17.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 338/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 1342/2013

tat-12 ta’ Diċembru 2013

li jirrevoka l-miżuri anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti ħbula jew kejbils tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw fil-Federazzjoni Russa wara reviżjoni ta’ skadenza taħt l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikoli 9(2) u 11(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni Ewropea wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   PROĊEDURA

1.   Il-miżuri fis-seħħ

(1)

Permezz tar-Regolament (KE) Nru 1601/2001 (2) il-Kunsill impona dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti ħbula u kejbils tal-ħadid jew tal-azzar (SWR) li joriġinaw fil-Federazzjoni Russa, it-Turkija, it-Tajlandja, u r-Repubblika Ċeka. Dawk il-miżuri minn hawn ‘il quddiem se jissejħu ‘l-miżuri orġinali’ u l-investigazzjoni li wasslet biex jidħlu dawk il-miżuri minn hawn ‘il quddiem se tissejjaħ ‘l-investigazzjoni oriġinali’.

(2)

Il-Kummissjoni kienet aċċettat f’Awwissu tal-2001 offerta ta’ impenn għall-prezz minn produttur Russu (JSC Severstal-Metiz). Dak il-ftehim ta’ impenn ġie rrevokat f’Ottubru tal-2007 (3) minħabba li kien meqjus bħala mhux fattibbli minħabba diffikultajiet fil-klassifikazzjoni dovuta tan-numru kbir ta’ tipi ta’ prodotti esportati mill-kumpanija.

(3)

Permezz tar-Regolament (KE) Nru 1279/2007 (4) il-Kunsill, wara reviżjoni interim parzjali u tal-iskadenza, żamm il-miżuri oriġinali għall-Federazzjoni Russa taħt l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku. Minn hawn ‘il quddiem se ssir referenza għal dawn il-miżuri bħala “il-miżuri fis-seħħ” u l-investigazzjoni tar-reviżjoni tal-iskadenza minn hawn ‘il quddiem se ssir referenza għaliha bħala ‘l-aħħar investigazzjoni’. Ir-Regolament (KE) Nru 1279/2007 ittermina l-miżuri li jirrigwardaw l-importazzjonijiet ta’ ħbula u kejbils tal-azzar li joriġinaw fit-Turkija u t-Tajlandja.

(4)

Bħalissa (5), hemm ukoll miżuri fis-seħħ kontra SWR mill-Ukraina u r-Repubblika Popolari taċ-Ċina, li ġew estiżi għal importazzjonijiet ta’ SWR konsenjati mill-Marokk, il-Moldova u r-Repubblika tal-Korea.

2.   Talba għal reviżjoni

(5)

Fit-27 ta’ Ottubru 2012, permezz ta’ avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni ħabbret il-bidu ta’ reviżjoni ta’ skadenza (“notifika ta’ bidu”) (6) tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ SWR li joriġinaw mill-Federazzjoni Russa skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

(6)

Ir-reviżjoni nbdiet wara talba sostanzjata mressqa mill-Kumitat ta’ Kollegament tal-Industriji tal-Kejbils tal-Metall tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ l-“EWRIS” jew “ir-rikorrent”) f’isem il-produtturi tal-Unjoni li jirrappreżentaw aktar minn 50 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ ċerti ħbula u kejbils tal-ħadid jew tal-azzar. It-talba kienet ibbażata fuq ir-raġunijiet li l-iskadenza tal-miżuri aktarx twassal biex ikun hemm kontinwazzjoni ta’ dumping kif ukoll rikorrenza ta’ ħsara għall-Industrija tal-Unjoni (“UI”).

3.   L-investigazzjoni

3.1.    Perjodu tal-investigazzjoni ta’ reviżjoni u l-perjodu kkunsidrat

(7)

L-investigazzjoni tat-tkomplija jew ir-rikorrenza ta’ dumping u ħsara kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2011 sat-30 ta’ Settembru 2012 (il-“PIR”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni ta’ probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dannu kopra l-perjodu mill- 1 ta’ Jannar 2009 sa tmiem l-PIR (il-perjodu kkunsidrat).

3.2.    Il-partijiet ikkonċernati mill-proċedimenti

(8)

Il-Kummissjoni uffiċjalment avżat lill-produtturi esportaturi, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-utenti li tagħaraf hi kif ukoll l-applikant u l-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jagħmlu l-fehmiet tagħhom magħrufa bil-miktub u li jitolbu smigħ fil-limitu taż-żmien stabbilit fin-notifika tal-bidu.

(9)

Fid-dawl ta’ numru potenzjalmentkbir ta’ produtturi fil-Federazzjoni Russa involuti fl-investigazzjoni, fil-fidu kien previst teħid ta’ kampjuni fin-notifika ta’ bidu, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk it-teħid ta’ kampjuni jkunx tassew meħtieġ u, jekk iva, tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi mill-Federazzjoni Russa intalbu jippreżentaw ruħhom fi żmien 15-il jum mill-bidu tal-proċediment u jipprovdu l-informazzjoni mitluba fin-notifika ta’ bidu lill-Kummissjoni.

(10)

Minħabba li kien hemm biss żewġ produtturi esportaturi fil-Federazzjoni Russa li pprovdew l-informazzjoni mitluba fl-avviż ta’ bidu u esprimew ir-rieda tagħhom li jikkooperaw aktar mal-Kummissjoni, ġie deċiż li t-teħid ta’ kampjuni ma jiġix applikat għall-produtturi esportaturi.

(11)

Il-Kummissjoni, fin-notifika ta’ bidu ħabbret li hi kienet provviżorjament għażlet kampjun ta’ produtturi mill-Unjoni u stiednet lill-partijiet interessati biex jikkummentaw dwaru sa skadenza prevista fin-notifika ta’ bidu. Il-kampjun provviżorju kien jikkonsisti minn ħames produtturi tal-Unjoni li nstabu li kienu jirrappreżentaw lill-industrija tal-Unjoni f’termini ta’ volum tal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott simili fl-Unjoni.

(12)

Fin-nuqqas ta’ kummenti, ġew magħżula l-kumpaniji proposti biex ikunu inklużi fil-kampjun finali u l-partijiet interessati kienu għalhekk infurmati. Madanakollu, waħda mill-kumpaniji finalment magħżula, sussegwentement irtirat mill-kampjun. Il-Kummissjoni għalhekk iddeċidiet li tnaqqas il-kampjun għall-erba’ kumpaniji li kien baqa’, li nstab li xorta kienu jirrappreżentaw lill-industrija tal-Unjoni f’termini ta’ volum tal-produzzjoni (29,3 %) u l-bejgħ (20,9 %) tal-prodott simili fl-Unjoni.

(13)

Għalkemm it-teħid ta’ kampjuni kien previst fin-notifika ta’ bidu ta’ importaturi mhux relatati, ma ppreżentaw ruħhom la xi importaturi mhux relatati u lanqas xi utent. Għalhekk, it-teħid tal-kampjuni ma ġiex applikat għal importaturi mhux relatati.

(14)

Intbagħtu kwestjonarji lill-erba’ produtturi tal-Unjoni li ntgħażlu fil-kampjun, iż-żewġ produtturi esportaturi fil-Federazzjoni Russa, u l-importatur relatat.

3.3.    Tweġibiet għall-kwestjonarju

(15)

It-tweġibiet għall-kwestjonarji waslu mingħand l-erba’ produtturi tal-Unjoni fil-kampjun, minn importatur relatat u minn produttur esportatur wieħed mill-Federazzjoni Russa.

(16)

Għalkemm oriġinarjament kienu ppreżentaw ruħhom żewġ produtturi esportaturi mill-Federazzjoni Russa, wieħed minnhom biss ipprovda tweġiba għall-kwestjonarju u hu meqjus li kkoopera fl-investigazzjoni. Il-produttur esportatur li kkoopera għandu kumpanija sussidjarja posseduta kollha bbażata fl-Italja, li tipproduċi wkoll l-SWR u timporta l-prodott ikkonċernat mill-Federazzjoni Russa. Il-produttur esportatur l-ieħor ipprovda sottomissjoni waqt il-bidu tal-investigazzjoni u għalkemm ġie mistieden jimla l-kwestjonarju, naqas milli jagħmel dan. Għalhekk huwa meqjus li t-tieni produttur esportatur ma kkooperax fl-investigazzjoni.

3.4.    Żjarat ta’ verifika

(17)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li qieset bħala meħtieġa għall-iskop li tiddetermina l-probabbiltà tal-kontinwazzjoni jew tar-rikorrenza tad-dumping u l-ħsara li tirriżulta u tal-interess tal-Unjoni. Saru żjariet ta’ verifika fil-bini tal-kumpaniji li ġejjin:

(a)

Produtturi tal-Unjoni:

CASAR Drahtseilwerk Saar GmbH, il-Ġermanja,

BRIDON International Ltd. ir-Renju Unit,

TEUFELBERGER Seil GmbH, l-Awstrija,

Manuel Rodrigues de OLIVEIRA Sá & Filhos, S.A., il-Portugal;

(b)

Produttur esportatur fil-Federazzjoni Russa:

JSC SEVERSTAL-Metiz, Cherepovets;

(c)

Importatur relatat:

REDAELLI Tecna SpA, l-Italja.

B.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI

1.   Il-prodott ikkonċernat

(18)

Il-prodott ikkonċernat huwa l-istess bħal dak fl-investigazzjoni oriġinali u fl-aħħar investigazzjoni li wasslet għall-impożizzjoni ta’ miżuri attwalment fis-seħħ, jiġifieri ħbula u kejbils tal-azzar, li jinkludu l-ħbula koljaturi maqfulin, esklużi ħbula u kejbils tal-ħadid u l-azzar li ma jissaddadx, b’dimensjoni massima ta’ wisa’ li taqbeż it-3 mm, bil-fittings magħhom jew mingħajrhom (fit-terminoloġija tal-industrija dawn issir referenza għalihom bħala “SWR”), attwalment klassifikabbli taħt il-kodiċijiet NM ex 7312 10 81, ex 7312 10 83, ex 7312 10 85, ex 7312 10 89 u ex 7312 10 98 (il-“prodott ikkonċernat”).

2.   Il-prodott simili

(19)

L-investigazzjoni attwali tar-reviżjoni ta’ skadenza kkonfermat illi l-SWR maħduma fil-Federazzjoni Russa u esportata lejn l-Unjoni, u l-SWR maħduma u mibjugħa fl-Unjoni mill-produtturi tal-Unjoni, għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u tekniċi bażiċi u użu finali u għalhekk jitqiesu bħala prodotti simili fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

C.   PROBABBILTÀ TA’ KONTINWAZZJONI JEW RIKORRENZA TAD-DUMPING

1.   Il-kummenti preliminari

(20)

Skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat jekk id-dumping kienx qed isseħħ fil-preżent u jekk l-iskadenza tal-miżuri kellhiex il-probabbiltà li twassal għall-kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping.

(21)

Kif spjegat hawn fuq fil-premessa (10), ma kienx hemm bżonn li jintgħażel kampjun ta’ produtturi esportaturi fil-Federazzjoni Russa. Il-produttur esportatur li kkoopera kien responsabbli għal 99 % tal-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mill-Federazzjoni Russa lejn l-Unjoni matul il-PIR. Fuq din il-bażi, kien konkluż li l-kooperazzjoni kienet għolja.

(22)

Ladarba żewġ produtturi magħrufa oħra fil-Federazzjoni Russa ma kkooperawx fl-investigazzjoni, il-konklużjonijiet dwar il-probabbiltà ta’ tkomplija jew rikorrenza ta’ dumping stabbiliti hawn taħt kellhom ikunu bbażati fuq l-aħjar fatti disponibbli inklużi d-dejta tal-Eurostat, l-istatistika uffiċjali Russa u d-dejta limitata miksuba mit-tieni produttur.

2.   Dumping ta’ importazzjonijiet matul il-PIR

(23)

Skont it-talba għal reviżjoni, l-esportazzjonijiet mill-Federazzjoni Russa lejn l-Unjoni kienu allegatament iddampjati f’marġni medju ta’ 130,8 %. Kif issemma fin-notifika ta’ bidu (paragrafu 4.1), l-applikant qabbel il-prezzijiet tal-esportazzjoni mill-Federazzjoni Russa lejn l-Unjoni (fil-livell ex-works) mal-prezzijiet domestiċi fil-Federazzjoni Russa.

2.1.    Valur normali

(24)

Skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, għal kull produttur esportatur Indjan fil-kampjun l-ewwel ġie stabbilit jekk il-bejgħ domestiku totali mill-produttur esportatur li kkoopera, lil klijenti indipendenti fis-suq domestiku Russu kienx rappreżentattiv, jiġifieri jekk il-volum totali ta’ dan il-bejgħ kienx ugwali għal mill-anqas 5 % tal-volum totali tal-bejgħ korrispondenti għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Il-bejgħ domestiku tal-prodott simili mill-produttur esportatur li kkoopera nstab li kien rappreżentattiv b’mod ġenerali.

(25)

Sussegwentement, il-Kummissjoni identifikat dawk it-tipi tal-prodott simili mibjugħa domestikament mill-produttur esportatur li kienu identiċi jew komparabbli direttament mat-tipi mibjugħa għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

(26)

Ġie eżaminat ukoll jekk il-bejgħ domestiku tal-produttur esportatur li qed jikkopera kienx rappreżentattiv għal kull tip ta’ prodott, jiġifieri jekk il-bejgħ domestiku ta’ kull tip ta’ prodott kienx jikkostitwixxi mill-anqas 5 % tal-volum tal-bejgħ tal-istess tip ta’ prodott lill-Unjoni. Fil-każ tat-tipi ta’ prodotti mibjugħa fi kwantitajiet rappreżentattivi, imbagħad ġie eżaminat jekk dan il-bejgħ sarx fl-andament normali tal-kummerċ (“ANTK”), skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku.

(27)

L-eżami ta’ jekk il-bejgħ domestiku ta’ kull tip ta’ prodott, mibjugħ domestikament fi kwantitajiet rappreżentattivi, jistax jitqies bħala li sar fl-ANTK, saret billi ġie stabbilit il-proporzjon tal-bejgħ profittabbli lil klijenti indipendenti tat-tip ikkonċernat. Fil-każijiet kollha fejn il-bejgħ domestiku tat-tip ta’ prodott partikolari sar fi kwantitajiet suffiċjenti u fl-ANTK, il-valur normali ġie bbażat fuq il-prezz domestiku effettiv, ikkalkulat bħala medja differenzjata tal-bejgħ domestiku kollu ta’ dak it-tip li sar matul il-PIR.

(28)

Għat-tipi ta’ prodott li jifdal fejn il-bejgħ domestiku ma kienx rappreżentattiv jew ma nbiegħx fl-ANTK, il-valur normali nħadem skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku. Il-valur normali nħadem biż-żieda mal-ispejjeż tal-manifatturazzjoni tat-tipi esportati, fejn hemm bżonn aġġustati, ta’ perċentwal raġonevoli għall-ispejjeż tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi u marġni raġonevoli għall-qligħ, abbażi tad-dejta reali tal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott simili fl-ANTK, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(6) tar-Regolament bażiku.

2.2.    Prezz tal-esportazzjoni

(29)

Għall-bejgħ ta’ esportazzjoni tal-produttur esportatur Russu li qed jikkopera lejn is-suq tal-Unjoni li sar direttament lil klijenti indipendenti, il-prezz tal-esportazzjoni ġie stabbilit fuq il-bażi tal-prezzijiet imħallsa attwalment jew pagabbli għall-prodott ikkonċernat skont l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku.

(30)

Għat-tranżazzjoni tal-esportazzjoni fejn l-esportazzjoni lejn l-Unjoni saret permezz ta’ kumpanija tan-negozju, il-prezz tal-esportazzjoni ġie stabbilit fuq il-bażi tal-ewwel prezz tal-bejgħ mill-ġdid tan-negozjant relatat lil klijenti indipendenti fl-Unjoni, skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. Saru aġġustamenti biex jitqiesu l-kostijiet kollha mġarrba bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid, u għall-profitt, biex jiġi stabbilit prezz ta’ esportazzjoni afidabbli. Fl-assenza ta’ informazzjoni minn importaturi indipendenti dwar il-livell ta’ profitti akkumulati matul il-PIR, intuża marġini ta’ profit medju ta’ 5 %.

2.3.    Tqabbil

(31)

Il-paragun bejn il-valur normali medju differenzjat u l-prezz medju differenzjat tal-esportazzjoni sar fuq il-bażi ta’ kif joħroġ mill-fabbrika u fl-istess livell ta’ kummerċ.

(32)

Sabiex jiġi żgurat tqabbil ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, tqiesu differenzi fil-fatturi li kienu ppruvati li jaffetwaw il-prezzijiet u t-tqabbil tal-prezzijiet. Għan dan l-għan, ingħatat konċessjoni xierqa f’forma ta’ aġġustamenti għad-differenzi fl-ispejjeż tat-trasport, l-assigurazzjoni, l-immaniġġar, it-tagħbija u l-ispejjeż anċillari, l-ispejjeż finanzjarji, l-ispejjeż tal-ippakkjar, il-kummissjonijiet u r-rifużjonijiet fejn applikabbli u ġġustifikat.

2.4.    Marġini ta’ dumping

(33)

Kif stipulat fl-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, il-valur normali medju differenzjat skont it-tip tqabbel mal-prezz tal-esportazzjoni medju differenzjat tat-tip korrispondenti tal-prodott ikkonċernat. Dan it-tqabbil wera l-eżistenza ta’ dumping li kien jammonta għal 4,7 % għall-produttur esportatur.

3.   Żviluppi tal-importazzjonijiet jekk il-miżuri jiġu revokati

3.1.    Il-kummenti preliminari

(34)

Minbarra l-analiżi tal-eżistenza tad-dumping matul il-PIR, ġiet investigata wkoll il-probabbiltà tal-issoktar tad-dumping f’każ li jiġu revokati l-miżuri. F’dan ir-rigward ġew analizzati l-elementi li ġejjin: il-volum u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet iddampjati mill-Federazzjoni Russa, l-attrazzjoni tas-suq tal-Unjoni u swieq oħra ta’ pajjiżi terzi, kapaċità ta’ produzzjoni u kapaċità eċċessiva għal esportazzjonijiet fil-Federazzjoni Russa.

3.2.    Il-volum u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet iddampjati mill-Federazzjoni Russa

(35)

Skont il-Eurostat, matul il-perjodu kkunsidrat, l-importazzjonijiet mill-Federazzjoni Russa żdiedu minn 2 005 tunnellata fl-2009 għal 2 343 tunnellata fil-PIR li jirrappreżentaw madwar 1 % tal-konsum tal-Unjoni fil-PIR u fil-perjodu kkunsidrat. Kif imsemmi hawn fuq fil-premessa (33), l-importazzjonijiet mill-produttur esportatur li kkoopera saru bi prezzijiet iddampjati (4,7 %) minkejja d-dazju anti-dumping fis-seħħ.

3.3.    L-attrazzjoni tas-suq tal-Unjoni u swieq ta’ pajjiżi terzi oħra

(36)

L-esportazzjonijiet tal-Unjoni ikkostitwixxew 3 % tal-bejgħ totali tal-produttur li kkoopera, filwaqt li l-maġġoranza tal-bejgħ (85 %) sar fis-suq domestiku Russu. Is-suq domestiku kiber bi 38 % fil-perjodu kkunsidrat (7) u jista’ jikber aktar jekk il-PGD tal-Federazzjoni Russa jkompli jikber, kif previst minn sorsi disponibbli pubblikament li jispeċjalizzaw fl-analiżi ekonomika. Barra minn hekk, l-informazzjoni miġbura matul l-investigazzjoni wriet li l-produttur li kkoopera ma jipproduċix it-tipi kollha tal-prodott ikkonċernat u għalhekk il-pressjoni kompetittiva tiegħu fuq il-produtturi tal-Unjoni hija limitata. Dan x’aktarx li jkun il-każ ukoll għaż-żewġ produtturi l-oħra fid-dawl tan-nuqqas ta’ tagħrif disponibbli dwar investimenti f’makkinarju ġdid, li jista’ pereżempju jippermetti l-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat ta’ dijametru akbar. Barra minn hekk, il-pressjoni kompetittiva limitata mill-produtturi esportaturi mill-Federazzjoni Russa tidher li hi kkonfermata wkoll mill-preżenza tal-produtturi tal-Unjoni fis-suq Russu. Skont l-istatistika uffiċjali tad-dwana Russal-esportazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni tal-prodott simili lill-Federazzjoni Russa tirrappreżentata 30 % tal-importazzjonijiet kollha tal-prodott ikkonċernat lejn is-suq Russu fil-PIR, li tagħmel il-produtturi tal-Unjoni l-akbar esportatur lejn is-suq Russu.

(37)

B’risposta għall-iżvelar finali l-applikant argumenta li t-tkabbir proġettat tal-PDG tar-Russja (fil-medda ta’ 3 %) huwa pjuttost moderat u mhux se jippermetti għal aktar żvilupp tas-suq Russu tal-SWR. Konsegwentement, is-suq Russu jista’ ma jkunx kapaċi jassorbi volumi addizzjonali tal-prodott simili. F’dan ir-rigward ta’ min jinnota li t-tkabbir tal-PDG tar-Russja matul il-perjodu kkunsidrat, jiġifieri bejn l-2009 u tmiem il-PI, kien iktar baxx mit-tkabbir imbassar għas-sena 2014 u minkejja kollox ippermetta għat-tkabbir tas-suq tal-SWR fir-Russja bi 38 %. Għalhekk, dan l-argument kien miċħud.

(38)

L-istess parti ġibdet l-attenzjoni għat-tipi ġodda ta’ prodotti li l-produttur esportatur li kkoopera reċentement żviluppa (f’kooperazzjoni mas-sussidjarja tiegħu bbażata fl-Unjoni) u stqarr li dan jikkonferma l-investimenti li saru minn dan il-produttur fil-perjodu kkunsidrat. Dan il-fatt madankollu ma jikkontradixxix il-konklużjoni dwar l-inabbiltà tal-produttur li kkoopera li jipproduċi kull tip ta’ ħbula (speċjalment ll-SWR fil-parti għolja tas-suq). Għalhekk, dan l-argument kien miċħud.

(39)

L-attrazzjoni tas-suq tal-Unjoni għandha titqies ukoll fil-kuntest ta’ xi akkwisti ta’ produtturi tal-Unjoni mill-produtturi esportaturi Russi. Fil-fatt, żewġ produtturi Russi bħalissa għandhom kumpaniji sussidjarji bbażati fl-Unjoni. Iż-żjara ta’ verifika għand is-sussidjarja tal-esportatur li kkoopera bbażata fl-Ewropa wriet li l-bejgħ tagħha ġie konkluż l-aktar fis-suq Ewropew u li l-bejgħ relatat bejn il-produttur li kkoopera u din is-sussidjarja baqa’ limitat fil-PIR.

(40)

Fuq il-bażi tad-dejta tal-esportatur li kkoopera, għandu jiġi nnutat li l-volum tal-esportazzjoni Russu tal-prodott ikkonċernat lejn pajjiżi terzi kien aktar minn erba’ darbiet il-volum tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni fil-PIR. Il-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-produttur esportatur li kkoopera lejn pajjiżi terzi nstabu li bħala medja kienu inqas mill-prezz tal-bejgħ domestiku fil-Federazzjoni Russa, iżda bħala medja f’livelli ogħla mill-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn is-suq tal-Unjoni. Dan jippermetti konklużjoni li l-bejgħ tal-esportazzjoni lejn swieq ta’ pajjiżi terzi huma aktar attraenti mill-bejgħ lejn is-suq tal-Unjoni. F’dan il-kuntest, hija nnutata wkoll l-eżistenza ta’ kanali ta’ bejgħ li ilhom stabbiliti mas-swieq tal-Commonwealth ta’ Stati Indipendenti (CIS).

(41)

B’risposta għall-iżvelar finali l-applikant argumenta li l-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-produtturi Russi lejn swieq terzi huma fil-fatt irħas mill-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Paragun bejn il-medja tal-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn l-Ukraina u xi pajjiżi Ewropej allegatament ibbażati fuq l-istatistika tad-dwana Russa kien evokat. Ma ġiet ippreżentata l-ebda dejta oriġinali sottostanti għall-paragun. F’dan ir-rigward ta’ min jinnota li t-tqabbil tad-differenza fil-prezz bejn il-prezzijiet Russi tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni u fi swieq terzi mwettqa fl-investigazzjoni kienet ibbażata fuq dejta mill-kwestjonarji vverifikati ta’ dak tal-produttur esportatur li kkoopera. Dan it-tqabbil fil-prezzijiet sar fil-livell ex-works li kkunsidra d-differenzi bejn it-tipi ta’ prodotti u l-livell tal-kummerċ. Il-prezzijiet medji imressqa mill-applikant ma jirriflettux il-kumplessità tal-komponenti tal-prezz u l-firxiet li jeżistu fis-suq tal-SWR u li jirriżultaw minn għadd sinifikanti ta’ prodotti differenti u livelli differenti tal-kummerċ. Għalhekk, dan l-argument kien miċħud.

(42)

L-istess parti argumentat li l-livell tal-volum tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni lejn il-Federazzjoni Russa huwa irrilevanti f’dan il-każ u pjuttost saħqet fuq l-importazzjonijiet li żdiedu mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina lejn il-Federazzjoni Russa u l-ħtieġa li dawn jiġu kkunsidrati fl-analiżi minħabba li dawn jikkostitwixxu theddida kompetittiva għall-preżenza ta’ produtturi Russi oħrajn fuq is-swieq Russi u tas-CIS. F’dan ir-rigward, il-fatt li l-produtturi tal-Unjoni jibqgħu fuq quddiem nett fl-esportazzjoni fis-suq Russu huwa rilevanti peress li jikkonferma l-fatt li l-produtturi Russi ma jkunux jistgħu jipproduċu t-tipi kollha tal-SWR li għalihom id-domanda teżisti fis-suq Russu. Rigward l-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn il-Federazzjoni Russa, huwa nnutat li kibru b’mod parallel mat-tkabbir rapidu tad-domanda tas-suq Russu. Ma kienet ipprovduta l-ebda informazzjoni pereżempju fir-rigward tal-livelli tal-prezz tal-esportazzjoni Ċiniża lejn il-Federazzjoni Russa jew il-Pajjiżi tal-KSI jew il-karatteristiċi tal-prodott taħt l-investigazzjoni li jippermettu analiżi ulterjuri. Fl-aħħar nett, huwa nnotat li skont l-istatistika tad-dwana Russa il-produtturi Russi tal-prodott ikkonċernat baqgħu fuq quddiem nett fis-suq domestiku tagħhom tal-SWR matul il-PIR u l-importazzjonijiet totali lejn dan is-suq jammontaw għal madwar 15 % biss tas-suq Russu tal-SWR. Għalhekk, dan l-argument kien miċħud.

3.4.    Il-kapaċità ta’ produzzjoni u l-kapaċità eċċessiva disponibbli għall-esportazzjonijiet fil-Federazzjoni Russa

(43)

Skont it-talba għal reviżjoni, il-kapaċità ta’ produzzjoni tal-produtturi esportaturi Russi kienet ta’ 115 000 tunnellata. Matul l-investigazzjoni l-applikant ivvaluta mill-ġdid il-kapaċità tal-produzzjoni Russa u sabli kienet f’medda ta’ bejn 220 000 u 250 000 tunnellata, li madankollu ma kinetx appoġġjata b’xi evidenza. Fuq il-bażi tad-dejta vverifikata tal-esportatur li kkoopera, id-dejta sottomessa mit-tieni produttur magħruf u d-dejta li tinsab fit-talba dwar it-tielet produttur, il-kapaċità tal-produzzjoni tal-produtturi kollha Russi tal-prodott ikkonċernat ġiet stabbilita fil-livell ta’ madwar 158 000 tunnellata. F’dan il-kuntest, huwa nnutat li l-kapaċità ta’ produzzjoni tal-produttur li kkoopera għaddiet minn aġġustamenti strutturali fil-perjodu kkunsidrat, li ħallew ir-riżultat li ingħalaq ħanut tal-produzzjoni.

(44)

B’risposta għall-iżvelar finali parti waħda argumentat li xi makkinarju tal-ħanut tal-produzzjoni li ngħalaq ġie ittrasferit għal sit ieħor ta’ produzzjoni tal-produttur li kkoopera. Madankollu ma ngħatat l-ebda evidenza biex issostni din l-allegazzjoni. F’dan ir-rigward huwa kkonfermat li l-evidenza miġbura matul l-investigazzjoni tikkonferma li l-produttur li kkopera fil-perjodu kkunsidrat għadda minn aġġustamenti strutturali, li inkludiet l-iskreppjar ta’ xi makkinarju fit-tliet siti ta’ produzzjoni u l-għeluq ta’ ħanut tal-produzzjoni. Fl-istess ħin ma jistax jiġi eskluż li ċertu makkinarju mill-ħanut tal-produzzjoni li ngħalaq ġie trasferit għal dawk li kien baqa’. Fi kwalunkwe każ, dan ma jbiddilx l-istima tal-kapaċità tal-produzzjoni ta’ dan il-produttur u tar-Russja b’kollox, li l-parti ma kkontestax. Għalhekk, dan l-argument kien miċħud.

(45)

Fir-rigward tal-kwistjoni tal-utilizzazzjoni tal-kapaċità u l-kapaċità eċċessiva, wara d-dejta taż-żewġ produtturi, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe informazzjoni preċiża dwar l-utilizzazzjoni tal-kapaċità tat-tielet produttur ġie preżunt li l-utilizzazzjoni tal-kapaċità tiegħu kienet fl-istess ilma taż-żewġ produtturi l-oħra jiġifieri 90 % fil-PIR. Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, ġie konkluż li l-kapaċità żejda totali fil-Federazzjoni Russa hija fil-medda ta’ 17 000 tunnellata. Dan jikkorrispondi għal madwar 8 % tal-konsum tal-Unjoni fil-PIR.

3.5.    Konklużjoni

(46)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet li l-esportazzjonijiet mill-Federazzjoni Russa għadhom qed jiġu ddampjati matul il-PIR, hemm probabbiltà ta’ tkomplija ta’ dumping fis-suq tal-Unjoni fil-każ li jitneħħew il-miżuri anti-dumping li hemm issa.

(47)

Madankollu, għandhom jiġu enfasizzati dawn il-punti. L-ewwel nett, hemm il-kapaċità żejda limitata disponibbli fil-Federazzjoni Russa, li tista’ tiġi assorbita minn domanda li qed tikber malajr fis-suq domestiku. It-tieni, il-produtturi Russi ma għandhomx kapaċitajiet li jipproduċu t-tipi kollha ta’ ħbula u għalhekk il-pressjoni kompetittiva tagħhom fis-suq tal-Unjoni hija limitata. It-tielet, tnejn mit-tliet produtturi esportaturi magħrufa għandhom is-sussidjarji kollha kemm huma proprjetà tagħhom fl-Unjoni li jipproduċu l-prodott simili. Fuq il-bażi tal-informazzjoni li waslet mill-kumpanija sussidjarja tal-produttur esportatur li kkoopera, wieħed jista’ jara li l-prodott simili manifatturat mis-sussidjarja jinbiegħ primarjament fis-suq tal-Unjoni filwaqt li l-produttur esportatur tjipproduċi u jbigħ il-prodott simili l-aktar għas-suq Russu. Barra minn hekk, il-produtturi Russi li jesportaw għandhom rabtiet kummerċjali b’saħħithom b’mod partikolari mas-swieq ta’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari swieq tas-CIS, li huma aktar attraenti għall-esportaturi Russi minħabba li bħala medja l-prezzijiet imposti f’dawk is-swieq huma ogħla mill-prezzijiet imposti fl-Unjoni. Fuq din il-bażi ġie konkluż li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat minn Federazzjoni Russa huwa improbabbli li jikbru b’mod sostanzjali jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.

D.   ID-DEFINIZZJONI TAL-INDUSTRIJA TAL-UNJONI

(48)

Matul il-PIR, l-SWR huma mmanifatturati minn aktar minn 30 produtturi tal-Unjoni. Għaldaqstant l-output ta’ dawk il-produtturi (stabbilit abbażi tal-informazzjoni miġbura mill-produtturi li kkooperaw u għall-produtturi l-oħra tal-Unjoni mid-dejta tal-applikant) jitqies għalhekk li jikkostitwixxi l-produzzjoi tal-Unjoni fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku.

(49)

Kif spjegat fil-premessa (12), minħabba l-għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni, intgħażel kampjun. Għall-fini tal-analiżi tal-ħsara, l-indikaturi tal-ħsara ġew stabbiliti fiż-żewġ livelli li ġejjin:

l-elementi makroekonomiċi (il-produzzjoni, il-kapaċità, il-volum ta’ bejgħ, is-sehem mis-suq, it-tkabbir, l-impjiegi, il-produttività, il-prezzijiet medji tal-unità, id-daqs tad-dumping) ġew ivvalutati fil-livell tal-produzzjoni tal-Unjoni kollha kemm hi, u dan abbażi tat-tagħrif miġbur mill-produtturi li kkooperaw u għall-produtturi l-oħra tal-Unjoni ntużat stima bbażata fuq id-dejta tal-applikant;

l-analiżi tal-elementi mikroekonomiċi (jiġifieri stokkijiet, pagi, profittabbiltà, dħul mill-investimenti, fluss tal-likwidità, l-abbiltà li żżid il-kapital u l-investimenti) saret għall-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun abbażi tal-informazzjoni li kienet ivverifikata.

E   IS-SITWAZZJONI FIS-SUQ TAL-UNJONI

1.   Il-konsum tal-Unjoni

(50)

Il-konsum tal-Unjoni żdied bi 8 % minn 195 426 tunnellata għal 211 380 tunnellata bejn l-2009 u l-PIR.

 

2009

2010

2011

PIR

Konsum tal-Unjoni (f’tunnellati)

195 426

206 940

213 350

211 380

Indiċi

100

106

109

108

2.   Importazzjonijiet attwali mill-Federazzjoni Russa

2.1.    Il-volum, is-sehem mis-suq u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-Federazzjoni Russa

(51)

Skont id-dejta tal-Eurostat, il-volum tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina mill-Federazzjoni Russa żdied minn 2 005 tunnellata għal 2 343 tunnellata beween l-2009 u l-PIR. Minkejja din iż-żieda, dawn il-volumi huma inqas mill-importazzjonijiet mill-Federazzjoni Russa matul l-aħħar investigazzjoni, fejn l-importazzjonijiet kienu 2 908 tunnellata għall-2005 u 3 323 tunnellata għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2005 sat-30 ta’ Ġunju 2006 (l-aħħar PIR). Barra minn hekk, sa mit-tmiem il-PIR, l-importazzjonijiet mir-Russja juru xejra li qed tonqos (tnaqqis ta’ 20 %).

(52)

Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mir-Russja kien ta’ 1,03 % fl-2009 u 1,11 % fil-PIR.

(53)

Safejn huma kkonċernati l-prezzijiet tal-importazzjoni, dawn żdiedu b’mod stabbli b’12 % matul il-perjodu kkunsidrat.

 

2009

2010

2011

PIR

Importazzjoni (f’tunnellati)

2 005

2 197

2 549

2 343

indiċi

100

110

127

117

Sehem mis-suq

1,03  %

1,06  %

1,19  %

1,11  %

indiċi

100

103

116

108

Prezz tal-importazzjoni

1 054

1 084

1 171

1 178

indiċi

100

103

111

112

2.2.    Twaqqigħ tal-prezz

(54)

It-twaqqigħ tal-prezz ġie stabbilit bl-użu tal-prezzijiet tal-esportazzjoni li produttur Russu li kkoopera, mingħajr id-dazju anti-dumping, u nstab li kien ivarja bejn 54,7 % sa 69,0 % jiddependi fuq tip ta’ prodott b’marġni ta’ twaqqigħ b’medja peżata ta’ 63,4 %. Madankollu, minħabba n-nuqqas ta’ volumi ta’ importazzjoni mill-Federazzjoni Russa u bosta tipi differenti ta’ SWR li jeżistu, it-twaqqigħ tal-prezz seta’ jiġi stabbilit biss fuq il-bażi ta’ ftit tipi ta’ prodotti identiċi b’volumi baxxi (19,9 tunnellata). Għalhekk, il-marġni tat-twaqqigħ jista’ jiġi kkunsidrat biss bħala indikattiv.

3.   Importazzjonijiet minn pajjiżi oħra

3.1.    Volum, sehem tas-suq u prezzijiet tal-importazzjonijiet minn pajjiżi oħra

(55)

L-importazzjonijiet minn pajjiżi oħra minbarra l-Federazzjoni Russa żdiedu b’10,6 % matul il-perjodu kkunsidrat, li hija ċifra aktar għolja miż-żieda fil-konsum fis-suq tal-Unjoni (+ 8 %). Minkejja l-qligħ tas-sehem mis-suq tal-Unjoni minn pajjiżi oħra għajr l-Federazzjoni Russa, l-ishma tas-suq rispettivi jistgħu jiġu kkunsidrati bħala stabbli.

(56)

Il-pajjiżi esportaturi ewlenin matul il-PIR kienu l-Korea t’isfel b’16 % tas-sehem mis-suq segwiti minn mir-RPĊ (1,78 %), it-Tajlandja b’madwar 1,65 % tas-sehem mis-suq, u l-Federazzjoni Russa (ara hawn fuq, b’1,11 % tas-sehem mis-suq) filwaqt li s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni kien qrib is-60 %.

Pajjiżi/Importazzjonijiet f’tunnellati

2009

2010

2011

PIR

Il-Korea t’Isfel

32 027

23 926

28 906

34 798

Iċ-Ċina

5 797

4 067

5 174

3 765

It-Tajlandja

3 673

3 815

5 348

3 499

Pajjiżi Oħra

34 938

38 974

39 376

42 444

Subtotal

(eskluża l-Federazzjoni Russa)

76 435

70 782

78 804

84 506

Ir-Russja

2 005

2 197

2 548

2 343

Importazzjonijiet totali

(inkluża l-Federazzjoni Russa)

78 440

72 979

81 352

86 849

3.2.    Twaqqigħ tal-prezz

(57)

Il-prezzijiet medji ġenerali tal-importazzjonijiet tal-prodott simili minn pajjiżi oħra baqgħu stabbli u ma nbidlux matul il-perjodu kkunsidrat u waqqgħu il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni b’medja ta’ 57 %.

4.   Is-sitwazzjoni tal-Industrija tal-Unjoni

(58)

Skont l-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat il-fatturi ekonomiċi u l-indiċi rilevanti kollha li jaffettwaw l-istat tal-industrija tal-Unjoni.

4.1.    Il-kummenti preliminari

(59)

Fid-dawl tal-fatt li t-teħid ta’ kampjuni ntuża fir-rigward tal-industrija tal-Unjoni, il-ħsara ġiet evalwata fuq il-bażi tal-informazzjoni miġbura fuq il-livell tal-industrija tal-Unjoni kollha (“IU”) (elementi makroekonomiċi kif stabbilit fil-premessa (49)) u fuq il-bażi tal-informazzjoni miġbura fil-livell tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun (elementi mikroekonomiċi kif definit fil-premessa (49)).

(a)   Il-produzzjoni

(60)

Il-produzzjoni tal-IU żdiedet b’6 % bejn l-2009 u l-PIR, jiġifieri minn 214 475 tunnellata għal 228 368 tunnellata. F’kuntest ta’ żieda fil-konsum (+ 8 %), kif imsemmi fil-premessa (52), l-industrija tal-Unjoni naqqset il-volum tal-produzzjoni b’ 6 %.

UI

2009

2010

2011

PIR

Volum tal-produzzjoni (f’tunnellati)

214 475

223 385

224 559

228 368

indiċi

100

104

105

106

(b)   Kapaċità u rati tal-utilizzazzjoni tal-kapaċità

(61)

Iż-żieda f’Konsum tal-Unjoni (+ 8 %) pprovokat żieda fil-produzzjoni mill-industrija tal-Unjoni b’ 6 %.

UI

2009

2010

2011

PIR

Il-Kapaċità

348 852

371 187

366 976

369 134

indiċi

100

106

105

106

Użu tal-kapaċità

61,5  %

60,2  %

61,2  %

61,9  %

indiċi

100

98

100

101

(c)   Il-volum tal-bejgħ

(62)

Il-bejgħ mill-IU fis-suq tal-Unjoni zdied b’7 % bejn l-2009 u l-PIR.

UI

2009

2010

2011

PIR

Bejgħ lil partijiet mhux relatati fl-Unjoni (f’tunnellati)

116 902

133 824

131 085

124 524

indiċi

100

114

112

107

(d)   Sehem mis-suq

(63)

l-IU irnexxielha żżomm is-sehem tagħha mis-suq relattivament stabbli matul il-perjodu kkunsidrat, jiġifieri 60 % fl-2009 u 59 % matul il-PIR.

UI

2009

2010

2011

PIR

Sehem mis-suq

60  %

65  %

61  %

59  %

indiċi

100

108

102

98

(e)   It-tkabbir

(64)

Bejn l-2009 u l-PIR, meta l-konsum tal-Unjoni żdied b’8 %, il-volum tal-bejgħ tal-IU żdied ukoll b’7 %. Is-sehem mis-suq tal-IU għalhekk jista’ jkun ikkunsidrat bħala stabbli, minkejja li tilfet kemxejn is-sehem mis-suq, filwaqt li l-importazzjonijiet mill-Federazzjoni Russa żdiedu bi ftit.

(f)   Impjiegi

(65)

Filwaqt li produtturi tal-Unjoni fil-kampjun urew żieda ta’ 5 % matul il-perjodu kkunsidrat, l-istima mill-applikant tal-livell tal-impjiegi tal-IU kollha huwa differenti u turi xejra negattiva, peress li hemm tnaqqis ta’ 6 % bejn l-2009 u l-PIR.

UI

2009

2010

2011

PIR

Impjiegi

3 763

3 776

3 688

3 544

indiċi

100

100

98

94

(g)   Daqs tal-marġni tad-dumping

(66)

F’dak li jirrigwarda l-impatt fiq il-UI tal-kobor tal-marġini attwali ta’ dumping li nstab (4,7 %), meta wieħed iqis il-volum relattivament baxx tal-importazzjonijiet mill-Federazzjoni Russa u l-marġini ta’ dumping relattivament baxx, dan l-impatt ma jistax jiġi kkunsidrat bħala sinjifikanti.

(h)   L-istokkijiet

(67)

Il-livell tal-ħażniet tal-għeluq tal-IU naqas bejn l-2009 u l-PIR.

Produtturi fil-kampjun

2009

2010

2011

PIR

Ħażna tal-għeluq (f’tunnellati)

11 723

10 240

9 813

10 489

indiċi

100

87

84

89

(i)   Prezzijiet tal-bejgħ u fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet domestiċi

(68)

Il-prezzijiet tal-bejgħ għal kull unità tal-IU żdiedu bi 8 % bejn l-2009 u l-PIR. Dan l-iżvilupp fil-prezzijiet huwa marbut mal-fatt li l-IU kienet kapaċi tgħaddi ż-żieda fl-ispiża tal-produzzjoni (bi 8 %) għal fuq l-utenti. Huwa relatat ukoll mal-migrazzjoni progressiva tal-IU lejn dijametru akbar tal-SWR u aktar attenzjoni lejn il-kejbils għal użu speċifiku.

Produtturi fil-kampjun

2009

2010

2011

PIR

Il-prezz tal-bejgħ medju għal kull unità fl-UE (EUR/tunnellata)

3 625

3 658

3 809

3 911

Indiċi

100

101

105

108

(j)   Pagi

(69)

Bejn l-2009 u l-PIR, is-salarju medju għal kull ekwivalenti għal full-time (FTE) żdied b’20 % matul il-perjodu kkunsidrat. Wara r-ristrutturar ta’ xi kumpaniji fil-kampjun, il-proporzjon tal-impjegati tal-moħħ versu l-impjegati tal-id żdied matul il-perjodu kkunsidrat, li hu rifless fiż-żieda fil-paga medja tal-ispiża għal kull impjegat.

Produtturi fil-kampjun

2009

2010

2011

PIR

Pagi għal kull FTE (EUR)

42 393

45 174

48 718

51 052

indiċi

100

107

115

120

(k)   Il-produttività

(70)

Il-produttività tal-forza tax-xogħol tal-IU, imkejla bħala l-output għal FTE impjegati kull sena, kienet volatili matul il-perjodu kkunsidrat hekk kif naqset fl-2010 qabel ma reġgħet żdiedet fl-2011 u fil-PIR.

UI

2009

2010

2011

PIR

Il-produttività

58

52

53

55

indiċi

100

88

90

94

(l)   Investimenti u abbiltà li jinkiseb il-kapital

(71)

L-investimenti fl-SWR zdiedu b’271 % matul il-perjodu kkunsidrat, kienu sinifikanti u kienu jammontaw għal madwar minn EUR 16 miljun. Il-produtturi fil-kampjun ma kellhom l-ebda diffikultà biex iżidu l-kapital matul il-perjodu kkunsidrat. Barra minn hekk, proporzjon kbir ta’ investimenti setgħu jiġu ffinanzjati minn flussi ta’ flus iġġenerati minnhom stess.

Produtturi fil-kampjun

2009

2010

2011

PIR

Investimenti (1 000  EUR)

5 845

6 025

12 656

15 839

indiċi

100

103

217

271

(m)   Profitabbiltà fis-suq tal-Unjoni

(72)

Il-produtturi fil-kampjun irnexxielhom jiksbu profitti matul il-perjodu kollu kkunsidrat. Il-profitti miksuba mill-2009 sal-PIR - minkejja l-waqgħa meta mqabbel mal-2009 - kienu ‘l fuq sew mill-profitt fil-mira ta’ 5 % stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali.

Produtturi fil-kampjun

2009

2010

2011

PIR

Profitabbiltà fis-suq tal-Unjoni

14,8  %

10,1  %

10,6  %

10,6  %

indiċi

100

68

72

72

(n)   Redditu mill-investimenti

(73)

Ir-redditu fuq l-investimenti (ROI), espress bħala l-profitt totali ġġenerat mill-attività tal-SWR f’perċentwal tal-valur nett skont il-kotba tal-assi direttament u indirettament relatati mal-produzzjoni tal-SWR, segwit mix-xejriet ta’ profitabbiltà ta’ hawn fuq matul il-perjodu kollu kkunsidrat. Minkejja l-waqgħa, dan l-indikatur għadu pjuttost għoli.

Produtturi fil-kampjun

2009

2010

2011

PIR

ROI

37,7  %

23,4  %

25  %

23  %

indiċi

100

62

66

61

(o)   Fluss tal-flus

(74)

Is-sitwazzjoni tal-flussi ta’ flus b’mod ġenerali tibqa’ pożittiva ferm, minkejja li marret ftit lura bejn l-2009 u l-PIR: dan isegwi sa ċertu punt ix-xejriet ta’ profittabbiltà matul il-perjodu kollu kkunsidrat.

Produtturi fil-kampjun

2009

2010

2011

PIR

Fluss tal-flus (EUR 1 000 )

57 545

40 640

38 297

43 380

indiċi

100

71

67

75

(p)   Irkupru mill-effetti tad-dumping fl-imgħoddi

(75)

Il-maġġoranza tal-indikaturi turi li l-IU adattat it-tagħmir tal-produzzjoni tagħha biex tiffaċċja aħjar l-ambjent ekonomiku ġdid u tkun kapaċi taħtaf l-opportunitajiet fis-swieq tal-Unjoni u dawk li mhumiex tal-Unjoni, f’segmenti fejn jistgħu jinltaħqu marġini għoljin. It-titjib fis-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tal-IU, flimkien mal-impożizzjoni tal-miżuri anti-dumping fl-2001, juru li l-miżuri huma effettivi u li l-IU irkuprat mill-effetti tal-prattiki tad-dumping tal-passat.

4.2.    Konklużjoni

(76)

Matul il-perjodu meqjus l-IU irnexxiela bejnwieħed u ieħor li żżomm is-sehem mis-suq tagħha, il-prezzijiet żdiedu bi 8 %, il-ħażniet baqgħu f’livell raġonevoli filwaqt li l-volum tal-produzzjoni u l-konsum żdied. l-IU għamlet profitt matul il-perjodu kkunsidrat, minkejja li l-profitti kienu f’livell iktar baxx fil-PIR milli fl-2009. Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, jista’ jiġi konkluż li l-IU ma ġarrbitx ħsara materjali matul il-perjodu kkunsidrat.

F.   IL-PROBABILITÀ TA’ RIKORRENZA TAD-DANNI

(77)

Ġie eżaminat ukoll jekk ir-rikorrenza tal-ħsara materjali tkunx probabbli jekk il-miżuri jitħallew jiskadu. Huwa vvalutat li aktarx dan ma jiġrix minħabba r-raġunijiet imfissra hawn taħt.

(78)

Kif ġie enfasizzat fil-premessa (54), il-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-Federazzjoni Russa nstab li kienu baxxi u inqas mill-prezzijiet tal-UE. Madankollu, minħabba l-volumi baxxi ta’ tqabbil tipi ta’ prodotti, il-marġini tat-twaqqigħ preenti jista’ jitqies biss bħala indikattiv.

(79)

Kif spjegat fil-premessa (51), il-volum tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina fil-Federazzjoni Russa kien ta’ 2 005 tunnellata fl-2009 u 2 343 tunnellata matul il-PIR, li jirrappreżentaw sehem mis-suq ta’ 1,03 % u 1,11 % rispettivament.

(80)

Kif spjegat fil-premessi (43) u (45), it-total tal-kapaċità Russa huwa stmat li hu madwar 158 000 tunnellata, filwaqt li, matul l-aħħar investigazzjoni dan kien stmat li hu fil-livell tal-konsum totali tal-UE, jiġifieri 220 000 tunnellata. Barra minn hekk, bħalissal-kapaċitajiet żejda jidhru li huma limitati.

(81)

Matul l-aħħar investigazzjoni, is-suq Russu kien ivvalutat bħala mhux kapaċi jassorbi l-livell tal-provvista. Bħalissa, kif spjegat fil-premessa (36), il-konsum domestiku tal-SWR fir-Russja għadda minn tkabbir konsiderevoli bi 38 % tul il-perjodu kkunsidrat. Barra minn hekk, it-tbassir ekonomiku disponibbli pubblikament jistma tkabbir b’saħħtu tal-PDG fil-Federazzjoni Russa fis-snin li ġejjin. Il-kapaċità żejda Russa, kif imsemmi fil-premessa (45), huwa għalhekk probabbli li jiġi assorbit mis-suq Russu li qed jikber hekk kif il-prezzijiet fir-Russja huma madwar 11 % ogħla mill-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn l-UE. Barra minn hekk, il-prezzijiet tal-esportazzjoni Russi lejn swieq oħra, notevolment lejn il-pajjiżi tal-KSI huma bħala medja 5,6 % ogħla mill-prezzijiet ta’ esportazzjoni lejn l-UE. Għalhekk huwa probabbli li kwantitajiet sostanzjali jew tal-kapaċità żejda jew tal-bejgħ attwali tagħhom fis-suq domestiku li hu ta’benefiċċju akbar u/jew is-swieq tal-pajjiżi tal-CIS sej jkun dirett mill-ġdid lejn is-suq tal-Unjoni.

(82)

Fid-dawl ta’dan ta’hawnfuq, huwa konkluż li r-revoka tal-miżuri fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Federazzjoni Russl fil-probabbiltà kollha ma jirriżultawx fir-rikorrenza ta’ ħsara għall-IU fl-intier tagħha.

G.   MIŻURI ANTI-DUMPING

(83)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet tal-SWR mill-Federazzjoni Russa għandhom jiġu revokati u l-proċediment attwali tterminat skont l-Artikolu 9(2) u l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

(84)

Il-partijiet kollha ġew mgħarrfa dwar il-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li abbażi tagħhom kien previst li jiġi rakkomandat li l-miżuri eżistenti jiġu tterminati fir-rigward tal-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Federazzjoni Russa. Ingħataw ukoll perjodu biex jagħmlu r-rappreżentazzjonijiet wara dan l-iżvelar. Waslu kummenti minn parti interessata waħda li wkoll talbet u ngħatat seduta fil-preżenza tal-Uffiċjal tas-Seduta,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-miżuri antidumpung li jikkonċernaw l-importazzjonijiet ta’ ħbula u kejbils tal-azzar inklużi l-ħbula koljaturi maqfula, esklużi ħbula u kejbils tal-azzar li ma jissaddadx, b’dimensjoni massima ta’ wisa’ li taqbeż it-3 mm, bil-fittings magħhom jew mingħajrhom li joriġinaw mill-Federazzjoni Russa u attwalment klassifikabbli taħt il-kodiċijiet NM ex 7312 10 81, ex 7312 10 83, ex 7312 10 85, ex 7312 10 89 u ex 7312 10 98 huma b’dan revokati u l-proċediment li jikkonċerna dawn l-importazzjonijiet huwa terminat.

Artikolu 2

Il-proċedura tar-reviżjoni ta’ skadenza tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ħbula u kejbils tal-azzar inklużi l-ħbula koljaturi maqfula, esklużi ħbula u kejbils tal-azzar li ma jissaddadx, b’dimensjoni massima ta’ wisa’ li taqbeż it-3 mm, bil-fittings magħhom jew mingħajrhom, attwalment klassifikabbli taħt il-kodiċijiet NM ex 7312 10 81, ex 7312 10 83, ex 7312 10 85, ex 7312 10 89 u ex 7312 10 98 u li joriġinaw mill-Federazzjoni Russa, mibdija taħt l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, hija b’dan terminata.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

J. NEVEROVIC


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  ĠU L 211, 4.8.2001, p. 1.

(3)  ĠU L 285, 31.10.2007, p. 52.

(4)  ĠU L 285, 31.10.2007, p. 1.

(5)  ĠU L 36, 9.2.2012, p. 1.

(6)  ĠU C 330, 27.10.2012, p. 5.

(7)  Skont id-dejta miksuba minn Prommetiz — l-assoċjazzjoni Russa tal-produtturi tal-hardware.