3.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 322/8


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1229/2013

tat-28 ta’ Novembru 2013

dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda mehmuża mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, huwa neċessarju li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ma' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi fuqha, jew li żżid kwalunkwe subdiviżjoni magħha u li hija stabbilita b’dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan tal-applikazzjoni ta’ tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-prodotti msemmija fil-kolonna (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi tan-NM indikati fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' din it-tabella.

(4)

Huwa xieraq li jiġi pprovdut li informazzjoni tariffarja vinkolanti maħruġa fir-rigward tal-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament li ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament tista’, għal ċertu perjodu, tibqa’ tiġi invokata mid-detentur skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (2). Dak il-perjodu għandu jiġi stabbilit għal tliet xhur.

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness għandhom ikunu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi tan-NM indikati fil-kolonna (2) ta' din it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni tariffarja vinkolanti li ma tkunx tikkonforma ma’ dan ir-Regolament tista’ tibqa’ tiġi invokata skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 għal perjodu ta’ tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Novembru 2013.

Għall-Kummissjoni, F'isem il-President,

Algirdas ŠEMETA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi - NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Il-prodott jikkonsisti minn pjattaforma tal-injam (bil-kejl ta' madwar 40 b'40 cm) il-wiċċ u t-truf tagħha huma mgħottija minn drapp minsuġ miksi bil-feltru ta' fibri sintetiċi (polipropelin). In-naħa ta' wara tad-drapp huwa magħmul minn plastik ċellulari.

Fiċ-ċentru tal-pjattaforma, hemm tubu b'60cm għoli magħmul mill-kartun, b'għatu fuq iż-żewġ truf. L-għatu fil-qiegħ huwa magħmul minn plastik iebes, u hemm vit li jgħaddi minn ġol-pjattaforma tal-injam fl-għatu tal-plastik biex il-pjattaforma teħel mat-tubu. L-għatu tal-wiċċ huwa magħmul minn parti tonda tal-materjal tal-pjattaforma tal-injam b'dijametru ta' madwar 12cm u li huwa mgħotti minn drapp tal-pil minsuġ (filpa magħmula minn 60% ta' poliakril u 40% poliester).

It-tubu huwa mgħotti minn tapit tas-sisal imwaħħal bil-kolla u ffissat bl-istejpils. It-tapit tas-sisal għandu l-parti ta' wara magħmula minn kisi tal-lattiċe applikat fuq id-drapp minsuġ ta' fibri veġetali mibrumin tas-sisal (ara r-ritratt nru 668B). Kull spaga minsuġa tal-fibri tas-sisal għandha tul ta' aktar minn 20 000 decitex.

(Ara ritratti nri 668A u 668B) (*)

6307 90 98

Il-klassifikazzjoni hija stabbilita bid-dispożizzjonijiet tar-regoli ġenerali 1, 3(b) u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Maqgħuda (GIR) bin-nota 7(f) tat-Taqsima XI u mill-kliem tal-Kodiċijiet NM 6307 , 6307 90  u 6307 90 98 .

Minħabba l-karatteristiċi oġġettivi tiegħu, il-prodott huwa wieħed għall-qtates u huma mfassal biex jattira l-qtates u biex iżommhom 'il bogħod mill-għamara li kieku jigirfu jew joqogħdu fuqha.

Il-klassifikazzjoni bħala għamara taħt l-intestatura 9403 hija eskluża minħabba li din l-intestatura tkopri prodotti ta' natura differenti li jintużaw għal djar privati, lukandi, uffiċċji, skejjel, knejjes, ħwienet, laboratorji, eċċ. (ara wkoll in-Noti ta' Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata (NSSA) għall-intestatura 9403 tan-NS).

Il-klassifikazzjoni bħala ġugarelli taħt l-intestatura 9503 hija wkoll eskluża għax il-prodott huwa identifikabbli bħala maħsub esklussivament għall-annimali u għalhekk mhuwiex kopert mill-intestatura skont in-nota 5 tal-Kapitolu 95.

Il-materjal tat-tessuti huwa essenzjali biex jattira l-qtates (e.ż. biex jigirfu d-dwiefer tagħhom fuqu, ipoġġu fuqu u jilagħbu bih) u konsegwentament essenzjali għall-użu tal-prodott bħala faċilità għall-qtates biex jigirfu u jilagħbu. Għalhekk, huwa l-materjal tat-tessuti (mhux l-injam, il-kartun jew il-plastik) li jagħti lill-prodott il-karattru essenzjali tiegħu fit-tifsira tal-GIR 3(b).

Il-fibri tas-sisal tal-intestatura 5305 ġew mibruma fi twine tal-intestatura 5607  fit-tifsira tan-nota 3(A)(e) tat-Taqsima XI tan-NM (ara wkoll in-NSSA għall-intestatura 5305 , l-ewwel paragrafu, u d-distinzjoni bejn ħajt u spag fit-tabella I, tip: tal-fibri veġetali l-oħrajn, fin-NSSA tat-Taqsima XI, Ġenerali, (1)(B)(2)).

Madankollu, id-drapp tas-sisal minsuġ ma jistax jiġi klassifikat fl-intestatura 5609 bħala prodott ta' spag, minħabba li din l-intestatura ma tkoprix prodotti ta' tessuti koperti minn intestatura aktar speċifika għad-drappijiet tat-tessuti bħall-intestatura 6307 (ara wkoll in-NSSA għall-intestatura 5609 , l-ewwel paragrafu u t-tielet paragrafu, punt (c)).

La t-tapit tas-sisal u lanqas id-drapp minsuġġ miksi bil-feltru ta' fibri sintetiċi bil-ksja tiegħu ta' plastik ċellulari ma jistgħu jiġu kklassifikati fil-Kapitolu 57 fit-tifsira tan-nota 1 għal dak il-Kapitolu billi dawk il-materjali huma parti minn oġġett biex il-qattus joqgħod jigref u li ma għandux fini ta' għamara (ara wkoll in-NSSA għall-Kapitolu 57, Ġenerali, l-ewwel paragrafu).

Konsegwentament, prodott magħmul minn drapp tas-sisal minsuġ, drapp bil-pil minsuġ, u drapp minsuġġ miksi bil-feltru u fibri sintetiċi, għandu jiġi klassifikat taħt l-intestatura 6307 .

Għalhekk il-prodott għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi tan-NM 6307 90 98 , bħala "prodott ieħor magħmul mit-tessutti".


Image

Image


(*)  Ir-ritratti huma għall-għan ta’ informazzjoni biss.