20.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 347/174


REGOLAMENT (UE) Nru 1292/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta' Diċembru 2013

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 294/2008 li jistabbilixxi l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 173(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv tassenja rwol minn ta' quddiem lill-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) li jikkontribwixxi għal għadd ta' inizjattivi ewlenin.

(2)

Matul il-perijodu mill-2014 sal-2020, l-EIT għandu jikkontribwixxi għall-objettivi ta' “Orizzont 2020 - Il-Programm ta' Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni” stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 (3) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ("Orizzont 2020"), bl-integrazzjoni tat-triangolu tal-għarfien tal-edukazzjoni għolja, ir-riċerka u l-innovazzjoni.

(3)

Sabiex ikun żgurat qafas koerenti għal dawk li jieħdu sehem f'Orizzont 2020, ir-Regolament (UE) Nru 1290/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) ("Regoli għall-Parteċipazzjoni") għandu japplika għall-EIT.

(4)

Ir-regoli dwar il-ġestjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali huma ddefiniti fir-Regoli għall-Parteċipazzjoni.

(5)

Ir-regoli dwar l-assoċjazzjoni ta' pajjiżi terzi huma ddefiniti f'Orizzont 2020.

(6)

L-EIT għandu jrawwem l-intraprenditorija fl-attivitajiet tiegħu tal-edukazzjoni għolja, ir-riċerka u l-innovazzjoni. B'mod partikolari, għandu jippromwovi edukazzjoni intraprenditorjali eċċellenti u jappoġġa l-ħolqien ta' impriżi ġodda u li qabdu ritmu b'saħħtu.

(7)

L-EIT għandu jaħdem direttament mar-rappreżentanti nazzjonali u reġjonali u ma' partijiet interessati oħra minn naħa għal oħra tal-katina tal-innovazzjoni biex jiġġenera effetti ta' benefiċċju fuq iż-żewġ naħat. Sabiex dan id-djalogu u l-iskambju jkunu aktar sistematiċi għandu jiġi stabbilit Forum tal-Partijiet Interessati li jiġbor flimkien komunità usa' ta' partijiet interessati madwar kwistjonijiet orizzontali. L-EIT għandu jwettaq ukoll attivitajiet ta' informazzjoni u komunikazzjoni mmirati lejn partijiet interessati rilevanti.

(8)

L-EIT għandu jippromwovi parteċipazzjoni bilanċjata b'mod adegwat bejn l-atturi differenti mit-trijangolu tal-għarfien involuti fil-Komunitajiet għall-Għarfien u l-Innovazzjoni ("KICs"). Barra minn hekk, għandu jippromwovi parteċipazzjoni b'saħħitha mis-settur privat, b'mod partikolari mill-impriżi mikro/żgħar u ta' daqs medju ("SMEs").

(9)

Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kontribuzzjoni tal-EIT lejn il-KICs għandu jkun iddefinit u l-oriġini tar-riżorsi finanzjarji tal-KICs għandha tkun iċċarata.

(10)

L-għamla tal-entitajiet tal-EIT għandha tkun issimplifikata. It-tħaddim tal-Bord tat-Tmexxija tal-EIT għandu jkun issimplifikat u r-rwoli u l-ħidmiet rispettivi tal-Bord tat-Tmexxija u tad-Direttur għandhom jiġu ċċarati aktar.

(11)

KICs ġodda, inklużi l-oqsma ta' prijorità tagħhom u l-organizzazzjoni u l-waqt propizju tal-proċess ta' għażla, għandhom jitniedu abbażi ta' modalitajiet iddefiniti fl-Aġenda Strateġika ta' Innovazzjoni wara proċess miftuħ, trasparenti u kompetittiv.

(12)

Il-KICs għandhom iwessgħu l-attivitajiet edukattivi tagħhom sabiex isaħħu l-bażi tal-ħiliet madwar l-Unjoni, billi jipprovdu korsijiet ta' taħriġ professjonali u oħrajn adegwati.

(13)

Il-kooperazzjoni fl-organizzazzjoni tal-monitoraġġ u l-evalwazzjonijiet tal-KICs bejn il-Kummissjoni u l-EIT huma meħtieġa sabiex tkun żgurata koerenza mas-sistema ġenerali ta' monitoraġġ u evalwazzjoni fil-livell tal-Unjoni. B’mod partikolari, il-prinċipji għall-monitoraġġ tal-KICs u l-EIT għandhom ikunu ċari.

(14)

Il-KICs għandhom ifittxu s-sinerġiji ma' inizjattivi rilevanti tal-Unjoni, dawk nazzjonali u reġjonali.

(15)

Sabiex tiġi żgurata parteċipazzjoni usa' ta' organizzazzjonijiet minn Stati Membri differenti fil-KICs, l-organizzazzjonijiet imsieħba għandhom ikunu stabbiliti f’tal-inqas tliet Stati Membri differenti.

(16)

L-EIT u l-KICs għandhom jiżviluppaw attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni u jxerrdu l-aħjar prassi, inkluż permezz tal-Iskema ta' Innovazzjoni Reġjonali.

(17)

Il-kriterji u l-proċeduri għall-finanzjament, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-attivitajiet tal-KICs għandhom ikunu adotatti mill-EIT qabel it-tnedija tal-proċess ta' għażla tal-KIC.

(18)

Il-Programm Triennali ta' Ħidma tal-EIT għandu jqis l-opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-objettivi speċifiċi tal-EIT, kif iddefiniti fl-Orizzont 2020, u l-komplementarjetajiet mal-istrumenti u l-politiki tal-Unjoni.

(19)

L-EIT, billi jaqa’ taħt Orizzont 2020, se jkun parti mis-semplifikazzjoni tal-infiq minħabba t-tibdil tal-klima kif iddefinit f'Orizzont 2020.

(20)

L-evalwazzjoni tal-EIT għandha tipprovdi kontribut f'waqtu għall-evalwazzjoni ta' Orizzont 2020 fl-2017 u l-2023.

(21)

Il-Kummissjoni għandha ssaħħaħ ir-rwol tagħha fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta' aspetti speċifiċi tal-attivitajiet tal-EIT.

(22)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi pakkett finanzjarju għat-tul kollu ta' Orizzont 2020 li għandu jikkostitwixxi r-referenza prinċipali, fis-sens tal-punt 17 tal-Ftehim Interistituzzjonali 2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u ġestjoni finanzjarja tajba (5), għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali. Il-kontribuzzjoni finanzjarja għall-EIT għandha tkun ipprovduta minn Orizzont 2020.

(23)

Kuntrarju għall-aspettattivi inizjali, il-Fondazzjoni tal-EIT mhux se tirċievi kontribuzzjoni diretta mill-baġit tal-Unjoni, u l-proċedura ta' kwittanza tal-Unjoni ma għandhiex għaldaqstant tapplika għaliha.

(24)

Biex l-affarijiet ikunu aktar ċari, l-Anness tar-Regolament (KE) Nru 294/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) għandu jiġi sostitwit b'Anness ġdid.

(25)

Ir-Regolament (KE) Nru 294/2008 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 294/2008 għandu jiġi emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-punt 1 jinbidel b’dan li ġej:

"1.   "innovazzjoni": tfisser il-proċess, inkluż l-eżitu tiegħu, li permezz tiegħu ideat ġodda jirrispondu għad-domanda u l-ħtiġijiet tas-soċjetà jew dawk ekonomiċi u jiġġeneraw prodotti, servizzi, jew mudelli ta' negozju u ta' organizzazzjoni ġodda li jiġu introdotti b'suċċess f'suq eżistenti jew li jkunu kapaċi joħolqu swieq ġodda u li jagħtu valur lis-soċjetà;"

(b)

il-punt 2 jinbidel b’dan li ġej:

"2.   "Komunità ta’ Għarfien u Innovazzjoni" (KIC): tfisser sħubija awtonoma ta’ istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja, organizzazzjonijiet ta’ riċerka, kumpaniji u partijiet interessati oħrajn fil-proċess ta’ innovazzjoni fil-forma ta’ netwerk strateġiku, irrispettivament mill-forma ġuridika preċiża tagħha, ibbażata fuq l-ippjanar ta’ innovazzjoni konġunt fuq perijodu medju għal wieħed fit-tul biex jintlaqgħu l-isfidi tal-EIT u jingħata kontribut għall-ilħuq tal-objettivi stabbiliti taħt ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*) (“Orizzont 2020”);

(*)  Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-11 ta' Diċembru 2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Orizzont 2020 - Il-Programm ta’ Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u jirrevoka d-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104).";"

(c)

il-punt 3 jinbidel b’dan li ġej:

"3.   "ċentru ta' kolokazzjoni": tfisser żona ġeografika fejn huma bbażati l-imsieħba ewlenin tat-trijangolu tal-għarfien u jistgħu jinteraġġixxu faċilment, u li tipprovdi l-punt fokali għall-attività tal-KICs f'dik iż-żona;";

(d)

il-punt 4 huwa mħassar;

(e)

il-punt 5 jinbidel b’dan li ġej:

"5.   "organizzazzjoni msieħba": tfisser kwalunkwe organizzazzjoni li hija membru ta’ KIC u tista’ tinkludi, b’mod partikolari, istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja, organizzazzjonijiet ta’ riċerka, kumpaniji pubbliċi jew privati, istituzzjonijiet finanzjarji, awtoritajiet reġjonali u lokali, fondazzjonijiet u organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ;";

(f)

il-punt 9 jinbidel b’dan li ġej:

"9.   "Aġenda Strateġika ta' Innovazzjoni" (ASI): tfisser dokument ta’ politika li jiddeskrivi l-oqsma ta' prijorità u l-istrateġija fit-tul tal-EIT għal inizjattivi futuri, inkluża ħarsa ġenerali tal-attivitajiet ippjanati ta’ edukazzjoni għolja, riċerka u innovazzjoni tul perijodu ta' seba’ snin;";

(g)

jiżdied il-punt li ġej:

"9a.   "Skema ta' Innovazzjoni Reġjonali" ((RIS)-Regional Innovation Scheme): tfisser skema ta' sensibilizzazzjoni mmirata lejn is-sħubiji bejn l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja, l-organizzazzjonijiet ta' riċerka, kumpaniji u partijiet interessati oħra bil-ħsieb li titrawwem l-innovazzjoni madwar l-Unjoni;";

(h)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

"10.   "Forum tal-partijiet interessati": tfisser pjattaforma miftuħa għar-rappreżentanti tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, għal entitajiet individwali jew ta' interess organizzat mid-dinja tan-negozju, l-edukazzjoni għolja, ir-riċerka, assoċjazzjonijiet, is-soċjetà ċivili u għal organizzazzjonijiet miġbura flimkien, kif ukoll partijiet oħra interessati minn naħa għal oħra tat-triangolu tal-għarfien;

11.   "Attivitajiet ta' valur miżjud tal-KIC": tfisser attivitajiet imwettqa minn organizzazzjonijiet imsieħba jew entitajiet ġuridiċi tal-KIC, jekk applikabbli, li jikkontribwixxu għall-integrazzjoni tat-triangolu tal-għarfiental-edukazzjoni għolja, ir-riċerka u l-innovazzjoni, inklużi l-attivitajiet tal-istabbiliment, amministrattivi u ta' koordinazzjoni tal-KICs, u li jikkontribwixxu għall-objettivi ġenerali tal-EIT.".

(2)

L-Artikolu 3 jinbidel b’dan li ġej:

"Artikolu 3

Missjoni u Objettivi

Il-missjoni tal-EIT hija li jikkontribwixxi għat-tkabbir u l-kompetittività ekonomika fl-Ewropa, b’mod sostenibbli, bit-tisħiħ tal-kapaċità tal-innovazzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni biex jindirizza l-isfidi l-kbar li tiffaċċja s-soċjetà Ewropea. Dan għandu jagħmlu billi jippromwovi sinerġiji u kooperazzjoni fost l-edukazzjoni għolja, ir-riċerka u l-innovazzjoni tal-għolja standards u l-integrazzjoni tagħhom, inkluż permezz tat-trawwim tal-intraprenditorija.

L-Objettivi Ġenerali, l-Objettivi Speċifiċi u l-indikaturi tar-riżultati tal-EIT għall-perijodu mill-2014 sal-2020 huma ddefiniti f'Orizzont 2020.".

(3)

L-Artikolu 4(1) jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-punt (a) jinbidel b’dan li ġej:

"(a)

Bord tat-Tmexxija magħmul minn membri ta’ livell għoli b’esperjenza fl-edukazzjoni għolja, ir-riċerka, l-innovazzjoni u n-negozju. Huwa għandu jkun responsabbli għat-tmexxija tal-attivitajiet tal-EIT, għall-għażla, in-nomina u l-evalwazzjoni tal-KICs, u għad-deċiżjonijiet strateġiċi l-oħrajn kollha. Dan għandu jkun assistit minn Kumitat Eżekuttiv;";

(b)

il-punt (b) huwa mħassar;

(c)

il-punt (c) jinbidel b’dan li ġej:

"(c)

Direttur, maħtur mill-Bord tat-Tmexxija, li għandu jkun responsabbli għall-Bord tat-Tmexxija għall-ġestjoni amministrattiva u finanzjarja tal-EIT u li għandu jkun ir-rappreżentant legali tal-EIT;".

(4)

L-Artikolu 5(1) jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-punt (a) jinbidel b’dan li ġej:

"(a)

jidentifika, skont l-ASI, il-prijoritajiet u l-attivitajiet ewlenin tiegħu;";

(b)

il-punt (c) jinbidel b’dan ġej:

"(c)

jagħżel u jinnomina KICs fl-oqsma prijoritarji skont l-Artikolu 7 u jiddefinixxi d-drittijiet u l-obbligi tagħhom bi ftehim, jipprovdihom bl-appoġġ meħtieġ, japplika l-miżuri meħtieġa ta' kontroll tal-kwalità, jissorvelja kontinwament u jevalwa perjodikament l-attivitajiet tagħhom, jiżgura livell adegwat ta' koordinazzjoni u jiffaċilita l-komunikazzjoni u l-kooperazzjoni tematika bejn il-KICs;";

(c)

il-punt (f) jinbidel b'dan li ġej:

"(f)

jippromwovi t-tixrid tal-aħjar prassi għall-integrazzjoni tat-trijangolu tal-għarfien, inkluż fost il-KICs, sabiex jiżviluppa kultura ta' innovazzjoni komuni u ta' trasferiment tal-għarfien, u jħeġġeġ il-parteċipazzjoni f'attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni, inkluż fl-RIS;";

(d)

il-punt (h) jinbidel b’dan li ġej:

"(h)

jippromwovi approċċi multidixxiplinari għall-innovazzjoni, inkluża l-integrazzjoni ta' soluzzjonijiet teknoloġiċi, tas-soċjetà u dawk mhux teknoloġiċi, approċċi organizzattivi u mudelli ġodda ta' negozju;";

(e)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

"(i)

jiżgura l-komplementarjetà u s-sinerġija bejn l-attivitajiet tal-EIT u programmi oħra tal-Unjoni, fejn adatt;

(j)

jippromwovi l-KICs bħala sħab eċċellenti tal-innovazzjoni fi ħdan l-Unjoni kif ukoll barra minnha;

(f)

jistabbilixxi Forum tal-Partijiet Interessati biex jagħti tagħrif dwar l-attivitajiet tal-EIT, l-esperjenzi tiegħu, l-aħjar prassi u l-kontribuzzjoni għall-politiki u l-objettivi ta' innovazzjoni, riċerka u edukazzjoni tal-Unjoni u biex jippermetti lill-partijiet interessati jesprimu l-fehmiet tagħhom. Għandha ssir laqgħa tal-Forum tal-Partijiet Interessati tal-anqas darba fis-sena. Ir-rappreżentanti tal-Istati Membri għandhom jiltaqgħu f'konfigurazzjoni speċjali, fi ħdan il-laqgħa tal-Forum tal-Partijiet Interessati, biex jiġu żgurati komunikazzjoni u fluss ta' informazzjoni adatti mal-EIT, u jiġu infurmati dwar il-kisbiet tal-EIT u l-KICs, jagħtu parir lill-EIT u l-KICs u jikkondividu esperjenzi magħhom. Il-konfigurazzjoni speċjali tar-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-Forum tal-Partijiet Interessati għandha tiżgura wkoll sinerġiji u komplementarjetajiet adatti bejn l-attivitajiet tal-EIT u l-KIC mal-programmi u l-inizjattivi nazzjonali, inkluż il-kofinanzjament nazzjonali potenzjali tal-attivitajiet tal-KIC.".

(5)

L-Artikolu 6 jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 jiġi emendat kif ġej:

i)

il-punt (b) jiġi emendat kif ġej:

"(b)

riċerka avvanzata u mmexxija mill-innovazzjoni f’oqsma ta’ interess ekonomiku u soċjali ewlieni u li tutilizza r-riżultati tar-riċerka Ewropea u nazzjonali, bil-potenzjal li ssaħħaħ il-kompetittività Ewropea fil-livell internazzjonali u ssib soluzzjonijiet għall-isfidi l-kbar iffaċċjati mis-soċjetà Ewropea;";

(ii)

il-punt (c) jinbidel b’dan ġej:

"(c)

attivitajiet ta’ edukazzjoni u taħriġ fil-livell ta’ masters u ta’ dottorat, kif ukoll korsijiet ta' taħriġ professjonali, f’dixxiplini bil-potenzjal li jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet soċjoekonomiċi Ewropej fil-ġejjieni u li jespandu l-bażi ta’ talent tal-Unjoni, jippromwovu l-iżvilupp ta’ ħiliet marbuta mal-innovazzjoni, it-titjib tal-ħiliet maniġerjali u intraprenditorjali u l-mobbiltà ta’ riċerkaturi u studenti, u jrawwmu l-kondiviżjoni tal-għarfien, il-mentoring u n-netwerking fost dawk li jirċievu lawrji u taħriġ tal-EIT;";

(iii)

il-punt (d) jinbidel b’li ġej:

"(d)

attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni u t-tixrid tal-aħjar prassi fis-settur tal-innovazzjoni b'enfasi fuq l-iżvilupp ta' kooperazzjoni bejn l-edukazzjoni għolja, ir-riċerka u n-negozju, inklużi s-setturi finanzjarji u dawk tas-servizzi;";

(iv)

jiżdied il-punt li ġej:

"(e)

it-tfittxija ta' sinerġiji u komplementarjetajiet bejn l-attivitajiet tal-KIC u programmi Ewropej, nazzjonali u reġjonali eżistenti, fejn xieraq;";

(b)

il-paragrafu 2 jinbidel b’dan li ġej:

"2.   Il-KICs għandu jkollhom awtonomija ġenerali sostanzjali biex jiddefinixxu l-organizzazzjoni u l-kompożizzjoni interna tagħhom, kif ukoll l-aġenda preċiża u l-metodi ta' ħidma tagħhom. B’mod partikolari, il-KICs għandhom:

(a)

jistabbilixxu arranġamenti ta' governanza li jirriflettu t-trijangolu tal-għarfien tal-edukazzjoni għolja, ir-riċerka u l-innovazzjoni;

(b)

jimmiraw li jkunu miftuħa għal membri ġodda kull meta dawn iżidu valur għas-sħubija;

(c)

jiffunzjonaw b'mod miftuħ u trasparenti, skont ir-regoli interni tagħhom;

(d)

jistabbilixxu pjanijiet ta' negozju b'objettivi u indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni;

(e)

jiżviluppaw strateġiji għas-sostenibbiltà finanzjarja.".

(6)

L-Artikolu 7 jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:

"1.   Sħubija għandha tiġi magħżula u nominata mill-EIT biex issir KIC fuq proċedura kompetittiva, miftuħa u trasparenti. Kriterji dettaljati għall-għażla tal-KICs, ibbażati fuq il-prinċipji tal-eċċellenza u tar-relevanza għall-innovazzjoni, għandhom jiġu adottati u ppubblikati mill-EIT. Fil-proċess ta' għażla għandhom ikunu involuti esperti esterni u indipendenti.";

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

"1a.   L-EIT għandu jniedi l-għażla u n-nomina tal-KICs skont l-oqsma ta' prijorità u l-iskeda taż-żmien iddefinita fl-Aġenda Strateġika ta' Innovazzjoni (ASI).";

(c)

il-paragrafu 2 jinbidel b’dan li ġej:

"2.   Skont il-prinċipji stabbiliti fil-paragrafu 1, il-kriterji tal-għażla għan-nomina ta' KIC għandha tinkludi fost affarijiet oħra:

(a)

il-kapaċità attwali u potenzjali ta' innovazzjoni, inkluża l-intraprenditorija, fi ħdan is-sħubija kif ukoll l-eċċellenza tagħha fl-edukazzjoni għolja, ir-riċerka u l-innovazzjoni;

(b)

il-kapaċità tas-sħubija li tikseb il-miri tal-ASI u b'hekk tikkontribwixxi lejn l-objettiv u l-prijoritajiet ġenerali ta' Orizzont 2020;

(c)

l-approċċ multidixxiplinari għall-innovazzjoni, inkluża l-integrazzjoni ta' soluzzjonijiet teknoloġiċi, soċjali u mhux teknoloġiċi;

(d)

il-kapaċità tas-sħubija li tiżgura finanzjament sostenibbli u awtosuffiċjenti fuq perijodu ta' żmien twil, inkluż kontribut sostanzjali u li jiżdied mis-settur privat, mill-industrija u mis-servizzi;

(e)

il-parteċipazzjoni b'bilanċ adegwat fis-sħubija ta' organizzazzjonijiet attivi fit-trijanglu tal-għarfien tal-edukazzjoni għolja, ir-riċerka u l-innovazzjoni;

(f)

it-turija ta' pjan għall-ġestjoni ta' proprjetà intellettwali li tkun adatta għas-settur konċernat, inkluż il-mod kif ittieħed kont tal-kontribuzzjonijiet mid-diversi organizzazzjonijiet imsieħba;

(g)

miżuri għall-appoġġ tal-involviment tas-settur privat u tal-kooperazzjoni miegħu, inkluż is-settur finanzjarju u b'mod partikolari l-SMEs, kif ukoll il-ħolqien ta' impriżi ġodda u dawk li qabdu ritmu b'saħħtu u l-SMEs, fid-dawl tal-isfruttament kummerċjali tar-riżultati tal-attivitajiet tal-KICs;

(h)

disponibbiltà sabiex jiġu stabbiliti miżuri konkreti għall-interazzjoni u l-kooperazzjoni mas-setturi pubbliċi u dawk terzi, kif adatt;

(i)

disponibbiltà għall-interazzjoni ma' organizzazzjonijiet u networks oħrajn barra l-KIC bil-għan li tiġi kondiviża l-aħjar prassi u l-eċċellenza;

(j)

disponibbiltà li jiġu stabbiliti proposti konkreti għal sinerġiji ma' inizjattivi tal-Unjoni u oħrajn rilevanti.";

(d)

il-paragrafu 3 jinbidel b’dan li ġej:

"3.   Il-kundizzjoni minima biex tiġi fformata KIC hija l-parteċipazzjoni ta' mill-anqas tliet organizzazzjonijiet imsieħba, stabbiliti f'mill-anqas tliet Stati Membri differenti. Dawn l-organizzazzjonijiet imsieħba kollha jridu jkunu indipendenti minn xulxin fis-sens tal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 1290/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (**)

(**)  Regolament (UE) Nru 1290/2013 tal-11 ta' Diċembru 2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' … li jistabilixxu r-regoli għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni f'-‘Orizzont 2020’ - Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u jirrevoka d-Deċiżjoni Nru 1482/2007/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 81).";"

(e)

il-paragrafu 4 jinbidel b’dan li ġej:

"4.   Minbarra l-kondizzjoni stipulata fil-paragrafu 3, mhux inqas minn żewġ terzi tal-organizzazzjonijiet imsieħba li jiffurmaw KIC għandhom jiġu stabbiliti fl-Istati Membri. Mill-inqas istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja waħda u kumpanija privata waħda għandhom ikunu parti minn kull KIC.";

(f)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

"5.   L-EIT għandu jadotta u jippubblika kriterji u proċeduri għall-finanzjament, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-attivitajiet tal-KICs qabel it-tnedija tal-proċedura ta' għażla għall-KICs il-ġodda. Il-konfigurazzjoni speċjali tar-rappreżentanti tal-Istati Membri fi ħdan il-Forum tal-Partijiet Interessati għandha tiġi infurmata fil-pront dwarhom.".

(7)

Jiżdiedu l-Artikoli li ġejjin:

"Artikolu 7a

Prinċipji għall-evalwazzjoni u l-monitoraġġ tal-KICs

L-EIT għandu, fuq il-bażi tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni stabbiliti, fost l-oħrajn, fir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 u l-ASI, u f'kooperazzjoni tal-Kummissjoni, jorganizza monitoraġġ kontinwu u evalwazzjonijiet esterni minn żmien għal żmien tal-kontribut, ir-riżultati u l-impatt ta' kull KIC. Ir-riżultati ta' tali monitoraġġ u evalwazzjonijiet għandhom jiġu rappurtati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u għandhom jiġu magħmula pubbliċi.

Artikolu 7b

Tul ta’ żmien, kontinwazzjoni u tmiem ta’ KIC

1.   Suġġett għall-eżitu tal-monitoraġġ kontinwu u tal-evalwazzjonijiet minn żmien għal żmien u għall-ispeċifiċitajiet ta' oqsma partikolari, KIC normalment għandu jkollu qafas ta' żmien ta' minn seba' sa ħmistax-il sena.

2.   L-EIT jista' jistabbilixxi ftehim qafas ta' sħubija ma' KIC għal perijodu inizjali ta' seba' snin.

3.   Il-Bord tat-Tmexxija jista' jiddeċiedi li jestendi l-ftehim qafas ta' sħubija ma' KIC lil hinn mill-perijodu inizjali stabbilit, fil-limiti tal-pakkett finanzjarju msemmi fl-Artikolu 19, jekk dan ikun l-aktar mod adatt biex jintlaħqu l-objettivi tal-EIT.

4.   Fil-każ li evalwazzjonijiet ta' KIC juru riżultati inadegwati, il-Bord tat-Tmexxija għandu jieħu l-miżuri adatti inklużi t-tnaqqis, il-modifika jew l-irtirar tal-appoġġ finanzjarju jew it-tmiem tal-ftehim.".

(8)

Fl-Artikolu 8(2), jiddaħħal il-punt li ġej:

"(aa)

ixerrdu l-aħjar prassi dwar kwistjonijiet orizzontali;".

(9)

L-Artikolu 10 huwa mħassar.

(10)

L-Artikolu 13(2) jinbidel b’dan li ġej:

"2.   L-EIT għandu jippubblika r-regoli ta’ proċedura tiegħu, ir-regoli finanzjarji speċifiċi tiegħu msemmija fl-Artikolu 21(1) u l-kriterji dettaljati għall-għażla tal-KICs imsemmija fl-Artikolu 7 qabel ma jinħarġu s-sejħiet għal proposti għall-għażla tal-KICs.".

(11)

L-Artikolu 14 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 jinbidel b’dan li ġej:

"2.   Il-KICs għandhom jiġu finanzjati, b'mod partikolari, mis-sorsi li ġejjin:

(a)

kontribuzzjonijiet minn organizzazzjonijiet imsieħba, bħala sors sostanzjali ta' finanzjament;

(b)

kontribuzzjonijiet volontarji minn Stati Membri, pajjiżi terzi jew awtoritajiet pubbliċi fi ħdanhom;

(c)

kontribuzzjonijiet minn entitajiet jew istituzzjonijiet internazzjonali;

(d)

dħul ġġenerat mill-assi proprji u l-attivitajiet tal-KICs stess u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

(e)

dotazzjonijiet ta' kapital, inklużi dawk ġestiti mill-Fondazzjoni EIT;

(f)

wirt, donazzjonijiet u kontribuzzjonijiet minn individwi, istituzzjonijiet, fondazzjonijiet jew kull entità nazzjonali oħra;

(g)

il-kontribuzzjoni mill-EIT;

(h)

strumenti finanzjarji, inklużi dawk mill-fondi tal-baġit ġenerali tal-Unjoni.

Il-kontribuzzjonijiet jistgħu jinkludu kontribuzzjonijiet in natura.".

(b)

il-paragrafu 4 jinbidel b’dan li ġej:

"4.   Il-kontribuzzjoni tal-EIT lill-KICs tista' tkopri sa 100 % tal-ispejjeż eliġibbli totali tal-attivitajiet ta' valur miżjud tal-KIC".;

(c)

jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

"6.   Il-kontribut tal-EIT m'għandux, bħala medja, jaqbeż il-25 % tal-finanzjament totali tal-KIC.

7.   L-EIT għandu jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ rieżami kompetittiv għall-allokazzjoni ta’ sehem adegwat tal-kontribuzzjoni finanzjarja tiegħu lill-KICs. Dan għandu jinkludi l-valutazzjoni tal-pjanijiet ta' negozju tal-KICs u tal-prestazzjoni kif imkejla minn monitoraġġ kontinwu.".

(12)

L-Artikolu 15 jinbidel b’dan li ġej:

"Artikolu 15

Programmazzjoni u rappurtar

1.   L-EIT għandu jadotta programm triennali progressiv ta' ħidma, ibbażat fuq l-ASI, ladarba tiġi adottata, li fih stqarrija tal-prijoritajiet ewlenin u l-inizjattivi ppjanati tal-EIT u tal-KICs, inkluża stima ta' ħtiġijiet u sorsi finanzjarji. Għandu jkun fih ukoll indikaturi xierqa għall-monitoraġġ tal-attivitajiet tal-KICs u l-EIT, bl-użu ta’ approċċ orjentat lejn ir-riżultati. Il-programm triennali progressiv preliminari ta' ħidma għandu jintbagħat mill-EIT lill-Kummissjoni sal-31 ta' Diċembru tas-sena li tispiċċa sentejn qabel id-dħul fis-seħħ tal-programm ta' ħidma triennali in kwistjoni (is-sena N- 2).

Fi żmien tliet xhur minn meta jiġi ppreżentat il-programm ta' ħidma, il-Kummissjoni għandha tagħti l-opinjoni tagħha dwar l-objettivi speċifiċi tal-EIT kif iddefiniti f'Orizzont 2020 u l-komplementaritajiet mal-politiki u l-istrumenti tal-Unjoni. L-EIT għandu jqis l-opinjoni tal-Kummissjoni u, f'każ ta' nuqqas ta' qbil, jiġġustifika l-pożizzjoni tiegħu. Il-programm ta' ħidma finali għandu jiġi trasmess mill-EIT lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, għall-finijiet ta' informazzjoni. Fuq talba, id-Direttur għandu jippreżenta l-programm ta' ħidma finali lill-kumitat responsabbli fil-Parlament Ewropew.

2.   L-EIT għandu jadotta rapport annwali sat-30 ta' Ġunju ta' kull sena. Ir-rapport għandu jagħti fil-qosor l-attivitajiet immexxija mill-EIT u l-KICs matul is-sena kalendarja ta' qabel u jeżamina r-riżultati fir-rigward tal-objettivi, l-indikaturi u l-iskeda taż-żmien stabbiliti, ir-riskji assoċjati mal-attivitajiet imwettqa, l-użu ta' riżorsi u l-operat ġenerali tal-EIT. L-EIT għandu jibgħat ir-rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u jinformahom tal-anqas darba fis-sena dwar l-attivitajiet tal-EIT, il-kontribut tagħhom għal Orizzont 2020 u għall-politiki u l-objettivi ta' innovazzjoni, riċerka u edukazzjoni tal-Unjoni."

(13)

L-Artikolu 16 jiġi emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, il-kelma "ħamsa" tiġi sostitwita bil-kelma "tlieta";

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

"2a.   Il-Kummissjoni tista' twettaq evalwazzjonijiet oħra dwar temi jew suġġetti ta' rilevanza strateġika, bl-għajnuna ta' esperti indipendenti, biex teżamina l-progress magħmul mill-EIT fir-rigward tal-objettivi stabbiliti, tidentifika l-fatturi li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet u tidentifika l-aħjar prassi. Meta tagħmel dan, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra bis-sħiħ l-impatt amministrattiv fuq l-EIT u l-KICs.".

(14)

L-Artikolu 17 jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 jinbidel b’dan li ġej:

"2.   L-ASI għandha tiddefinixxi l-oqsma prijoritarji u l-istrateġija fit-tul għall-EIT u għandha tinkludi stima tal-impatt soċjoekonomiku tagħha u l-kapaċità tagħha li tiġġenera l-aħjar valur miżjud fir-rigward tal-innovazzjoni. L-ASI għandha tikkunsidra r-riżultati tal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-EIT kif imsemmi fl-Artikolu 16.";

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

"2a.   L-ASI għandha tinkludi analiżi tas-sinerġiji potenzjali u adatti u l-komplementaritajiet bejn l-attivitajiet tal-EIT u inizjattivi, strumenti u programmi oħra tal-Unjoni.";

(c)

il-paragrafu 4 jinbidel b’dan li ġej:

"4.   Filwaqt li jaġixxu fuq proposta mill-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jadottaw l-ASI skont l-Artikolu 173(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.".

(15)

L-Artikolu 19 jinbidel b’dan li ġej:

"Artikolu 19

Impenji Baġitarji

1.   Il-pakkett finanzjarju minn Orizzont 2020 għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament matul il-perijodu mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020 huwa stabbilit għal EUR 2 711,4 miljun fi prezzijiet attwali.

2.   L-ammont għandu jikkostitwixxi r-referenza ewlenija għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill matul il-proċedura baġitarja, fi ħdan it-tifsira tal-punt 17 tal-Ftehim Interistituzzjonali ta' 2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u l-ġestjoni finanzjarja tajba] (***).

3.   L-approprjazzjonijiet annwali għandhom ikunu awtorizzati mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fil-limiti tal-qafas finanzjarju. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-EIT lejn il-KICs għandha tkun ipprovduta minn dan il-pakkett finanzjarju.

(***)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.""

(16)

L-Artikolu 20 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 5 jinbidel b’dan li ġej:

"5.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta l-abbozz tal-istima, flimkien ma' abbozz ta' pjan ta' stabbiliment u l-programm progressiv triennali preliminari ta' ħidma u jgħaddihom lill-Kummissjoni sal-31 ta' Diċembru tas-sena N- 2."

(b)

il-paragrafu 6 jinbidel b’dan li ġej:

"6.   Abbażi tal-istima, il-Kummissjoni għandha ddaħħal, fl-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni, l-istimi li hija tqis meħtieġa għall-ammont tas-sussidju li jrid jiġi addebitat lill-baġit ġenerali.".

(17)

L-Artikolu 21 jiġi emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

"1a.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja lill-EIT għandha tkun implimentata skont ir-Regolament (UE) Nru 1290/2013 u skont ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013."

(b)

il-paragrafu 4 jinbidel b’dan li ġej:

"4.   Fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill, il-Parlament Ewropew għandu, qabel il-15 ta’ Mejju tas-sena N + 2, jagħti kwittanza għas-sena N lid-Direttur fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-EIT.".

(18)

L-Artikolu 22(4) huwa mħassar.

(19)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

"Artikolu 22a

Xoljiment tal-EIT

Fil-każ tax-xoljiment tal-EIT, il-likwidazzjoni tiegħu għandha sseħħ taħt is-superviżjoni tal-Kummissjoni skont il-liġijiet applikabbli. Il-ftehimiet mal-KICs u l-att li jistabbilixxi l-Fondazzjoni tal-EIT għandhom jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet adegwati f'tali sitwazzjoni.".

Artikolu 2

L-Anness għar-Regolament (KE) Nru 294/2008 għandu jinbidel bl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-11 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

V. LEŠKEVIČIUS


(1)  ĠU C 181, 21.6.2012, p. 122.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Novembru 2013 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-ĠU)

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' 11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 - Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) (Ara paġna 104 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1290/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta'11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni u t-tixrid f'"Orizzont 2020" - Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020), (Ara paġna 81 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(5)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(6)  Ir-Regolament (KE) Nru 294/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2008 li jistabbilixxi l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (ĠU L 97, 9.4.2008, p. 1).


ANNESS

Statuti tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija

TAQSIMA 1

KOMPOŻIZZJONI TAL-BORD TAT-TMEXXIJA

1.

Il-Bord tat-Tmexxija għandu jkun magħmul kemm minn membri maħtura kif ukoll minn rappreżentanti.

2.

Għandu jkun hemm 12-il membru maħtur, b'ħatra mill-Kummissjoni, li fosthom ikun hemm bilanċ bejn dawk b'esperjenza fin-negozju, fl-edukazzjoni għolja u fir-riċerka. Dawn għandu jkollhom mandat ta’ erba' snin li ma jiġġeddidx.

Fejn meħtieġ, il-Bord tat-Tmexxija għandu jibgħat lill-Kummissjoni proposta għall-ħatra ta' membru(i) ġdid(ġodda). Il-kandidat(i) għandu jintgħażel (għandhom jintgħażlu) abbażi tar-riżultat ta' proċedura trasparenti u miftuħa li tinvolvi l-konsultazzjoni tal-partijiet interessati.

Il-Kummissjoni għandha żżomm kont tal-bilanċ bejn l-esperjenza fl-edukazzjoni għolja, fir-riċerka, fl-innovazzjoni u fin-negozju kif ukoll tal-bilanċ bejn is-sessi u dak ġeografiku u għandha tapprezza l-ambjenti tal-edukazzjoni għolja, ir-riċerka u l-innovazzjoni madwar l-Unjoni.

Il-Kummissjoni għandha taħtar il-membru(i) u tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-proċess tal-għażla u tal-ħatra finali ta’ dawk il-membri tal-Bord tat-Tmexxija.

F'każ li membru maħtur ma jkunx jista' jibqa' sat-tmiem tal-mandat tiegħu/tagħha, għandu jinħatar membru sostitut permezz tal-istess proċedura bħal dik tal-membru li ma jistax ikompli l-mandat sabiex iwettaq sat-tmiem il-mandat ta' dan tal-aħħar. Membru sostitut li jkun serva għal perijodu ta' inqas minn sentejn jista' jinħatar mill-ġdid mill-Kummissjoni għal perijodu addizzjonali ta' erba' snin fuq talba tal-Bord tat-Tmexxija.

Matul perijodu tranżitorju, il-membri tal-Bord maħtura inizjalment għal perijodu ta' sitt snin għandhom jaslu sa tmiem il-mandat tagħhom. Sa dak in-nhar għandu jkun hemm 18-il membru maħtur. Fi żmien sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, terz mit-tnax-il membru maħtur fl-2012 għandu jintgħażel mill-Bord tat-Tmexxija bl-approvazzjoni tal-Kummissjoni biex iservi għal perijodu ta' sentejn, terz għal perijodu ta' erba' snin u terz għal perijodu ta' sitt snin.

Il-Kummissjoni tista', f'ċirkostanzi eċċezzjonali u ġustifikati kif dovut, bil-ħsieb li tippreserva l-integrità tal-Bord tat-Tmexxija, twaqqaf il-mandat ta' membru tal-Bord fuq inizjattiva tagħha stess.

3.

Għandu jkun hemm tliet membri rappreżentattivi eletti mill-KICs minn fost l-organizzazzjonijiet imsieħba. Dawn għandu jkollhom mandat ta’ sentejn, li jista’ jiġġedded darba. Il-mandat tagħhom jintemm jekk ma jibqgħux mal-KIC.

Il-kundizzjonijiet u l-proċeduri għall-elezzjoni u s-sostituzzjoni tal-membri rappreżentattivi għandhom jiġu approvati mill-Bord tat-Tmexxija abbażi ta' proposta mid-Direttur. Dan il-mekkaniżmu għandu jiżgura rappreżentanza xierqa tad-diversità u għandu jżomm kont tal-evoluzzjoni tal-KICs.

Matul perijodu tranżitorju, il-membri rappreżentanti inizjalment eletti għal perijodu ta' tliet snin għandhom jaslu sa tmiem il-mandat tagħhom. Sa dakinhar għandu jkun hemm erba' membri rappreżentanti.

4.

Il-membri tal-Bord tat-Tmexxija għandhom jaġixxu fl-interess tal-EIT, jissalvagwardjaw il-miri u l-missjoni, l-identità, l-awtonomija u l-koerenza tiegħu b'mod indipendenti u trasparenti.

TAQSIMA 2

RESPONSABBILTAJIET TAL-BORD TAT-TMEXXIJA

Il-Bord tat-Tmexxija għandu jieħu deċiżjonijiet strateġiċi meħtieġa, b'mod partikolari:

(a)

jadotta l-Aġenda Strateġika ta' Innovazzjoni (ASI) tal-EIT, il-programm progressiv triennali ta' ħidma, il-baġit, il-kontijiet annwali u l-karta tal-bilanċ u r-rapport annwali tal-attivitajiet abbażi ta' proposta mid-Direttur;

(b)

jadotta kriterji u proċeduri għall-finanzjament, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-attivitajiet tal-KICs, abbażi ta' proposta mid-Direttur;

(c)

jadotta l-proċedura ta' għażla tal-KICs;

(d)

jagħżel u jaħtar sħubija bħala KIC jew jirtira l-ħatra fejn opportun;

(e)

jiżgura evalwazzjoni kontinwa tal-attivitajiet tal-KICs;

(f)

jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu, dawk għall-Kumitat Eżekuttiv, kif ukoll ir-regoli finanzjarji speċifiċi tal-EIT;

(g)

jiddefinixxi, bil-qbil tal-Kummissjoni, l-onorarji xierqa għall-membri tal-Bord tat-Tmexxija u tal-Kumitat Eżekuttiv; dawn l-onorarji għandhom jitqabblu ma' remunerazzjoni simili fl-Istati Membri;

(h)

jadotta proċedura għall-għażla tal-Kumitat Eżekuttiv u tad-Direttur;

(i)

jaħtar u jekk meħtieġ ineħħi mill-kariga lid-Direttur, u jeżerċita awtorità dixxiplinari fuqu/fuqha;

(j)

jaħtar l-Uffiċjal tal-Kontabilità u l-membri tal-Kumitat Eżekuttiv;

(k)

jadotta kodiċi ta’ mġiba tajba dwar il-kunflitti ta’ interess;

(l)

jistabbilixxi, fejn xieraq, gruppi konsultattivi li jista’ jkollhom mandat definit;

(m)

jistabbilixxi Funzjoni ta' Awditjar Intern skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 (1);

(n)

ikollu s-setgħa li jistabbilixxi Fondazzjoni bl-objettiv speċifiku tal-promozzjoni u l-appoġġ tal-attivitajiet tal-EIT;

(o)

jiddeċiedi dwar il-politika lingwistika tal-EIT filwaqt li jqis il-prinċipji eżistenti dwar il-multilingwiżmu u r-rekwiżiti prattiċi tal-operat tiegħu;

(p)

jippromwovi l-EIT globalment, sabiex iżid l-attrattività tiegħu u jagħmlu entità ta' klassi dinjija għall-eċċellenza fl-edukazzjoni għolja, ir-riċerka u l-innovazzjoni.

TAQSIMA 3

FUNZJONAMENT TAL-BORD TAT-TMEXXIJA

1.

Il-Bord tat-Tmexxija għandu jeleġġi l-President tiegħu minn fost il-membri maħtura. Il-mandat tal-President għandu jkun għal sentejn, li jista’ jiġġedded darba.

2.

Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta deċiżjonijiet b'maġġoranza sempliċi tal-membri li għandhom id-dritt tal-vot.

Madankollu, id-deċiżjonijiet li jaqgħu taħt il-punti (a), (b), (c), (i) u (o) tat-Taqsima 2, u taħt il-paragrafu 1 ta' din it-Taqsima għandhom jeħtieġu maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tiegħu li għandhom id-dritt li jivvutaw.

3.

Il-membri rappreżentanti ma jistgħux jivvotaw dwar id-deċiżjonijiet taħt il-punti (b), (c), (d), (e), (f), (g) (i), (j), (k), (o) u (p) tat-Taqsima 2.

4.

Il-Bord tat-Tmexxija għandu jiltaqa' f'sessjoni ordinarja mill-anqas tliet darbiet fis-sena u f'sessjoni straordinarja meta jitlaqqa' mill-President tiegħu jew fuq talba ta' mill-anqas terz tal-membri kollha tiegħu.

5.

Il-Bord tat-Tmexxija għandu jkun megħjun mill-Kumitat Eżekuttiv. Il-Kumitat Eżekuttiv għandu jkun magħmul minn tliet membri maħtura u l-President tal-Bord tat-Tmexxija, li għandu jippresiedi wkoll il-Kumitat Eżekuttiv. It-tliet membri apparti l-President għandhom jintgħażlu mill-Bord tat-Tmexxija minn fost il-membri maħtura tal-Bord tat-Tmexxija. Il-Bord tat-Tmexxija jista' jiddelega kompiti speċifiċi lill-Kumitat Eżekuttiv.

TAQSIMA 4

ID-DIRETTUR

1.

Id-Direttur għandu jkun persuna ta' kompetenza u reputazzjoni għolja fl-oqsma li fihom jopera l-EIT. Id-Direttur għandu jinħatar mill-Bord tat-Tmexxija għal mandat ta’ erba’ snin. Il-Bord tat-Tmexxija jista’ jestendi dak il-mandat darba b’perijodu ta' erba’ snin meta jqis li l-interessi tal-EIT jinqdew aħjar jekk isir hekk.

2.

Id-Direttur għandu jkun responsabbli għall-operazzjonijiet u l-amministrazzjoni ta' kuljum tal-EIT u għandu jkun ir-rappreżentant ġuridiku tiegħu. Id-Direttur għandu jagħti rendikont lill-Bord tat-Tmexxija u jirrapporta lilu fuq bażi kontinwa dwar l-iżvilupp tal-attivitajiet tal-EIT.

3.

Id-Direttur għandu b'mod partikolari:

(a)

jorganizza u jmexxi l-attivitajiet tal-EIT;

(b)

jgħin lill-Bord tat-Tmexxija u lill-Kumitat Eżekuttiv f’ħidmiethom, jipprovdi s-segretarjat għal-laqgħat tagħhom u jipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa għat-twettiq ta' dmirijiethom;

(c)

iħejji abbozz tal-ASI, programm progressiv preliminari u triennali ta' ħidma, l-abbozz tar-rapport annwali u l-abbozz tal-baġit annwali biex jiġu ppreżentati lill-Bord tat-Tmexxija;

(d)

iħejji u jamministra l-proċedura tal-għażla għall-KICs u jiżgura li d-diversi stadji ta' dak il-proċess jitwettqu b'mod trasparenti u oġġettiv;

(f)

iħejji, jinnegozja u jikkonkludi ftehimiet kuntrattwali mal-KICs;

(f)

jorganizza l-Forum tal-Partijiet Interessati, inkluża l-konfigurazzjoni speċjali tar-rappreżentanti tal-Istati Membri;

(g)

jiżgura l-implimentazzjoni ta' proċeduri effikaċi ta' monitoraġġ u evalwazzjoni fir-rigward tal-prestazzjoni tal-EIT skont l-Artikolu 16 ta' dan ir-Regolament;

(h)

ikun responsabbli għal kwistjonijiet amministrattivi u finanzjarji, fosthom l-implimentazzjoni tal-baġit tal-EIT, wara li jittieħed kont tal-parir mogħti mill-Funzjoni ta’ Awditjar Intern;

(i)

ikun responsabbli għall-kwistjonijiet kollha tal-persunal;

(j)

jippreżenta l-abbozz tal-kontijiet annwali u l-karta tal-bilanċ lill-Funzjoni ta' Awditjar Intern, u sussegwentement lill-Bord tat-Tmexxija, permezz tal-Kumitat Eżekuttiv;

(k)

jiżgura li jitwettqu l-obbligi tal-EIT fir-rigward tal-kuntratti u l-ftehimiet konklużi minnu;

(l)

jiżgura komunikazzjoni effettiva mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni;

(m)

jaġixxi fl-interess tal-EIT, jissalvagwardja l-miri u l-missjoni, l-identità, l-awtonomija u l-koerenza tiegħu b'mod independenti u trasparenti.

TAQSIMA 5

IL-PERSUNAL TAL-EIT

1.

Il-persunal tal-EIT għandu jkun magħmul minn persuni impjegati direttament mill-EIT taħt kuntratti b'terminu fiss. Il-kundizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Unjoni Ewropea għandhom japplikaw għad-Direttur u għall-persunal tal-EIT.

2.

Jistgħu jiġu ssekondati esperti, għal perijodu limitat, mal-EIT. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta dispożizzjonijiet li jippermettu lill-esperti ssekondati jaħdmu mal-EIT u jiddefinixxi d-drittijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom.

3.

L-EIT għandu jeżerċita, fir-rigward tal-persunal tiegħu, is-setgħat mogħtija lill-awtorità awtorizzata li tikkonkludi l-kuntratti mal-persunal tiegħu.

4.

Jista' jiġi meħtieġ minn membru tal-persunal li jagħmel tajjeb għal kwalunkwe ħsara, kompletament jew parzjalment, imġarrba mill-EIT bħala riżultat ta' kondotta serjament skorretta min-naħa tiegħu/tagħha matul il-qadi ta' dmirijietu/ha jew b’rabta mal-qadi ta' dmirijietu/ha.


(1)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tat-23 ta' Diċembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72).