27.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 316/6


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1204/2013

tal-25 ta’ Novembru 2013

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 798/2008 fir-rigward tal-annotazzjoni tar- Repubblika tal-Maldova fil-listi tal-pajjiżi terzi li minnhom ċertu laħam, prodotti tal-laħam, bajd u prodotti tal-bajd jistgħu jiġu introdotti fl-Unjoni

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE tas-16 ta’ Diċembru 2002 li tistabbilixxi r-regoli sanitarji għall-annimali u li jiddeterminaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum uman (1), u b’mod partikolari l-frażi introduttorja tal-Artikolu 8, l-ewwel subparagrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 8 u l-punt 4 tal-Artikolu 8 tagħha,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2002/99/KE tistabbilixxi r-regoli sanitarji ġenerali għall-annimali u li jirregolaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni fl-Unjoni u l-intoduzzjoni minn pajjiżi terzi ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum uman tistipola għall-istabbiliment ta’ regoli speċifiċi u ċertifikazzjoni għat-tranżitu.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 798/2008 tat-8 ta’ Awwissu 2008 li jistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi, territorji, żoni jew kumpartimenti li minnhom jistgħu jiġu impurtati u jsir tranżitu ta’ tjur u prodotti tat-tjur fil-Komunità u r-rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni veterinarja (3) jistabbilixxi li ċerti prodotti għandhom jiġu impurtati fi jew jgħaddu fi tranżitu mill-Unjoni biss minn pajjiżi terzi, territorji, żoni jew kumpartimenti elenkati fit-tabella li tinsab fil-Parti 1 tal-Anness I ttiegħu. Dan ir-Regolament jistipula wkoll ir-rekwiżiti ta’ ċertfikazzjoni veterinarja għal dawn il-prodotti. Dawk ir-rekwiżiti jqisu wkoll jekk ġewx mitluba garanziji addizzjonali minħabba l-istatus tal-mard ta’ dawk il-pajjiżi terzi, territorji, żoni jew kumpartimenti. Il-garanziji addizzjonali li magħhom iridu jkunu konformi dawk il-prodotti huma elenkati fil-Parti 2 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 798/2008.

(3)

Ir-Repubblika tal-Moldova hija elenkata fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/163/UE tas-16 ta’ Marzu 2011 dwar l-approvazzjoni tal-pjanijiet sottomessi mill-pajjiżi terzi skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva tal-Kunsill 96/23/KE (4) u għandha pjan ta’ monitoraġġ tar-residwi approvat għall-bajd

(4)

Ir-Repubblika tal-Moldova talbet lill-Kummissjoni biex tkun awtorizzata għall-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ prodotti tal-bajd u ressqet l-informazzjoni rilevanti. It-trattament termali applikat għal prodotti tal-bajd jnaqqas il-potenzjal tar-riskji tas-saħħa tal-annimali ta’ dawn il-prodotti għal livell negliġibbli. Għalhekk, huwa xieraq li dak il-pajjiż terz jiġi inkluż fil-lista stipulata fil-Parti 1 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 798/2008.

(5)

Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 798/2008 għandu jiġi emendat skont dan.

(6)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 798/2008 għandu jiġi emendat skont l-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Novembru 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11.

(2)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206.

(3)  ĠU L 226, 23.8.2008, p. 1.

(4)  ĠU L 70, 17.3.2011, p. 40.


ANNESS

Fil-Parti 1 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 798/2008 l-entrata għar-Repubblika tal-Moldova tiddaħħal wara l-entrata “KR — Ir-Repubblika tal-Korea”:

“MD — Ir-Repubblika tal-Moldova

MD-0

Il-pajjiż kollu

EP”