3.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 322/6


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1228/2013

tat-28 ta’ Novembru 2013

dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, huwa meħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ma' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi fuqu, jew li żżid kwalunkwe subdiviżjoni magħha u li hija stabbilita b’dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan tal-applikazzjoni tat-tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-prodotti msemmija fil-kolonna (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi tan-NM indikati fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' din it-tabella.

(4)

Huwa xieraq li jiġi pprovdut li informazzjoni tariffarja vinkolanti maħruġa fir-rigward tal-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament li ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament tista’, għal ċertu perjodu, tibqa’ tiġi invokata mid-detentur skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (2). Dan il-perjodu għandu jkun ta’ tliet xhur.

(5)

Il-Kumitat tal-Kodiċi Doganali ma ħariġx opinjoni fil-limitu ta' żmien stipulat mill-President tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness għandhom ikunu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi tan-NM indikati fil-kolonna (2) ta' din it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni tariffarja vinkolanti li ma tkunx tikkonforma ma’ dan ir-Regolament tista’ tibqa’ tiġi invokata skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 għal perjodu ta’ tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi-Brussell, it-28 ta’ Novembru 2013.

Għall-Kummissjoni, F'isem il-President,

Algirdas ŠEMETA

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1):


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi-NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Il-prodott huwa forma ta' kaxxa rettangolari magħmula minn kartun solidu b’wiċċ estern ta’ folji tal-plastik mhux aktar minn nofs il-ħxuna totali.

Il-kaxxa hija mibnija bħal kaxxetta li għandha kexxun uniku li joħroġ 'il barra minn ġewwa l-kaxxa u li huwa mfassal biex juri flixkun meta tinfetaħ il-kaxxa.

Il-kexxun huwa magħmul biex iżomm flixkun tal-inbid ta’ dimensjonijiet speċifiċi. Fuq in-naħa ta’ ġewwa tal-kexxun hemm buttuna ċirkolari mwaħħla ma' ħajt wieħed u struttura f'forma ta' ċurkett imwaħħla mal-ħajt ta' faċċata. L-istruttura f'forma ta' ċurkett hija mfassla biex tagħlaq il-parti ta' fuq tal-flixkun u l-buttuna ċirkolari biex titwaħħal fil-parti l-vojta fil-qiegħ tal-flixkun.

Barra minn hekk, ġewwa l-kexxun hemm but żgħir tal-kartonċin imwaħħal mal-ħajt tal-ġenb biex iżżomm fuljett. (*1)

4202 92 19

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-Regoli Ġenerali 1, u 6 għall-interpretazzjoni tan-nota 2(h) għall-Kapitolu 48 tan-Nomenklatura Magħquda u l-kliem tal-kodiċijiet NM 4202 , 4202 92  u 4202 92 19 .

Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 4819 bħala kaxxa tal-kartun hija eskluża, minħabba li l-oġġett mhuwiex biss sempliċi kaxxa tal-kartun ta’ dik l-intestatura iżda, minħabba d-disinn tiegħu, is-solidità tiegħu, il-folji tal-plastik u l-istruttura interna biex takkomoda flixkun ta’ dimensjonijiet speċifiċi, huwa rikonoxxibbli bħala bottle-case tal-kartun u folji tal-plastik, koperti mit-tieni parti tat-test tal-intestatura 4202 ..

Għaldaqstant l-oġġett għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi tan-NM 4202 92 19 bħala "bottle-case".

Image 1

(*1)  Ir-ritratt huwa għal skopijiet ta' tagħrif biss.