21.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 349/26


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 1390/2013

tas-16 ta’ Diċembru 2013

dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u l-Unjoni tal-Komoros li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd fis-seħħ bejn iż-żewġ Partijiet

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 43(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fil-5 ta’ Ottubru 2006, il-Kunsill approva l-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u l-Unjoni tal-Komoros (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-“Ftehim ta’ Sħubija”) permezz tad-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1563/2006 (1).

(2)

L-Unjoni Ewropea nnegozjat protokoll ġdid għall-Ftehim ta’ Sħubija mal-Unjoni tal-Komoros li jagħti opportunitajiet tas-sajd lill-bastimenti tal-Unjoni Ewropea fl-ilmijiet tal-Komoros. Wara n-negozjati, ġie inizjalat Protokoll ġdid fil-5 ta’ Lulju 2013.

(3)

Fis-16 ta’ Diċembru 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni Nru 2013/786/UE (2) dwar l-iffirmar tal-Protokoll il-ġdid u l-applikazzjoni provviżorja tiegħu.

(4)

Huwa xieraq li ssir distribuzzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri għall-perjodu ta’ applikazzjoni tal-Protokoll il-ġdid.

(5)

F'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 (3), jekk jidher li l-opportunitajiet tas-sajd allokati lill-Unjoni Ewropea skont il-Protokoll il-ġdid ma jkunux qed jintużaw għal kollox, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri kkonċernati dwar dan. F’każ li ma tintbagħatx risposta qabel jiskadi limitu ta' żmien li għandu jiġi ffissat mill-Kunsill, dan għandu jitqies bħala konferma li l-bastimenti tal-Istat Membru kkonċernat mhux qed jagħmlu użu sħiħ mill-opportunitajiet tagħhom tas-sajd matul il-perjodu kkunsidrat. Huwa xieraq li din l-iskadenza tiġi stabbilita.

(6)

Sabiex jiġi żgurat li l-bastimenti tal-Unjoni Ewropea jkunu jistgħu jkomplu għaddejjin bl-attivitajiet tas-sajd tagħhom, il-Protokoll il-ġdid jipprevedi l-possibbiltà li huwa jiġi applikat b’mod provviżorju minn kull Parti sa mill-1 ta' Jannar 2014. Għaldaqstant, huwa xieraq li dan ir-Regolament japplika mill-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll il-ġdid.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-opportunitajiet ta' sajd stabbiliti mill-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u l-Unjoni tal-Komoros li jistabbilixxi l-opportunitajiet ta' sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti mill-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-sajd fis-seħħ bejn iż-żewġ partijiet (minn issa ’l quddiem imsejjaħ “il-Protokoll”) għandhom jitqassmu fost l-Istati Membri kif ġej:

(a)

42 bastiment tas-sajd għat-tonn bit-tartarun:

Spanja: 21 bastiment

Franza: 21 bastiment

(b)

20 bastiment tas-sajd bil-konzijiet tal-wiċċ:

Spanja: 8 bastimenti

Franza: 9 bastimenti

Il-Portugall: 3 bastimenti

2.   Ir-Regolament (KE) Nru 1006/2008 għandu japplika mingħajr preġudizzju għall-Ftehim ta' Sħubija.

3.   L-iskadenza sa meta l-Istati Membri għandhom jikkonfermaw li mhumiex qed jużaw għal kollox l-opportunitajiet tas-sajd li jkunu ngħatawlhom skont il-Ftehim ta' Sħubija, kif imsemmi fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1006/2008, għandha tkun ta' għaxart ijiem tax-xogħol minn meta l-Kummissjoni tgħarrafhom li l-opportunitajiet tas-sajd mhumiex qed jintużaw għal kollox.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

V. JUKNA


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1563/2006 tal-5 ta’ Ottubru 2006 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u l-Unjoni tal-Komoros (ĠU L 290, 20.10.2006, p. 6).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/786/UE tas-16 ta’ Diċembru 2013 dwar il-firma, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u l-Unjoni tal-Komoros li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-Sajd fis-seħħ bejn iż-żewġ Partijiet (Ara paġna 4 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità barra mill-ilmijiet tal-Komunità u l-aċċess ta' bastimenti ta' pajjiżi terzi għall-ilmijiet tal-Komunità, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93 u (KE) Nru 1627/94 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 3317/94 (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 33).