;

(e)

dettalji dwar l-attivitajiet imwettqin mill-organizzazzjoni tal-produtturi jew mill-organizzazzjoni interprofessjonali, fosthom il-qasam ta’ attività u l-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura li għalihom qed jintalab l-għarfien.


ANNESS II

FORMAT TAL-KOMUNIKAZZJONI TAD-DEĊIŻJONIJIET GĦALL-GĦOTI JEW L-IRTIRAR TAL-GĦARFIEN

L-informazzjoni li għandha tiddaħħal fil-komunikazzjoni, min-naħa tal-Istati Membri, lill-Kummissjoni biex jgħarrfuha bid-deċiżjonijiet tagħhom li jagħtu jew li jirtiraw l-għarfien:

Isem iż-żona

Isem l-element (1)

Numru massimu ta’ karattri

Definizzjoni u kummenti

Stat Membru

SM

3

L-Istat Membru li qiegħed jikkomunika d-deċiżjoni li jagħti jew li jirtira l-għafien (il-kodiċi alfa-3 tal-ISO tiegħu)

Tip ta’ organizzazzjoni

TO

3

PO: organizzazzjoni tal-produtturi; APO: assoċjazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi; IBO: organizzazzjoni interprofessjonali

Numru ta’ reġistrazzjoni

RN

In-numru li bih ġiet irreġistrata l-organizzazzjoni

Isem l-organizzazzjoni

NO

Isem il-PO, l-APO jew l-IBO li bih ġiet irreġistrata l-organizzazzjoni

Kuntatt

CO

100

Test liberu. L-indirizz għandu jkun ċar biżżejjed biex l-organizzazzjoni tkun tista’ tiġi kkuntattjata: indirizz postali, numru tat-telefown u tal-faks, indirizz tal-posta elettronika, sit tal-Internet.

Il-qasam ta’ attività

AA

N tfisser nazzjonali T tfisser transnazzjonali (indika l-Istati Membri l-oħra kkonċernati bil-kodiċi alfa-3 tal-ISO tagħhom)

Qasam ta’ kompetenza

AC

100

Ippreċiża qasam wieħed jew iktar minn fost dawk li ġejjin:

 

għall-POs l-akkwakultura marina, l-akkwakultura tal-ilma ħelu, is-sajd mal-kosta inkluż is-sajd fuq skala żgħira, is-sajd fl-ibħra miftuħa u s-sajd fuq distanzi twal, qasam ieħor (speċifika);

 

għall-IBOs: il-produzzjoni (tas-sajd jew l-akkwakultura), l-ipproċessar, il-kummerċjalizzazzjoni, qasam ieħor (speċifika)

Data tal-għarfien

DR

10

ssss-xx-jj

Data tal-irtirar tal-għarfien

DW

10

ssss-xx-jj fejn rilevanti


(1)  Dawn l-elementi għandhom jitqiegħdu ġol-element tal-għerq imsejjaħ “ORG”. L-ispazju tal-isem għandu jkun: urn:xeu:mare:grant-withdrawal-recognition-organisation:v1


ANNESS III

FORMAT TAN-NOTIFIKA TAL-ESTENSJONI TAR-REGOLI

L-informazzjoni li għandha tiddaħħal fin-notifika li l-Istati Membri jridu jibagħtu lill-Kummissjoni biex jgħarrfuha dwar ir-regoli li beħsiebhom jestendu:

(a)

l-isem u l-indirizz postali tal-organizzazzjoni tal-produtturi jew tal-organizzazzjoni interprofessjonali kkonċernata;

(b)

l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jintwera li l-organizzazzjoni tal-produtturi jew l-organizzazzjoni interprofessjonali hija rappreżentattiva skont l-Artikoli 22(2), 22(3) u 23(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013 rispettivament;

(c)

ir-regoli li għandhom jiġu estiżi;

(d)

il-ġustifikazzjoni għall-estensjoni tar-regoli, appoġġata minn dejta xierqa u minn informazzjoni rilevanti oħra;

(e)

il-qasam jew l-oqsma li fihom hemm il-ħsieb li r-regoli jiddaħħlu bħala regoli li jorbtu;

(f)

il-perjodu tal-applikazzjoni tal-estensjoni tar-regoli;

(g)

id-data tad-dħul fis-seħħ.


ANNESS IV

FORMAT TAL-PUBBLIKAZZJONI TAL-PREZZIJIET SKATTATURI

L-informazzjoni li għandha tiddaħħal fil-pubblikazzjoni, min-naħa tal-Istati Membri, tal-prezzijiet skattaturi li għandhom jiġu applikati fit-territorji tagħhom:

(a)

il-perjodu tal-applikazzjoni tal-prezzijiet skattaturi;

(b)

l-Istat Membru kkonċernat;

(c)

fejn xieraq, l-isem tar-reġjun jew tar-reġjuni fejn japplikaw il-prezzijiet skattaturi, segwit mill-kodiċi tan-NUTS tagħhom f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1);

(d)

isem il-prodotti tas-sajd li huma soġġetti għall-iffissar tal-prezzijiet skattaturi, flimkien mal-kodiċi alfa-3 tal-FAO ta’ kull speċi;

(e)

għal kull speċi, il-prezz skattatur li japplika skont il-piż;

(f)

il-munita użata.


(1)  Ir-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003 dwar l-istabbiliment ta’ klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS) (ĠU L 154, 21.6.2003, p. 1).