|
21.12.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 349/24 |
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 1389/2013
tas-16 ta’ Diċembru 2013
li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1258/2012 tat-28 ta’ Novembru 2012 dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll miftiehem bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Madagaskar li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-sajd fis-seħħ bejn iż-żewġ Partijiet
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Fil-15 ta’ Novembru 2007, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 31/2008 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Madagaskar (1) (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim ta’ Sħubija”). |
|
(2) |
Mill-1 ta’ Jannar 2013 huwa applikabbli provviżorjament Protokoll ġdid li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Protokoll il-ġdid”). Il-Protokoll il-ġdid jagħti opportunitajiet tas-sajd lill-bastimenti tal-Unjoni fl-ilmijiet li jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tal-Madagaskar fir-rigward tas-sajd. L-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd lill-Unjoni skont il-Protokoll il-ġdid ġiet stabbilita mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1258/2012 (2). |
|
(3) |
Fis-26 ta' Settembru 2012, il-Kumitat Konġunt, previst fil-Ftehim ta' Sħubija, evalwa l-kwistjoni tal-klieb il-baħar li jinqabdu flimkien mas-sajd immaniġġat mill-Kummissjoni għat-Tonn tal-Oċean Indjan (IOTC) u li huma s-suġġett tar-Riżoluzzjoni 05/05 tal-IOTC u li s-sajd tagħhom huwa awtorizzat fil-qafas tal-Ftehim ta' Sħubija. Din ikkonkludiet, abbażi tar-reġistrazzjonijiet tal-qabdiet, għall-perjodu mill-2007 sal-2011, tal-bastimenti tas-sajd bil-konzijiet tal-wiċċ awtorizzati li jistadu fil-qafas tal-Protokoll preċedenti tal-Ftehim ta' Sħubija, kif validati mill-istituti xjentifiċi kkonċernati, li jkun xieraq li l-qabdiet tal-klieb il-baħar minn dawn il-bastimenti jkunu limitati għal massimu ta' 200 tunnellata kull sena mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2014, u b'hekk iffriżaw il-pressjoni tas-sajd fuq l-istokkijiet tal-klieb il-baħar f'konformità mar-rakkomandazzjoni maħruġa mill-Kumitat Xjentifiku tal-IOTC. |
|
(4) |
Fid-dawl tad-diskussjonijiet li saru fi ħdan il-Kumitat Konġunt, huwa meħtieġ li jiġu limitati l-qabdiet tal-klieb il-baħar u li ssir allokazjoni ta' dawk il-qabdiet fost l-Istati Membri għall-perjodu tal-applikazzjoni tal-Protokoll il-ġdid. Ir-Regolament (UE) Nru 1258/2012 għandu għalhekk jiġi emendat. |
|
(5) |
Taħt l-Artikolu 20(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 (3), l-Istati Membri li l-bastimenti tagħhom huma awtorizzati jistadu fil-qafas tar-Regolament (UE) Nru 1258/2012 jistgħu jiskambjaw l-opportunitajiet tas-sajd, kollha jew parzjalment, allokati lilhom fir-rigward tal-klieb il-baħar. |
|
(6) |
Jeħtieġ li dan ir-Regolament japplika mill-1 ta' Jannar 2014 'il quddiem, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. Mal-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 1258/2012 għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:
“1a. L-opportunitajiet tas-sajd għall-klieb il-baħar li jinqabdu flimkien mas-sajd ġestit mill-Kummissjoni għat-Tonn tal-Oċean Indjan (l-IOTC) bil-konzijiet tal-wiċċ huma b'dan iffissati għal 200 tunnellata kull sena. Dan it-tunnellaġġ huwa allokat fost l-Istati Membri kif ġej:
|
Stat Membru |
Tunnellati |
|
Spanja |
166 |
|
Portugall |
27 |
|
Franza |
7 |
|
Renju Unit |
0 |
|
Ammont totali |
200 ” |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Diċembru 2013.
Għall-Kunsill
Il-President
V. JUKNA
(1) ĠU L 331, 17.12.2007, p. 7.
(2) Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1258/2012 tat-28 ta’ Novembru 2012 dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll miftiehem bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Madagaskar li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-sajd fis-seħħ bejn iż-żewġ partijiet (ĠU L 361, 31.12.2012, p. 85).
(3) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 tal-20 ta' Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd (ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59).