6.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 326/37


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1266/2013

tal-5 ta’ Diċembru 2013

li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Holsteiner Tilsiter (IĠP)]

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u partikolarment l-Artikolu 52(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 ħassar u ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (2).

(2)

Skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, it-talba tal-Ġermanja biex id-denominazzjoni “Holsteiner Tilsiter” tiddaħħal fir-reġistru ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3).

(3)

L-assoċjazzjonijiet Dairy Awstralja Limited, Dairy Companies Association of New Zealand, kif ukoll il-Konsorzju għal Common Food Names, iddikjaraw ruħhom bħala kontra din ir-reġistrazzjoni b’konformità mas-subparagrafu b) tal-Artikolu 7(3)(b) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006. Dawn l-oġġezzjonijiet tqiesu bħala ammissibbli skont l-Artikolu 7(3) ta’ dak ir-Regolament.

(4)

B’mod partikolari, fil-qafas tal-oġġezzjonijiet imsemmija hawn fuq, huwa enfasizzat li r-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni in kwistjoni tmur kontra l-eżistenza ta’ denominazzjonijiet, ta’ marki kummerċjali jew prodotti li jkunu ilhom legalment fis-suq mill-inqas ħames snin qabel id-data tal-pubblikazzjoni prevista fl-Artikolu 6(2), u li d-denominazzjoni proposta għar-reġistrazzjoni tkun ġenerika.

(5)

B’ittra tal-2 ta’ Mejju 2013, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jibdew il-konsultazzjonijiet rilevanti.

(6)

Intlaħaq ftehim bejn il-Ġermanja u l-persuni li oġġezzjonaw fil-perjodu perentorju ta’ tliet xhur, liema ftehim ġie nnotifikat lill-Kummissjoni fis-16 ta’ Lulju 2013,

(7)

Mill-konsultazzjonijiet imsemmija hawn fuq, jirriżulta li t-tħassib ewlieni tal-persuni li oġġezzjonaw jikkonċerna l-istatus tat-termini “Tilsit” u “Tilsiter” biss, u dan tal-aħħar kien parti mid-denominazzjoni komposta “Holsteiner Tilsiter”. Il-ħarsien mitlub mill-produttur jipprevedi biss id-denominazzjoni msemmija kollha kemm hi. B’konformità mal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, id-denominazzjonijiet “Tilsit” u “Tilsiter” jistgħu jkomplu jintużaw fi ħdan it-territorju tal-Unjoni, sakemm il-prinċipji u r-regoli applikabbli fl-ordni legali tal-Unjoni jitħarsu.

(8)

Għaldaqstant, id-denominazzjoni “Holsteiner Tilsiter” għandha tiddaħħal fir-reġistru ta’ denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-denominazzjoni msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament hija b’dan irreġistrata.

Minkejja l-ewwel paragrafu, l-ismijiet “Tilsit” u “Tilsiter” jistgħu jkomplu jintużaw fi ħdan it-territorju tal-Unjoni, sakemm il-prinċipji u r-regoli applikabbli fl-ordni legali tagħha jitħarsu.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)   ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.

(3)   ĠU C 288, 25.9.2012, p. 9.


ANNESS

Prodotti agrikoli maħsuba għall-konsum mill-bniedem elenkati fl-Anness I tat-Trattat:

Klassi 1.3.   Ġobnijiet

IL-ĠERMANJA

Holsteiner Tilsiter (IĠP)