|
26.11.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 315/2 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 1194/2013
tad-19 ta’ Novembru 2013
li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Arġentina u l-Indoneżja
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet iddampjati minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1), (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,
Billi:
A. PROĊEDURA
1. Miżuri provviżorji
|
(1) |
Fis-27 ta’ Mejju 2013 il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) iddeċidiet li timponi dazju antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ bijodiżil li joriġinaw mill-Arġentina u mill-Indoneżja (“il-pajjiżi kkonċernati”) bir-Regolament (UE) Nru 490/2013 (2) (“ir-Regolament provviżorju”). |
|
(2) |
Il-proċediment beda wara lment li ġie ppreżentat fid-29 ta’ Awwissu 2012 (3) f’isem il-produtturi tal-UE (“il-kwerelanti”), li jirrappreżentaw aktar minn 60 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tal-bijodiżil. |
|
(3) |
Kif stipulat fil-premessa (5) tar-Regolament provviżorju, l-investigazzjoni ta’ dumping u ħsara kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2011 sat-30 ta’ Ġunju 2012 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni” jew il-“PI”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-evalwazzjoni tal-ħsara kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2009 sa tmiem il-PI (il-“perjodu kkunsidrat”). |
2. Il-proċedura sussegwenti
|
(4) |
Wara li ġew żvelati l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali, li abbazi tagħhom ġie deċiż li jkun impost dazju provviżorju tal-antidumping (“żvelar provviżorju”), għadd ta’ partijiet interessati ressqu sottomissjonijiet bil-miktub li bihom urew il-fehmiet tagħhom dwar is-sejbiet provviżorji. Il-partijiet li għamlu din it-talba ngħataw opportunità li jinstemgħu. |
|
(5) |
Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li dehrilha li kienet meħtieġa għas-sejbiet definittivi tagħha. Il-kummenti verbali u bil-miktub ippreżentati mill-partijiet interessati tqiesu u, fejn xieraq, is-sejbiet provviżorji ġew immodifikati skont dan. |
|
(6) |
Sussegwentement, il-partijiet kollha ġew mgħarrfa bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom ġie intiż li tiġi rrikmandata l-impożizzjoni ta’ dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw fl-Arġentina u l-Indoneżja u l-ġbir definittiv tal-ammonti garantiti permezz tad-dazju provviżorju (“l-iżvelar definittiv”). Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li fih setgħu jagħmlu kummenti dwar l-iżvelar finali. |
|
(7) |
Il-kummenti kollha ppreżentati mill-partijiet interessati ġew ikkunsidrati u indirizzati fejn kien xieraq. |
B. IT-TEĦID TA’ KAMPJUNI
|
(8) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti li jindirizzaw il-kampjun tal-produtturi esportaturi mill-Arġentina u mill-Indoneżja, is-sejbiet provviżorji fil-premessi minn (10) sa (14) u minn (16) sa (20) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati. |
|
(9) |
Parti interessata talbet aktar informazzjoni dwar kemm il-kampjun ta’ produtturi tal-Unjoni huwa rappreżentattiv, kemm fl-istadju ta’ għażla provviżorja kif stipulat fil-premessa (23) tar-Regolament provviżorju kif ukoll fl-istadju ta’ għażla finali kif stipulat fil-premessa (83) tar-Regolament provviżorju. |
|
(10) |
Il-kampjun tal-produtturi tal-Unjoni magħżul b’mod provviżorju kien jikkonsisti minn 32,5 % tal-produzzjoni tal-bijodiżil fl-Unjoni matul il-PI. Wara l-bidliet spjegati fil-premessa (24) tar-Regolament provviżorju l-kampjun finali kien jikkonsisti minn tmien kumpaniji li jkopru 27 % tal-produzzjoni tal-Unjoni. Għalhekk, il-kampjun xorta kien ikkunsidrat bħala rappreżentattiv tal-industrija tal-Unjoni. |
|
(11) |
Parti interessata waħda ddikjarat li żewġ produtturi tal-Unjoni li ġew magħżula għandhhom jitneħħew mill-kampjun minħabba r-relazzjoni tagħhom mal-produtturi esportaturi Arġentini. L-allegata rabta kienet eżaminata qabel l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji u l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni kienu diġà ppubblikati fil-premessa (82) tar-Regolament provviżorju. |
|
(12) |
Ir-rabtiet allegati kollha bejn il-produtturi esportaturi Arġentini u ż-żewġ kumpaniji fil-kampjun imsemmija hawn fuq ġew eżaminati mill-ġdid, u ma nstabet l-ebda rabta diretta bejniethom tali li kwalunkwe wieħed mill-produttur tal-Unjoni għandu jitneħħa mill-kampjun. Il-kampjun għalhekk baqa’ ma nbidilx. |
|
(13) |
Parti interessata oħra affermat li l-proċedura tal-Kummissjoni għall-għażla ta’ kampjun tal-produtturi tal-Unjoni kienet difettuża, għaliex il-Kummissjoni pproponiet kampjun qabel il-bidu tal-investigazzjoni. |
|
(14) |
Dik il-pretensjoni ma ntlaqgħetx. Kien wara l-bidu tal-investigazzjoni li l-Kummissjoni għażlet il-kampjun finali, u f’konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku. |
|
(15) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe pretensjoni jew kummenti oħra, il-kontenut tal-premessi minn (22) sa (25) tar-Regolament provviżorju huwa b’dan ikkonfermat. |
C. IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI
1. Introduzzjoni
|
(16) |
Kif stabbilit fil-premessa (29) tar-Regolament provviżorju, il-prodott ikkonċernat kif definit b’mod provviżorju huma l-esteri monoalkiliċi tal-aċidi xaħmin u/jew żjut tal-gass paraffiniċi miksuba minn sinteżi u/jew trattament idriku, ta’ oriġini mhux mill-fossili, f’forma pura jew kif inklużi f’taħlita li toriġina mill-Arġentina u mill-Indoneżja, prodott li attwalment jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 1516 20 98 , ex 1518 00 91 , ex 1518 00 95 , ex 1518 00 99 , ex 2710 19 43 , ex 2710 19 46 , ex 2710 19 47 , 2710 20 11 , 2710 20 15 , 2710 20 17 , ex 3824 90 97 , 3826 00 10 u ex 3826 00 90 (“il-prodott ikkonċernat”, magħruf komunement bħala “bijodiżil”). |
2. Il-pretensjonijiet
|
(17) |
Produttur esportatur Indoneżjan afferma li bil-maqlub ta’ dak li ġie mistqarr fil-premessa (34) tar-Regolament provviżorju, l-ester tal-metil tal-Palm (PME) prodott fl-Indoneżja ma kienx prodott li jixxiebah mal-ester tal-metil taż-żerriegħa tal-kolza (RME) u bijodiżils oħrajn prodotti fl-Unjoni, jew l-ester tal-metil tas-soja (SME) prodott fl-Arġentina minħabba s-CFPP ħafna ogħla tal-PME li jfisser li għandu jitħallat qabel l-użu fl-Unjoni. |
|
(18) |
Din il-pretensjoni ma ntlaqgħetx. Il-PME prodott fl-Indoneżja huwa f’kompetizzjoni ma’ bijodiżil prodott fl-Unjoni, li mhux biss RME iżda wkoll bijodiżil magħmul minn żejt tal-palm u materja prima oħra. Il-PME jista’ jintuża fl-Unjoni kollha matul is-sena, billi jitħallat ma bijodiżils oħra qabel l-użu, bl-istess mod bħall-RME u l-SME. Il-PME għalhekk huwa interskambjabbli ma’ bijodiżil magħmul fl-Unjoni u għalhekk huwa prodott simili. |
|
(19) |
Il-premessa (35) tar-Regolament provviżorju tiddikjara l-pretensjoni ta’ produttur Indoneżjan li l-esteri tal-metil frazzjonati għandhom jiġu esklużi mill-ambitu tal-prodott ta’ dan il-proċediment. L-istess produttur saħaq din it-talba fil-kummenti tiegħu dwar l-iżvelar provviżorju billi ddikjara mill-ġdid l-argument tiegħu minn qabel l-iżvelar provviżorju. |
|
(20) |
L-industrija tal-Unjoni madankollu kkontestat din l-affermazzjoni billi qalet li l-esteri tal-metil frazzjonati kienu bijodiżil u għandhom jibqgħu fl-ambitu tal-prodott. |
|
(21) |
Wara l-kummenti li waslu wara l-istadju provviżorju, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-premessa (36) tar-Regolament provviżorju hija kkonfermata. Minkejja li diversi esteri metiliċi tal-aċidi xaħmin għandhom numru tal-indiċi tal-Chemical Abstracts Service (“CAS”) differenti, minkejja li jintużaw proċeduri differenti sabiex jiġu prodotti dawk l-esteri u li jista’ jkun li għandhom użi differenti, l-esteri metiliċi frazzjonati xorta jibqgħu esteri metiliċi tal-aċidi xaħmin, u xorta jistgħu jintużaw bħala fjuwil. Minħabba d-diffikultajiet sabiex ester metiliku tal-aċidi xaħmin jintgħaraf minn ieħor mingħajr analiżi kimika fil-post tal-importazzjoni, u l-possibbiltà ta’ ċirkomvenzjoni tad-dazji bħala riżultat, bid-dikjarazzjoni li l-bijodiżil PME huwa ester metiliku frazzjonat magħmul miż-żejt tal-palm, il-pretensjoni tibqa’ ma tintlaqax. |
|
(22) |
Fil-premessa (37) tar-Regolament provviżorju, ġie msemmi li importatur Ewropew tal-ester metiliku tal-aċidi xaħmin miż-żejt tal-qalba tal-palm (“PKE”) talab li l-importazzjonijiet ta’ dan il-prodott ikunu soġġetti għal eżenzjoni skont l-użu aħħari, jew inkella jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott f’dan il-proċediment. |
|
(23) |
L-industrija tal-Unjoni kkummentat wara l-iżvelar provviżorju dwar l-użu tal-eżenzjoni skont l-użu aħħari għal importazzjonijiet tal-PKE u l-possibbiltà ta’ ċirkomvenzjoni tad-dazji proposti. Hija opponiet li l-Kummissjoni tawtorizza l-użu ta’ din l-iskema biex id-dazju antidumping jiġi eżentat, minħabba li l-bijodiżil għandu natura interkambjabbli, il-bijodiżil iddikjarat mhux bħala fjuwil jista’ jintuża bħala fjuwil ġaladarba għandu l-istess propjetajiet fiżiċi. Il-PKE jista’ jintuża bħala fjuwil; l-alkoħol xaħmi mhux saturat li jsir mill-PKE jista’ wkoll jiġi ulterjorment ipproċessat f’bijodiżil; u l-kontolli li d-Dwana tista’ tapplika fuq l-importazzjonijiet fl-iskema ta’ Eżenzjoni skont l-Użu Aħħari huma limitati, u l-piż ekonomiku li jirriżulta mill-użu ta’ din l-iskema huwa sinifikanti. |
|
(24) |
Wara konsultazzjonijiet dwar din il-kwistjoni u fid-dawl tal-fatt li l-bijodiżil iddikjarat li mhux għall-użu bħala fjuwil għandu l-istess proprjetajiet fiżiċi bħala bijodiżil għal-użu bħala fjuwil, mhuwiex xieraq li tkun permessal-Eżenzjoni skont l-Użu Aħħari għal importazzjonijiet tal-PKE fil-każ preżenti. |
|
(25) |
Importatur Ġermaniż tenna t-talba tiegħu sabiex il-prodott jiġi eskluż u/jew ikun hemm Eżenzjoni skont l-Użu Aħħari għal ester metiliku partikolari tal-aċidi xaħmin manifatturat minn żejt tal-qalba tal-palm (PKE) li kien maħsub għal użu ieħor fl-UE u mhux bħala fjuwil. Il-kummenti magħmula jiddikjaraw mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu, li kienet ġiet miċħuda fl-istadju provviżorju, u ma ngħatat l-ebda evidenza ġdida sabiex isir tibdil fil-konklużjoni biex ma tingħatax Eżenzjoni skont l-Użu Aħħari, u li l-PKE għandu jibqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott. |
|
(26) |
Produttur esportatur Indoneżjan irrefera wkoll għall-pretensjoni tiegħu għal Eżenzjoni skont l-Użu Aħħari tal-esteri metiliċi frazzjonati, u talab Eżenzjoni skont l-Użu Aħħari għal dawn l-importazzjonijiet sabiex jiġi mmanifatturat l-alkoħol saturat xaħmi. Kif stabbilit hawn fuq, it-talbiet kollha għal Eżenzjoni skont l-Użu Aħħari ġew miċħuda, u l-argumenti stipulati minn din il-parti interessata ma biddlux dik il-konklużjoni. |
3. Konklużjoni
|
(27) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra dwar il-prodott ikkonċernat u l-prodott simili, il-premessi minn (29) sa (39) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati. |
D. ID-DUMPING
1. Rimarki introduttorji
|
(28) |
Il-premessi (44) u (64) tar-Regolament provviżorju spjegaw li s-swieq tal-bijodiżil tal-Arġentina u tal-Indoneżja huma rregolati ħafna mill-Istat u għalhekk il-bejgħ domestiku ma kienx kkunsidrat bħala magħmul fil-kors ordinarju tal-kummerċ. Bħala konsegwenza, il-valur normali tal-prodott simili kellu jinħadem skont l-Artikolu 2(3) u (6) tar-Regolament bażiku. Dik is-sejba ma ġiet ikkontestata minn ebda parti interessata u għalhekk hija kkonfermata. |
|
(29) |
Kemm għall-Arġentina kif ukoll għall-Indoneżja l-valur normali kostrutt fl-istadju provviżorju kien ikkalkulat abbażi tal-ispejjeż ta’ produzzjoni reali (u rreġistrati) tal-istess kumpaniji matul il-PI, il-bejgħ, u l-ispejjeż ġenerali u amministrattivi (“SG&A”) li kellhom u l-marġini raġonevoli ta’ profitt. Il-premessi (45) u (63) tar-Regolament provviżorju nnutaw b’mod partikolari li l-Kummissjoni se teżamina ulterjorment il-pretensjoni li s-sistemi ta’ Taxxa fuq l-Esportazzjoni Differenzjaat (“DET”) fl-Arġentina u l-Indoneżja joħolqu distorsjoni fil-prezzijiet tal-materja prima u li, għalhekk, l-ispejjeż irreġistrati tal-produzzjoni ma kenux jirriflettu b’mod raġonevoli l-ispejjeż assoċjati mal-produzzjoni tal-prodott konċernat. |
|
(30) |
L-investigazzjoni ulterjuri wriet li s-sistemi ta’ DET tabilħaqq baxxew il-prezzijiet domestiċi tal-materja prima ewlenija fl-Arġentina u l-Indoneżja għal livell artifiċjalment baxx, kif spjegat hawn taħt mill-premessa (35) ‘l quddiem għall-Arġentina u l-premessa (66) għall-Indoneżja u, bħala konsegwenza, jaffettwaw l-ispejjeż tal-produtturi tal-bijodiżil fiż-żewġ pajjiżi kkonċernati. Fid-dawl ta’ din is-sejba huwa meqjus xieraq li din id-distorsjoni fl-ispiża tal-materja prima ewlenija għandha tiġi kkunsidrata meta jkun stabbilit il-valuri normali fiż-żewġ pajjiżi, minħabba s-sitwazzjoni partikolari tas-suq li tixref kemm fl-Arġentina kif ukoll fl-Indoneżja. |
|
(31) |
Il-Qorti Ġenerali kkonfermat (4) li meta l-prezzijiet tal-materja prima jkunu rregolati b’tali mod li jkunu artifiċjalment baxxi fis-suq domestiku, jista’ jkun preżunt li l-ispiża tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat tkun affettwata minn distorsjoni. Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li f’ċirkustanzi bħal dawn, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma intitolati li jikkonkludu li wieħed mill-partiti fir-reġistri ma jistax jitqies bħala raġonevoli u li, konsegwentement, din il-partita tista’ tiġi aġġustata. |
|
(32) |
Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet ukoll li mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku jidher li r-reġistri tal-Parti kkonċernata ma jservux bħala bażi biex jiġi kkalkolat il-valur normali jekk l-ispejjeż assoċjati mal-produzzjoni tal-prodott taħt investigazzjoni mhumiex riflessi f’dawn ir-reġistri. F’dak il-każ, it-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tistipula li l-ispejjeż għandhom jiġu aġġustati jew stabbiliti fuq il-bażi ta’ sorsi ta’ informazzjoni oħra apparti dawn ir-reġistri. Dik l-informazzjoni tista’ tittieħed mill-ispejjeż imġarrba minn produtturi jew esportaturi oħra jew, meta dik l-informazzjoni ma tkunx disponibbli jew ma tistax tintuża, kull sors ta’ informazzjoni raġonevoli ieħor, inkluża informazzjoni minn swieq rappreżentattivi oħrajn. |
|
(33) |
Fil-kalkoli provviżorji, il-prezz tax-xiri domestiku reali tal-fażola tas-soja u l-ispiża reali rreġistrata għaż-żejt tal-palm mhux raffinat kienet użata meta nħadmet l-ispiża tal-produzzjoni rispettivament għall-esportaturi produtturi Arġentini u Indoneżjani. |
|
(34) |
Minħabba li ċerti spejjeż ta’ produzzjoni, jiġifieri l-ispejjeż tal-materja prima ewlenija (iż-żejt tas-soja u l-fażola tas-soja fl-Arġentina u ż-żejt tal-palm mhux raffinat fl-Indoneżja), instabu li kienu qed isofru minn distorsjoni, dawn ġew stabbiliti abbażi tal-prezzijiet ta’ referenza ppubblikati mill-awtoritajiet rilevanti tal-pajjiżi kkonċernati. Dawn il-prezzijiet jirriflettu l-livell tal-prezzijiet internazzjonali. |
2. L-Arġentina
2.1. Il-valur normali
|
(35) |
Kif imsemmi hawn fuq, il-Kummissjoni issa waslet għall-konklużjoni li s-sistema ta’ DET fl-Arġentina toħloq distorsjoni fl-ispejjeż ta’ produzzjoni għall-produtturi tal-bijodiżil f’dan il-pajjiż. L-investigazzjoni stabbilixxiet li tul il-PI t-taxxi fuq l-esportazzjoni fuq materja prima (35 % fuq il-fażola tas-soja u 32 % fuq iż-żejt tas-soja) kienu ogħla mit-taxxi fuq l-esportazzjoni fuq il-prodott lest b’mod sinifikanti (rata nominali ta’ 20 % fuq il-bijodiżil, b’rata effettiva ta’ 14,58 % meta titqies rifużjoni ta’ taxxa). Bħala fatt, id-differenza bejn it-taxxa fuq l-esportazzjoni fuq il-fażola tas-soja u l-bijodiżil kienet ta’ 20,42 punt perċentwali, u bejn iż-żejt tas-soja u l-bijodiżil kienet ta’ 17,42 punt perċentwali matul il-PI. |
|
(36) |
Biex ikun iddeterminat il-livell ta’ taxxa fuq l-esportazzjoni għall-fażola tas-soja u għaż-żejt tal-fażola tas-soja, il-Ministeru Arġentin għall-Agrikoltura, il-Bhejjem u s-Sajd jippubblika fuq bażi ta’ kuljum il-prezz FOB għall-fażola tas-soja u għaż-żejt tal-fażola tas-soja – “il-prezz ta’ referenza” (5). Dan il-prezz ta’ referenza jirrifletti l-livell tal-prezzijiet internazzjonali (6) u jintuża biex jiġi kkalkulat l-ammont ta’ taxxa fuq l-esportazzjoni li jrid jitħallas lill-awtoritajiet tat-taxxa. |
|
(37) |
Il-prezzijiet domestiċi jsegwu t-tendenzi tal-prezzijiet internazzjonali. L-investigazzjoni stabbilixxiet li d-differenza bejn il-prezz internazzjonali u dak domestiku tal-fażola tas-soja u ż-żejt tal-fażola tas-soja huwa t-taxxa tal-esportazzjoni fuq il-prodott u spejjeż oħra li jsiru biex ikun esportat. Il-prezzijiet domestiċi ta’ referenza tal-Fażola tas-soja u taż-żejt tal-fażola tas-soja huma ppubblikati wkoll mill-Ministeru Arġentin tal-Agrikoltura bħala l-“prezz teoretiku FAS” (7). Il-produtturi tal-fażola tas-soja u taż-żejt tal-fażola tas-soja għalhekk jiksbu l-istess prezz nett irrispettivament jekk ibigħux għall-esportazzjoni jew domestikament. |
|
(38) |
Bħala konklużjoni, il-prezzijiet domestiċi tal-materja prima ewlenija li jużaw il-produtturi tal-bijodiżil fl-Arġentina nstabu li kienu b’mod artifiċjali aktar baxxi mill-prezzijiet internazzjonali minħabba d-distorsjoni maħluqa mis-sistema Arġentina tat-taxxa fuq l-esportazzjoni u, konsegwentement, l-ispejjeż tal-materja prima ewlenija ma kienux riflessi b’mod raġonevoli fir-reġistri miżmuma mill-produtturi Arġentini investigati skont it-tifsira tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku kif interpretat mill-Qorti Ġenerali, kif spjegat hawn fuq. |
|
(39) |
Il-Kummissjoni għalhekk iddeċidiet li tirrevedi l-premessa (63) tar-Regolament provviżorju u tinjora l-ispejjeż reali tal-fażola tas-soja (il-materja prima ewlenija mixtrija u użata fil-produzzjoni tal-bijodiżil) kif irreġistrati mill-kumpaniji kkonċernati fil-kontijiet tagħhom u li tissostitwixxihom bil-prezz li bih dawk il-kumpaniji kienu jixtru s-soja fin-nuqqas ta’ tali distorsjoni kif spjegat hawn taħt. |
|
(40) |
Sabiex tiġi stabbilita l-ispiża li biha l-kumpaniji kkonċernati kieku kienu jixtru l-fażola tas-soja fin-nuqqas ta’ din it-tip ta’ distorsjoni, il-Kummissjoni ħadet il-medja tal-prezzijiet ta’ referenza tal-fażola tas-soja ppubblikati mill-Ministeru Arġentin tal-Agrikoltura għall-esportazzjoni FOB tal-Arġentina matul il-PI (8). |
|
(41) |
L-assoċjazzjoni tal-produtturi esportaturi Arġentini (CARBO) u l-Awtoritajiet Arġentini stqarrew li aġġustament għall-ispejjeż li sofrewh il-kumpaniji skont l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku huwa possibbli biss meta r-reġistri, u mhux l-ispejjeż li refgħu l-kumpaniji, ma jirriflettux b’mod raġonevoli l-ispejjeż assoċjati mal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott ikkonċernat. Huma ddikjaraw li fil-prattika l-Kummissjoni żiedet it-taxxi ta’ esportazzjoni mal-prezz imħallas mill-kumpaniji meta xtraw il-fażola tas-soja, biex b’hekk inkludiet l-ispejjeż tal-produzzjoni bħala element li mhuwiex assoċjat mal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott ikkonċernat. Huma żiedu li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali “Acron” ikkwotata fid-dokument finali (9) hija bbażata fuq l-interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 2.2.1.1 tal-Ftehim dwar l-Antidumping tad-WTO (ADA), attwalment qiegħda tkun appellata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u fi kwalunkwe każ il-kunsiderazzjonijiet fattwali huma differenti minn dawk fil-każ preżenti ġaladarba l-prezzijiet tal-materja prima fl-Arġentina mhumiex “irregolati” bħalma hu l-prezz tal-gass fir-Russja, u mhumiex distorti iżda huma ddeterminati liberament mingħajr l-ebda intervent tal-Istat, u għalhekk ma hemm l-ebda sitwazzjoni partikolari fis-suq tal-Arġentina li tippermetti lill-Kummissjoni sabiex tapplika l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku. Huma ddikjaraw li s-sistema ta’ DET fl-Arġentina mhijiex inkompatibbli ma’ xi regola tal-kummerċ. Barra minn hekk, CARBIO ddikjarat li billi t-taxxi tal-esportazzjoni ma ġewx ikkunsidrati meta ġie stabbilit il-prezz tal-esportazzjoni, il-Kummissjoni ma għamlitx paragun ġust bejn il-valur normali maħdum (li jqis it-taxxi fuq l-esportazzjoni) u l-prezz tal-esportazzjoni (li ma jinkludix it-taxxi tal-esportazzjoni). Barra minn hekk, hija saħqet li meta saret referenza għall-prezzijiet internazzjonali tal-fażola tas-soja kif stabbilit fiċ-Chicago Board of Trade (CBOT) meta ġie ddeterminat il-valur normali u ma ngħata l-ebda każ għall-qligħ jew għat-telf marbut mal-attivitajiet ta’ hedging fis CBOT meta ġie stabbilit il-prezz għall-esportazzjoni (ara hawn taħt), għal darb’oħra l-Kummissjoni ma għamlitx paragun ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni. Barra minn hekk, CARBIO sostniet li bis-sempliċi sostituzzjoni tal-ispejjeż irreġistrati mill-kumpaniji investigati bi prezz internazzjonali, il-Kummissjoni ma kkunsidratx il-vantaġġ kompetittiv naturali tal-produtturi Arġentini. Fl-aħħar nett, CARBIO lmentat li l-Kummissjoni ma kkunsidratx li fl-assenza ta’ DET fl-Arġentina, tal-prezzijiet CBOT tal-fażola tas-soja kienu se jkunu ħafna inqas. |
|
(42) |
Dawn il-pretensjonijiet ma jintlaqgħux. Anki jekk il-fatti fil-kawża “Acron” mhumiex l-istess bħal l-fatti f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali madankollu stabbilixxiet il-prinċipju fil-liġi li jekk l-ispejjeż assoċjati mal-produzzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat ma jkunux riflessi b’mod raġonevoli fir-reġistri tal-kumpaniji, ma jistgħux iservu bħala bażi għall-kalkolu tal-valur normali. Fil-kawża “Acron” l-ispejjeż ma kinux riflessi b’mod raġonevoli fir-reġistri tal-kumpanija kkonċernata minħabba li l-prezz tal-gass kien irregolat. Fil-każ preżenti ġie stabbilit li spejjeż assoċjati mal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat mhumiex riflessi b’mod raġonevoli fir-reġistri tal-kumpaniji kkonċernati għax huma baxxi b’mod artifiċjali minħabba distorsjoni kkawżata mis-sistema ta’ DET Arġentina. Dan jgħodd irrispettivament minn jekk is-sistemi ta’ DET b’mod ġenerali jkunux kontra l-Ftehim tad-WTO u kemm jekk le. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq l-interpretazzjoni korretta tal-ADA. Fil-każ China – Broilers, (10) il-bord sab ligħalkemm l-Artikolu 2.2.1.1 tal-ADA jistabbilixxi s-suppożizzjoni li l-kotba u r-reġistri tal-konvenut normalment jintużaw biex jiġu kkalkolati l-ispejjeż tal-produzzjoni, l-awtorità investigattiva żżomm id-dritt li tirrifjuta li tuża dawn il-kotba jekk hi tiddetermina li huma jew (i) inkonsistenti mal-GAAP jew, (ii) ma jirriflettux b’mod raġonevoli l-ispejjeż assoċjati mal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott inkonsiderazzjoni. Madankollu, meta l-awtorità investigattiva tiddeċiedi li tidderoga min-norma, għandha tistipula r-raġunijiet għaliex għamlet hekk. Konsistenti ma’ din l-interpretazzjoni, minħabba d-distorsjoni maħluqa mis-sistema ta’ DET, li toħloq sitwazzjoni partikolari tas-suq, il-Kummissjoni ssostitwixxiet l-ispejjeż imniżżlin mill-kumpaniji kkonċernati għax-xiri tal-materja prima ewlenija fl-Arġentina mal-prezz li kieku kien jitħallas fin-nuqqas tad-distorsjoni stabbilita. Il-fatt li minn perspettiva purament numerika r-riżultat huwa simili ma jfissirx li l-metodoloġija applikata mill-Kummissjoni kienet tikkonsisti sempliċiment fiż-żieda tat-taxxi tal-esportazzjoni mal-ispejjeż tal-materja prima. Il-prezzijiet internazzjonali tal-kommoditajiet huma stabbiliti fuq il-provvista u tad-domanda, u ma hemm l-ebda evidenza li s-sistema ta’ DET fl-Arġentina taffettwa l-prezzijiet tas-CBOT. Għaldaqstant il-pretensjonijiet u l-allegazzjonijiet kollha, li skonthom il-Kummissjoni bl-użu tal-prezz internazzjonali ma għamlitx paragun ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, huma bla bażi. L-istess jgħodd għall-pretensjoni li l-Kummissjoni ma kkunsidratx il-vantaġġ kompetittiv naturali tal-produtturi Arġentini, minħabba li s-sostituzzjoni tal-ispejjeż irreġistrati mill-kumpaniji saret minħabba l-prezz baxx b’mod mhux normali tal-materja prima fis-suq domestiku, aktar milli minħabba xi vantaġġ komparattiv. |
|
(43) |
Fil-premessa (45) tar-Regolament provviżorju, ġie spjegat li peress li l-bejgħ domestiku ma tqisx bħala magħmul fl-andament ordinarju tal-kummerċ, il-valur normali kellu jkun kostrutt bl-użu ta’ ammont raġonevoli ta’ profitt ta’ 15 % skont l-Artikolu 2(6)(c) tar-Regolament bażiku. Xi produtturi esportaturi qalu li l-perċentwali użat mill-Kummissjoni bħala profitt raġonevoli (15 %) fil-kalkolu tal-valur normali kienet għolja żżejjed u bidla radikali fil-prattika stabbilita f’għadd ta’ investigazzjonijiet oħra fi swieq tal-prodotti bażiċi simili (jiġifieri fejn il-profitt użat ikun ta’ madwar 5 %). |
|
(44) |
Din il-pretensjoni ma tintlaqax. L-ewwel nett, mhuwiex korrett li l-Kummissjoni tuża sistematikament marġini ta’ profitt ta’ 5 % meta tikkalkula l-valur normali. Kull sitwazzjoni hija stmata fuq il-merti tagħha stess filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ. Pereżempju, fil-każ tal-bijodiżil tal-2009 kontra l-Istati Uniti, diversi livelli ta’ profitt differenti ntużaw bil-profitt medju peżat li kien ogħla sew minn 15 %. It-tieni, il-Kummissjoni eżaminat ukoll f’terminu qasir u medju r-rata tas-self fl-Arġentina li hija madwar 14 % skont id-dejta tal-Bank Dinji. Ċertament li huwa kkunsidrat raġonevoli li wieħed jistenna li jinkiseb marġini ta’ profitt ogħla meta jsir negozju fis-swieq domestiċi tal-bijodiżil milli mill-ispiża ta’ self ta’ kapital. Barra minn hekk, dan il-profitt huwa saħansitra inqas mill-profitt magħmul matul il-PI mill-produtturi tal-prodott ikkonċernat, għalkemm dak il-livell jirriżulta minn distorsjonijiet fl-ispejjeż b’riżultat tad-DET u tal-prezzijiet domestiki tal-bijodiżil irregolati mill-Istat. Għalhekk, u għar-raġunijiet spjegati hawn fuq, huwa sostnut li 15 % profitt huwa ammont raġonevoli li jista’ jinkiseb minn industrija relattiviment ġdida u intesiva fil-kapital fl-Arġentina. |
|
(45) |
Wara l-konklużjonijiet definittivi, CARBIO u l-Awtoritajiet Arġentini ddikjaraw li (i) ir-referenza għal-livelli ta’ profitt fil-każ tal-Istati Uniti ma kinitx ġustifikata; (ii) ir-referenza għar-rata ta’ self fuq terminu medju ta’ żmien ma kinitx loġika, qatt ma ntużat fl-imgħoddi, u jekk dan il-valur referenzjarju għandu jintuża, ma għandux ikun tal-Arġentina, għaliex l-investimenti saru bid-dollaru Amerikan flimkien ma’ entitajiet barranin; (iii) il-profitt li realment qalgħu l-produturi Arġentini ma setax jitqies minħabba s-sitwazzjoni partikolari tas-suq; u (iv) apparagun, il-profitt fil-mira tal-industrija tal-Unjoni kien previst għal 11 %. |
|
(46) |
Dawn il-pretensjonijiet ma jintlaqgħux. Il-Kummissjoni kkunsidrat li marġini ta’ profitt ta’ 15 % kien raġonevoli għall-industrija tal-bijodiżil fl-Arġentina, ġaladarba f’dan il-pajjiż l-industrija kienet għadha żagħżugħa u b’kapital intensiv matul il-PI. Ir-referenza għall-marġini ta’ profitt fil-każ tal-Istati Uniti saret biex tiġi kkuntestata l-pretensjoni li l-Kummissjoni tuża sistematikament marġini ta’ profitt ta’ 5 % meta taħdem il-valur normali. Ukoll, ir-referenza għar-rata tas-self għal perjodu ta’ terminu medju ta’ żmien ma kinitx intenzjonata li tiffissa valur referenzjarju, iżda biex tittestja kemm kienu raġonevoli l-marġini użati. L-istess japplika għall-profitt li għamlu realment il-kumpaniji fil-kampjun. Min-naħa l-oħra, minħabba li l-iskop tal-valur normali maħdum huwa differenti mill-kalkolu tal-profitt fil-mira għall-industrija tal-Unjoni fin-nuqqas ta’ importazzjonijiet dumped, kull paragun bejn it-tnejn huwa irrelevanti. Għalhekk, il-premessa (46) tar-Regolament provviżorju hija b’dan ikkonfermata. |
|
(47) |
Produttur esportatur jimanifattura l-bijodiżil parzjalment fl-impjanti tiegħu stess u parzjalment permezz ta’ ftehim ta’ ħlas ta’ nollijiet ma’ produttur indipendenti. Dan il-produttur esportatur talab li l-ispiża tal-produzzjoni tiegħu tiġi kkalkulata mill-ġdid bl-użu ta’ medja peżata differenti tal-ispejjeż tal-produzzjoni tiegħu u tal-ispiża tal-produzzjoni ta’ dik imħallsa għal din il-produzzjoni minn dik użata mill-Kummissjoni fl-istadju provviżorju. Din it-talba kienet analizzata u nstabet li kienet ġustifikata u l-ispiża tal-produzzjoni għall-kumpanija kkonċernata ġiet ikkalkolata mill-ġdid skont dan. |
|
(48) |
Il-Kummissjoni rċeviet pretensjonijiet speċifiċi minn kumpaniji minuri oħra iżda saru irrilevanti wara l-bidla fil-metodoloġija li biha jinħadem il-valur normali kif spjegat hawn fuq. Is-sejbiet fil-premessi minn (40) sa (46) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati, bil-modifiki spjegati hawn fuq. |
2.2. Il-prezz tal-esportazzjoni
|
(49) |
Fil-premessa (49) tar-Regolament provviżorju, ġie spjegat li meta l-bejgħ tal-esportazzjoni sar permezz ta’ kumpaniji kummerċjali relatati li jinsabu fl-Unjoni, saru aġġustamenti għall-prezz tal-esportazzjoni, inkluż għall-akkumulazzjoni tal-profitt lill-kummerċjant relatat skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. Għall-fini ta’ dan il-kalkolu, livell ta’ profitt ta’ 5 % għan-negozjant relatat fl-Unjoni kien ikkunsidrat raġonevoli. Żewġ produtturi esportaturi affermaw li marġini ta’ profitt ta’ 5 % għan-negozjant relatat fl-Unjoni kien għoli wisq f’negozju ta’ kummerċ fil-kommoditajiet u li jew ma għandu jintuża l-ebda profitt, inkella għandu jintuża perċentwal iżgħar (sa 2 % jiddependi fuq il-kumpaniji). |
|
(50) |
L-ebda evidenza ma ġiet ipprovduta biex issostni din l-affermazzjoni. F’dawn iċ-ċirkostanzi l-livell ta’ profitt ta’ 5 % għall-kummerċjanti relatati fl-UE huwa kkonfermat. |
|
(51) |
Wara l-konklużjonijiet definittivi, CARBIO saħqet li l-marġini tal-profitt ta’ 5 % kien għoli wisq f’negozju li jagħmel kummerċ fil-kommoditajiet, u għamlet referenza għal studju mħejji mill-KPMG speċifikament għal dan l-iskop, u mressaq quddiem il-Kummissjoni fl-1 ta’ Lulju 2013 wara l-konklużjonijiet tar-Regolament provviżorju. Il-Kummissjoni kkunsidrat li s-sejbiet tal-istudju ma setgħux jitqiesu bħala kredibbli minħabba limitazzjonijiet fl-analiżi msemmija fl-istudju stess, limitazzjonijiet li wasslu sabiex jiġi magħżul għadd limitat ta’ kumpaniji fil-kummerċ, li nofshom ma kinux qed ibigħu prodotti agrikoli. Għalhekk, l-evidenza pprovduta mhix meqjusa konklussiva. Bħala konsegwenza, il-marġini ta’ profitt ta’ 5 % għall-kummerċjanti relatati fl-UE hija kkonfermata. |
|
(52) |
Produttur esportatur ilmenta li meta stabbilixxiet il-prezz għall-esportazzjoni, il-Kummissjoni ma qisitx l-hekk imsejħa “riżultati tal-hedging”, jiġifieri qligħ jew telf li jagħmel il-produttur meta jbigħ jew jixtri kuntratti futuri ta’ żejt tas-soja fiċ-Chicago Board of Trade (CBOT). Il-kumpanija saħqet li l-hedging huwa element neċessarju fin-negozju tal-bijodiżil minħabba l-volatilità tal-prezzijiet tal-materja prima, u li d-dħul nett għall-bejjiegħ tal-bijodiżil ma jkunx biss il-prezz imħallas mix-xerrej, iżda wkoll il-profitt (jew telf) mill-operazzjonijiet tal-hedging sottostanti. |
|
(53) |
Dik l-affermazzjoni ma tintlaqax għaliex l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku b’mod ċar jipprevedi li l-prezz tal-esportazzjoni jkun il-prezz realment imħallas jew li għandu jitħallas għall-prodott meta jinbiegħ għall-esportazzjoni, indipendentement mill-qligħ jew mit-telf marbut mal-prattiki ta’ hedging, – għalkemm huma relatati –. |
|
(54) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti ulterjuri dwar il-prezzijiet ta’ esportazzjoni, il-premessi minn (47) sa (49) tar-Regolament provviżorju, huma b’dan ikkonfermati bil-bidliet imsemmija hawn fuq. |
2.3. Il-paragun
|
(55) |
Fil-premessa (53) tar-Regolament provviżorju, ġie spjegat li meta l-bejgħ bl-esportazzjoni sar permezz ta’ kumpaniji kummerċjali relatati li jinsabu barra l-UE, il-Kummissjoni eżaminat jekk in-negozjant relatat għandux ikun ittrattat bħala aġent li jaħdem abbażi ta’ kummissjoni u, jekk iva, sarx aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku sabiex titqies iż-żieda nozzjonali fil-valur li rċieva l-kummerċjant. |
|
(56) |
Kumpanija waħda sostniet li l-marġini ta’ profitt użat mill-Kummissjoni għall-kummerċjant relatat barra mill-UE bħala żieda ipotetika kien għoli wisq u li marġini ta’ profitt aktar baxx ikun aktar raġonevoli. |
|
(57) |
Il-Kummissjoni eżaminat bir-reqqa l-argumenti mressqa mill-produttur esportatur, iżda kkonkludiet li fid-dawl tal-attivitajiet estensivi mwettqa mill-kummerċjanti relatati, marġini ta’ profitt ta’ 5 % kien meqjus bħala raġonevoli. Għaldaqstant, din il-pretensjoni ma tintlaqax. |
|
(58) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra rigward il-paragun, il-premessi minn (50) sa (55) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati. |
2.4. Il-marġini ta’ dumping
|
(59) |
Il-produtturi esportaturi Arġentini kollha li kkooperaw talbu li jekk dazju antidumping kellu jkun impost fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil mill-Arġentina, għandu jkun hemm dazju wieħed għall-produtturi esportaturi kollha li kkooperaw, ibbażat fuq il-medja peżata tad-dazji antidumping tal-produtturi esportaturi kollha fil-kampjun. Huma sostnew din it-talba billi qalu li l-produtturi fil-kampjun kollha għandhom rabtiet kummerċjali jew ta’ tip ieħor bejniethom, dawn jipproduċu, ibigħu, jisssellfu jew ipartu bijodiżil lil xulxin u ħafna drabi l-prodott ta’ diversi kumpaniji jitgħabba flimkien fl-istess bastiment tal-oċean u jintbagħat lejn l-UE u ma jibqax possibbli għall-awtoritajiet doganali li jidentifikaw u jiddistingwu l-prodott ta’ produtturi differenti. Dawn ċirkostanzi partikolari wasslu biex l-impożizzjoni ta’ dazji individwali tkun imprattikabbli. |
|
(60) |
Minkejja li t-talba ġejja mill-produtturi esportaturi kollha, inklużi dawk b’limitu inferjuri ta’ marġini ta’ dumping individwali mill-marġini medju peżat, u minkejja s-simplifikazzjoni potenzjali għall-awtoritajiet doganali, din it-talba għandha tiġi miċħuda. Tabilħaqq, diffikultajiet prattiċi allegati ma għandhomx jintużaw bħala skuża biex jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku sakemm ma jkunx inevitabbli. F’dan il-każ, il-prattika tal-kumpaniji li jpartu, jissellfu jew iħalltu b’xi mod ieħor l-prodott ikkonċernat ma jwassalx, fih innifsu, biex l-impożizzjoni ta’ dazji individwali tkun imprattikabbli skont it-tifsira tal-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku. |
|
(61) |
Tliet kumpaniji talbu li isimhom ikun inkluż fil-lista ta’ produtturi esportaturi li qed jikkooperaw sabiex jibbenefikaw mir-rata ta’ dazju antidumping ta’ dawk il-kumpaniji li kkooperaw imma ma kienux magħżula għall-kampjun minflok id-dazju residwu għall-“kumpaniji l-oħra kollha”. |
|
(62) |
Tnejn mit-tliet kumpaniji kienu diġà qed jimmanifatturaw bijodiżil għas-suq domestiku jew skont ftehimiet ta’ tolling għal produtturi esportaturi oħra matul il-PI, iżda dawn ma kinux qed jesportaw lejn l-Unjoni. It-tielet kumpanija ma kinitx qed tipproduċi bijodiżil matul il-PI billi l-impjant tagħha kien għadu qed jinbena f’dak iż-żmien. |
|
(63) |
Il-Kummissjoni tqis li l-kundizzjonijiet sabiex kumpanija titqies bħala produttur esportatur li kkoopera ma jintlaħqux fil-każijiet tat-tliet kumpaniji msemmija hawn fuq. Dan japplika mhux biss għall-kumpanija li ma kinitx qed tipproduċi l-bijodiżil waqt il-PI, iżda wkoll għall-kumpaniji li kkoperaw fl-investigazzjoni billi ssottomettew formula tat-teħid tal-kampjuni, minħabba li fit-tweġiba tagħhom għat-teħid tal-kampjun, huma għamluha ċara li kienu qed jipproduċu għas-suq domestiku jew għall-partijiet terzi imma dawn ma kinux qed jesportaw il-bijodiżil għall-UE f’isimhom stess. |
|
(64) |
Din il-pretensjoni għalhekk ma tintlaqax u d-dazju antidumping “residwali” għandu japplika għat-tliet kumpaniji inkwestjoni. |
|
(65) |
Filwaqt li jitqiesu l-aġġustamenti li saru fuq il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni kif stabbilit hawn fuq, u fin-nuqqas ta’ kummenti ulterjuri, it-tabella fil-premessa (59) tar-Regolament provviżorju hija sostitwita b’dan li ġej u l-marġini ta’ dumping definittivi, espressi bħala perċentwali tal-prezz tas-CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:
|
3. L-Indoneżja
3.1. Il-valur normali
|
(66) |
Kif imsemmi hawn fuq fil-premessi minn (28) sa (34), il-Kummissjoni issa waslet għall-konklużjoni li s-sistema ta’ DET fl-Indoneżja toħloq distorsjoni tal-ispejjeż fil-produzzjoni tal-produtturi tal-bijodiżil f’dan il-pajjiż, u li għalhekk l-ispejjeż assoċjati mal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott ikkonċernat mhumiex riflessi b’mod raġonevoli fir-reġistri miżmuma mill-produtturi Indoneżjani li qed jiġu investigati. |
|
(67) |
Il-Kummissjoni għalhekk iddeċidiet li tirrevedi l-premessa (63) tar-Regolament provviżorju u tinjora l-ispejjeż reali taż-żejt tal-palm mhux raffinat (CPO), il-materja prima ewlenija mixtrija u użata fil-produzzjoni tal-bijodiżil, kif irreġistrat mill-kumpaniji kkonċernati fil-kontijiet tagħhom u li tissostitwixxihom bil-prezz li bih dawk il-kumpaniji kienu jixtru s-CPO fin-nuqqas ta’ din it-tip ta’ distorsjoni. |
|
(68) |
L-investigazzjoni kkonfermat li l-livell tal-prezz tas-CPO kummerċjalizzat domestikament huwa sinifikattivament baxx meta mqabbel mal-prezz ta’ referenza “internazzjonali”, id-differenza hija qrib ħafna tat-taxxa fuq l-esportazzjoni applikata għas-CPO. Peress li sistema DET tillimita l-possibbiltajiet għall-esportazzjoni tas-CPO, din twassal għal kwantitajiet akbar ta’ CPO disponibbli fis-suq domestiku, b’hekk toħloq pressjoni ‘l isfel fuq il-prezzijiet tas-CPO domestiċi. Dan jikkostitwixxi sitwazzjoni partikolari fis-suq. |
|
(69) |
Matul il-PI esportazzjonijiet ta’ bijodiżil kellhom rata ta’ taxxa fuq l-esportazzjoni bejn it-2 u l-5 %. Matul l-istess perjodu l-esprotazzjonijiet tas-CPO kellhom rata ta’ taxxa ta’ esportazzjoni li tvarja bejn il-15 u l-20 % filwaqt li t-taxxa tal-esportazzjoni għar-RBDPO kienet tvarja minn 5 sa 18,5 %. Ir-rati tariffarjii differenti japplikaw skont il-firxa korrispondenti tal-prezzijiet ta’ referenza (li jsegwu x-xejriet tas-suq internazzjonali u ma għandhom xejn x’jaqsmu ma’ differenzi fil-kwalità). It-taxxa fuq l-esportazzjoni għall-frott tal-palm hija stipulata b’rata fissa ta’ 40 %. |
|
(70) |
Għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, il-premessa (63) tar-Regolament provviżorju hija riveduta u l-ispiża tal-materja prima ewlenija (CPO) irreġistrata mill-kumpaniji kkonċernati, skont l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku, ġiet sostitwita bil-prezz ta’ referenza tal-esportazzjoni (HPE) (11) għas-CPO ppubblikat mill-awtoritajiet Indoneżjani li huwa mbagħad ibbażat fuq il-prezzijiet internazzjonali ppubblikati (Rotterdam, il-Malasja u l-Indoneżja). Dan l-aġġustament isir fir-rigward tas-CPO li nxtara minn kumpaniji kemm relatati kif ukoll li mhumiex. L-ispiża tas-CPO ta’ produzzjoni proprja fl-istess entità ġuridika hija aċċettata minħabba li ma nstabet ebda evidenza li l-ispiża tas-CPO ta’ produzzjoni proprja fl-istess entità ġuridika hija affettwata mid-distorsjoni. |
|
(71) |
Il-produtturi esportaturi kollha mill-Indoneżja kif ukoll il-Gvern tal-Indoneżja jiddikjaraw li s-sostituzzjoni tal-ispejjeż tas-CPO, kif irreġistrati mill-kumpaniji, bil-prezz tal-esportazzjoni Indoneżjan bħala referenza għas-CPO la huwa permissibbli skont ir-regoli tad-WTO u lanqas skont l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku, u għalhekk hija illegali. F’dan ir-rigward il-Gvern Indoneżjan sostna li l-Kummissjoni b’mod żbaljat ttrattat lir-Repubblika tal-Indoneżja bħala ekonomija mhux tas-suq. L-argumenti mressqa mill-kumpaniji jistgħu jitqassru kif ġej. L-ewwel nett, il-Kummissjoni ma wrietx xi raġuni biex titbiegħed mill-ispejjeż reali rreġistrati, jew li dawn l-ispejjeż ma jirriflettux b’mod raġonevoli l-ispejjeż marbuta mal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat, iżda sempliċiment iddikjarat li l-ispejjeż irreġistrati huma artifiċjalment baxxi meta mqabblin mal-prezzijiet internazzjonali, u għalhekk għandhom jiġu sostitwiti. Dan imur kontra r-regoli tad-WTO, li skont dawn it-test sabiex jiġi ddeterminat jekk spiża partikolari tistax tintuża sabiex jiġu kkalkulati l-ispejjeż tal-produzzjoni huwa jekk din l-ispiża hijiex assoċjata mal-produzzjoni u mal-bejgħ tal-prodott, u mhux jekk din l-ispiża tirriflettix b’mod raġonevoli l-valur tas-suq. It-tieni, anki jekk l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku jidher li jippermetti li jista’ jsir aġġustament, l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandha tkun limitata għal sitwazzjonijiet fejn l-Istat jinterferixxi direttament fis-suq billi jistabbilixxi jew jirregola l-prezzijiet f’livell artifiċjalment baxx. Madankollu, f’dan il-każ partikolari, il-Kummissjoni tallega li l-prezz domestiku tas-CPO huwa artifiċjalment baxx mhux għax huwa rregolat mill-Istat, iżda sempliċiment minħabba t-taxxa tal-esportazzjoni imposta fuq is-CPO. Anki kieku dan kellu jkun il-każ, kwalunkwe effett fuq il-prezz domestiku għandu jitqies bħala aċċidentali jew sempliċiment effett kollaterali mis-sistema tat-taxxa fuq l-esportazzjoni. It-tielet, il-Kummissjoni b’mod żbaljat toqgħod fuq is-sentenza ta’ Acron sabiex tiġġustifika l-legalità tal-aġġustament tas-CPO. Din is-sentenza hija attwalment taħt appell u għalhekk ma tistax tiġi kkunsidrata bħala preċedent. Fi kwalunkwe każ, iċ-ċirkustanza fattwali f’Acron kienet differenti minħabba li tirreferi għal sitwazzjoni fejn, għall-kuntrarju tal-prezzijiet tas-CPO fl-Indoneżja li huma stabbiliti b’mod liberu fis-suq, il-prezzijiet tal-gass kienu rregolati mill-Istat. Fl-aħħar nett, il-Gvern tal-Indoneżja sostna li l-aġġustament fl-Artikolu 2(5) sar biss sabiex jiżdiedu l-marġini tad-dumping permezz ta’ differenzi fit-tassazzjoni. |
|
(72) |
Il-pretensjoni li l-aġġustament skont l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku huwa illegali skont id-WTO u/jew ir-regoli tal-Unjoni ma tintlaqax. Ir-Regolament bażiku ttraspona l-Ftehim Antidumping tad-WTO (ADA), u għalhekk id-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan ir-Regolament, inkluż l-Artikolu 2(5), huma kkunsidrati bħala konformi mal-obbligi tal-Unjoni skont l-ADA. F’dan ir-rigward ta’ min ifakkar li l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku huwa applikabbli b’mod ugwali kemm għall-ekonomiji tas-suq kif ukoll għall-ekonomiji mhux tas-suq. Kif imsemmi hawn fuq (il-premessa 42), il-Qorti Ġenerali, fil-kawża ta’ Acron, stabbilixxiet l-istat tad-dritt li jekk l-ispejjeż assoċjati mal-produzzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat ma jkunux riflessi b’mod raġonevoli fir-reġistri tal-kumpaniji, ma jservux bħala bażi biex jiġi kkalkulat il-valur normali, u li dawn l-ispejjeż jistgħu jiġu sostitwiti bi spejjeż li jirriflettu prezz stabbilit mill-forzi tas-suq skont l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku. Il-fatt li l-kawża ta’ Acron kellha x’taqsam ma’ prezzijiet li kienu rregolati mill-Istat, ma jistax jiġi interpretat madankollu li jfisser li l-Kummissjoni mhijiex awtorizzata tapplika l-Artikolu 2(5) għal forom oħra ta’ intervent mill-Istat li jgħawweġ, direttament jew indirettament suq partikolari billi jniżżel l-prezzijiet għal livell artifiċjalment baxx. Il-Bord fil-każ China – Broilers reċentement wasal għal konklużjoni simili fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 2.2.1.1 tal-ADA. Fil-każ preżenti l-Kummissjoni sabet li l-ispejjeż assoċjati mal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat mhumiex riflessi b’mod raġonevoli fir-reġistri tal-kumpaniji kkonċernati għax huma baxxi b’mod artifiċjali mis-sistema ta’ DET Indoneżjana. Għalhekk il-Kummissjoni kienet kompletament iġġustifikata meta aġġustat l-ispejjeż għas-COP skont l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku. Fir-rigward tal-pretensjoni mill-Gvern Indoneżjan, ta’ min jinnota li l-aġġustament tal-Artikolu 2(5) huwa bbażat fuq id-differenza li hemm bejn il-prezzijiet domestiċi u internazzjonali tas-CPO, u mhux fuq xi differenzi fit-tassazzjoni. |
|
(73) |
Żewġ produtturi esportaturi fl-Indoneżja sostnew li l-Kummissjoni naqset milli turi li l-prezz domestiku Indoneżjan tas-CPO huwa distort. Huma jargumentaw li l-ipoteżi bażika tal-Kummissjoni li d-DET tillimita l-possibbiltà li s-CPO jiġi esportat, u twassal biex kwantitajiet akbar ta’ CPO jkunu disponibbli fis-suq domestiku u b’hekk jonqsu l-prezzijiet domestiċi tas-CPO hija fattwalment inkorretta ġaladarba s-CPO jiġi esportat fi kwantitajiet kbar (70 % tal-produzzjoni kollha). Fi kwalunkwe każ, anki li kieku s-suq domestiku tas-CPO jiġi kkunsidrat mgħawweġ minħabba d-DET, il-prezz tal-HPE jkun ukoll mgħawweġ peress li huwa bbażat fuq il-prezzijiet internazzjonali tal-esportazzjoni, li jinkludu t-taxxa tal-esportazzjoni. Għalhekk, il-prezz tal-HPE għas-CPO ma jistax jintuża bħala l-prezz referenzjarju xieraq għal aġġustament fl-ispiża tas-CPO. |
|
(74) |
Minkejja li s-CPO huwa esportat mill-Indoneżja fi kwantitajiet kbar, l-investigazzjoni wriet li l-prezz domestiku tas-CPO għadu artifiċjalment baxx meta mqabbel mal-prezzijiet internazzjonali. Barra minn hekk, id-differenza li nstabet fil-prezz, hija qrib it-taxxa tal-esportazzjoni imposta mid-DET. Għalhekk tajjeb li jiġi konkluż li l-livell baxx tal-prezzijiet huwa r-riżultat ta’ distorsjoni pprovokata mid-DET. Barra minn hekk, il-prezzijiet internazzjonali tal-kommoditajiet, inkluż is-CPO, huma ddeterminati abbażi tal-provvista u d-domanda, li jirriflettu d-dinamika tal-forzi tas-suq. Ma ġiet ippreżentata l-ebda prova li tindika li dawn il-forzi tas-suq tgħawġu minħabba d-DET Indoneżjana. Il-pretensjoni li l-HPE huwa valur referenzjarju mhux adegwat hija għalhekk ma tintlaqax. |
|
(75) |
Produttur esportatur wieħed, li nstab li ma kellux bejgћ domestiku rappreżentattiv (il-premessa (60) tar-Regolament provviżorju) stqarr li l-Kummissjoni kienet żbaljat meta għamlet it-test ta’ rappreżentazzjoni fuq il-bażi tal-bejgħ minn kumpaniji relatati individwalment minflok il-bejgħ globali tal-kumpaniji kollha fil-grupp. Madanakollu huwa xorta waħda jirrikonoxxi li dan l-allegat żball ma kellu l-ebda impatt fuq is-sejba provviżorja f’dan ir-rigward. Ta’ min ifakkar li fir-rigward ta’ dan il-produttur esportatur il-kumpaniji kollha relatati fallew individwalment mit-test ta’ rappreżentazzjoni. Għalhekk, anki jekk din l-istqarrija kellha tkun fondata huwa ċar li t-test ta’ rappreżentazzjoni fuq il-bażi tal-ammont totali ta’ bejgħ domestiku tal-kumpaniji relatati kollha ma setax, kif rikonoxxut mill-produttur esportatur, ikollu impatt fuq is-sejbiet provviżorji. Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra, il-premessi minn (60) sa (62) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati. |
|
(76) |
Parti waħda sostniet li fir-rigward tal-premessa (63) tar-Regolament provviżorju, SG&A esaġerat intuża għal dik il-parti. Wara li ġiet eżaminata din l-affermazzjoni, deher li l-SG&A kemm għall-bejgħ domestiku kif ukoll dak għall-esportazzjoni kienet inkluża fil-kostruzzjoni tal-valur normali. Għalhekk saru l-korrezzjonijiet neċessarji biex l-SG&A tintuża biss għall-bejgħ domestiku. |
|
(77) |
Parti waħda ddubitat il-kostruzzjoni tal-valur normali u b’mod partikolari l-għażla tal-metodoloġija skont l-Artikolu 2(6) kif iddikjarat fil-premessa (65) tar-Regolament provviżorju. L-Artikolu 2(6) jipprevedi għal tliet metodoloġiji alternattivi biex jiġi stabbilit l-SG&A u l-profitt f’każ li d-dejta reali tal-kumpanija ma tistax tintuża. Din il-parti ddikjarat li dawn it-tliet metodoloġiji għandhom ikunu konsidrati fl-ordni li huma ppreżentati u li għalhekk l-Artikolu 2(6)(a) u l-Artikolu 2(6)(b) għandhom jitqiesu li għandhom jiġu applikati l-ewwel. |
|
(78) |
Waqt li r-Regolament provviżorju deher li jindirizza biss l-metodoloġija skont l-Artikolu 2(6)(c), il-premessi li ġejjin jelaboraw għaliex l-Artikolu 2(6)(a) u l-Artikolu 2(6)(b) ma japplikawx f’dan il-każ. |
|
(79) |
L-Artikolu 2(6)(a) mhuwiex applikabbli peress li l-ebda ammonti reali ma kienu stabbiliti għall-ebda waħda mill-kumpaniji Indoneżjani (u Arġentini) magħżula minħabba li huma ma kellhom l-ebda bejgħ fl-andament normali tal-kummerċ. Għalhekk, l-ebda dejta dwar l-ammonti reali ta’ kwalunkwe esportatur jew produttur (fil-kampjun) ma hi disponibbli biex ikun applikat l-Artikolu 2(6)(a). |
|
(80) |
L-Artikolu 2(6)(b) mhuwiex applikabbli minħabba li l-kumpaniji Indoneżjani (u Arġentini) kollha fil-kampjun ma għandhomx il-bejgћ tal-prodotti mill-istess kategorija ġenerali ta’ prodotti li jsir fl-andament normali tal-kummerċ. |
|
(81) |
Fir-rigward tal-Artikolu 2(6)(b), din il-parti argumentat wkoll li r-Regolament bażiku huwa inkonsistenti mar-Regolament tad-WTO sal-punt li fl-Artikolu 2(6)(b) fih ir-rekwiżit li l-bejgħ għandu jsir fl-andament ordinarju tal-kummerċ. Madankollu, kif imsemmi fil-premessa (72) hawn fuq, ir-Regolament bażiku ttraspona l-Ftehim Antidumping tad-WTO (ADA) u għalhekk huwa kkunsidrat li d-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan ir-Regolament, inkluż l-Artikolu 2(6), huma konsistenti mal-obbligi tal-Unjoni skont l-ADA, u li l-bejgħ fil-kors normali tal-kummerċ huwa kollu kemm hu konformi. .. |
|
(82) |
Għalhekk, l-għażla tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6)(c) fl-użu ta’ kwalunkwe metodu ieħor raġonevoli sabiex ikun iddeterminat il-marġini ta’ profitt huwa kkonfermat. |
|
(83) |
Barra minn hekk, diversi partijiet qiesu li l-marġini ta’ profitt ta’ 15 % użat meta ġie kostrutt il-valur normali kien eċċessiv. Huma jsostnu li r-Regolament provviżorju ma jispjegax kif il-Kummissjoni kkalkulat il-15 % u għalhekk jassumu li l-Kummissjoni ħadet il-15 % mill-marġini ta’ profitt użat fil-kalkoli tad-dannu. Huma sostnew li f’bosta każijiet oħra li jikkonċernaw kommoditajiet il-Kummissjoni użat marġini ta’ profitt ta’ madwar 5 %. Bosta partijiet issuġġerixxew li jintuża l-marġini tal-profitt tal-każ tal-bijoetanol mill-Istati Uniti. Parti minnhom ssuġġerixxiet ukoll li jintuża marġini ta’ profitt aktar baxx għall-bejgħ tagħha ta’ taħlita ta’ bijodiżil ma’ diżil minerali. Barra minn hekk, il-Gvern tal-Indoneżja sostna li s-sostituzzjoni tal-ispiżat tas-CPO hija xogħol doppju skont l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku meta fl-istess ħin jintuża l-marġini ta’ profitt ta’ 15 % skont l-Artikolu 2(6)(c) li jirrifletti l-marġni ta’ profitt ta’ suq mhux distort.. |
|
(84) |
L-ewwel nett, mhuwiex korrett li l-Kummissjoni sistematikament tuża marġini ta’ profitt ta’ 5 % meta tikkalkula l-valur normali. Kull sitwazzjoni hija stmata fuq il-merti tagħha stess filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ. Pereżempju, fil-proċediment tal-bijodiżil tal-2009 kontra l-Istati Uniti, diversi livelli ta’ profitt differenti ntużaw bil-profitt medju peżat li kien ogħla sew minn 15 %. It-tieni, minħabba li rata tas-self fuq terminu qasir u medju ta’ żmien fl-Indoneżja hija ta’ madwar 12 % skont id-dejta tal-Bank Dinji, huwa raġonevoli li wieħed jistenna li l-marġini ta’ profitt fit-twettiq tan-negozju fis-suq tal-bijodiżil domestiku jkun ogħla mill-ispiża tas-self tal-kapital. Ir-referenza għar-rata ta’ self fuq terminu medju mhijiex intiża bħala punt ta’ referenza iżda sabiex tittestja r-raġonevolezza tal-marġini wżat. It-tielet, kemm jekk il-bejgħ ta’ taħlita ta’ bijodiżil ma’ diżil minerali jkun fl-istess kategorija ġenerali ta’ prodotti, jew le, l-Artikolu 2(6)(b) tar-Regolament bażiku jistipula, kif diġà ssemma fil-premessa (80) hawn fuq, li bejgħ bħal dan għandu jsir fl-andament normali tal-kummerċ. Minħabba li l-bejgħ domestiku tal-bijodiżil mhux fl-andament normali tal-kummerċ, il-bejgħ ta’ taħlita ta’ bijodiżil ma’ diżil minerali mhux, mutatis mutandis, meqjus li sar fl-andament normali tal-kummerċ. Għalhekk, u għar-raġunijiet spjegati hawn fuq, 15 % profitt huwa ammont raġonevoli li jista’ jinkiseb minn industrija relattivament ġdida, b’kapital intensiv fl-Indoneżja. L-argument tal-Gvern tal-Indoneżja dwar l-effett doppju ma jistax jiġi aċċettat ġaladarba l-aġġustamenti fl-ispiża skont l-Artikolu 2(5) kif ukoll il-profitt raġonevoli skont l-Artikolu 2(6)(c) huma żewġ kwistjonijiet distinti b’mod ċar. Il-premessa (65) tar-Regolament provviżorju hija b’dan ikkonfermata. |
|
(85) |
Parti stqarret li peress li l-prezz HPE għas-CPO għadu jinkludi l-ispejjeż internazzjonali tat-trasport, u billi l-iskop tal-aġġustament tal-prezz domestiku tas-CPO għal-livell tal-prezz internazzjonali tas-CPO għadu l-iskop li jistabbilixxi prezz mhux distort tas-CPO domestiku, il-prezz HPE għas-CPO għandu jiġi aġġustat ‘l isfel biex jeskludu l-ispejjeż tat-trasport. |
|
(86) |
Dik il-pretensjoni ma tintlaqax. Il-Kummissjoni kienet qed tikkunsidra għadd ta’ alternattivi għall-għażla ta’ prezz mill-aktar xieraq li għandu jintuża bħala prezz ta’ referenza internazzjonali. Għandu jiġi mfakkar li l-awtoritajiet Indoneżjani nfushom jużaw il-prezz HPE bħala valur referenzjarju sabiex jikkalkulaw ta’ kull xahar il-livell tad-dazji fuq l-esportazzjoni. Il-prezz HPE kif definit mill-awtoritajiet Indoneżjani kien għalhekk meqjus bħala l-aktar prezz ta’ referenza internazzjonali adattat li għandu jintuża bħala valur referenzjarju sabiex jiġi stabbilit il-livell ta’ distorsjoni fl-ispejjeż tal-produzzjoni tal-bijodiżil fl-Indoneżja. |
|
(87) |
Iż-żewġ partijiet stipulaw li l-Kummissjoni naqset milli tqis li huma jimmanifatturaw il-bijodiżil minn materja prima, li hija differenti mis-CPO, jiġifieri d-distillat tal-aċidi xaħmin tal-palma (“PFAD”), iż-żejt tal-palm raffinat (“RPO”) jew l-isterina tal-palm raffinata (“RST”). L-aġġustament tas-CPO (kif deskritt fil-premessa (70)), meta ma kkunsidrax kemm il-partijiet użaw realment materja prima fil-produzzjoni tal-bijodiżil tagħhom, kien applikat fuq materja prima mhux suppost ntużat, u dan għalhekk wassal għal livell mhux korrett fil-valur normali maħdum. |
|
(88) |
Dawk il-pretensjonijiet ma jintlaqgħux. Għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni biddlet biss l-ispiża tas-CPO mixtri minn fornituri relatati u mhux relatati, għall-produzzjoni tal-bijodiżil. Rigward il-prodotti sekondarji bħall-PFAD, l-RPO u l-RST li jirriżultaw mill-ipproċessar tas-CPO mixtri, u li huma pproċessati ulterjorment sabiex jipproduċu l-bijodiżil, ma sar l-ebda aġġustament. |
|
(89) |
It-tliet partijiet sostnew li l-Kummissjoni naqset milli tirrikonoxxi li x-xiri tagħhom tas-CPO minn kumpaniji relatati għandu jiġu ttrattat bħall-produzzjoni interna, bl-istess mod, u għalhekk l-ebda aġġustament skont l-Artikolu 2(5) ma għandu japplika [kif spjegat fil-premessa (70) ta’ hawn fuq). Il-partijiet jgħidu li t-tranżazzjonijiet fil-grupp twettqu skont il-prinċipju tad-distakkament u għalhekk ma għandhomx jiġu aġġustati u sostitwiti minn prezz internazzjonali. Barra minn hekk, produttur esportatur sostna li l-valur normali maħdum għandu jiġi kkalkulat fuq bażi ta’ kull xahar matul il-PI. |
|
(90) |
Ladarba l-prezz ta’ trasferiment intern ma jistax jitqies kredibbli, hija prattika standard tal-Kummissjoni li tivverifika jekk it-tranżazzjonijiet bejn partijiet relatati twettqux skont il-prinċipju tad-distakkament. Sabiex tagħmel dan, il-Kummissjoni tqabbel il-prezz ta’ bejn il-kumpaniji relatati mal-prezz tas-suq sottostanti. Ladarba l-prezz sottostanti tas-suq domestiku huwa distort, il-Kummissjoni ma tistax tagħmel din il-verifika. Għalhekk, il-Kummissjoni trid tibdel dan il-prezz mhux kredibbli bi prezz raġonevoli li jista’ jiġi applikat f’kundizzjonijiet normali tas-suq skont il-prinċipju tad-distakkament. F’dan il-każ, il-prezz internazzjonali. Rigward il-pretensjoni biex il-valur normali maħdum ikollu kalkolu ta’ kull xahar, l-informazzjoni pprovduta u vverifikata ma kienx fiha informazzjoni ddettaljata biżżejjed biex tippermetti kalkolu ta’ din ix-xorta. Għaldaqstant iż-żewġ pretensjonijiet ma ntlaqgħux. |
|
(91) |
L-industrija tal-Unjoni sostniet li l-ispiża tas-CPO prodott minnhom stess fl-istess entità ġuridika għandha wkoll tiġi aġġustata skont l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku billi huwa wkoll affettwat bid-distorsjoni li nħolqot mid-DET. |
|
(92) |
Dik il-pretensjoni ma tintlaqax. Fil-proċess tal-produzzjoni tal-bijodiżil, il-materja prima tgħaddi minn diversi stadji ta’ raffinar/pproċessar, l-ispejjeż ta’ dawn l-istadji ta’ produzzjoni jistgħu jitqiesu kredibbli peress li qegħdin isiru fl-istess entità ġuridika, u l-problema tal-prezzijiet ta’ trasferiment mhux kredibbli kif deskritti hawn fuq ma sseħħx. |
|
(93) |
Produttur esportatur sostna li l-Kummissjoni kellha tnaqqas l-hekk imsejjaħ aġġustament fil-prezzijiet mill-valur normali maħdum. Dik il-pretensjoni ma tistax tiġi aċċettata. Il-valur normali maħdum ġie stabbilit abbażi tal-ispejjeż. Għalhekk ma jkunx xieraq li jsiru xi aġġustamenti abbażi ta’ konsiderazzjonijiet dwar il-prezz. |
3.2. Il-prezz tal-esportazzjoni
|
(94) |
Parti ddubitat l-istabbiliment tal-prezz tal-esportazzjoni, billi qalet li kemm il-gwadann tal-hedging u kif ukoll it-telf minnu għandhom jitqiesu, u allegat li hemm trattament kontabilistiku inkonsistenti tal-gwadann u tat-telf mill-hedging tal-bijodiżil. |
|
(95) |
Il-pretensjoni li kemm il-gwadann u kif ukoll it-telf mill-hedging għandhom jitqiesu għandha tiġi miċħuda. L-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku b’mod ċar jipprevedi li l-prezz tal-esportazzjoni jkun il-prezz imħallas realment jew li għandu jitħallas għall-prodott meta mibjugħ għall-esportazzjoni, indipendentement mill-qligħ jew it-telf separati, – għalkemm relatati, – li għandhom x’jaqsmu ma’ prattiki ta’ hedging. Għalhekk, il-metodoloġija fil-premessi (66) u (67) tar-Regolament provviżorju hija b’dan ikkonfermata. |
|
(96) |
Il-Kummissjoni tagħraf li trattament kontabilistiku inkonsistenti tal-gwadann u t-telf mill-hedging tal-bijodiżil ta’ parti waħda seħħ fl-istadju provviżorju. Din il-pretensjoni ġiet aċċettata u saru l-korrezzjonijiet neċessarji. |
|
(97) |
Fir-rigward tal-premessa (68) tar-Regolament provviżorju, parti waħda sostniet li l-marġini ta’ profitt ta’ 5 % użat għall-kumpaniji kummerċjali relatati li jinsabu fl-Unjoni jirriżulta f’redditu eċċessiv fuq il-kapital u jesaġera l-profitt li huwa normalment miksub fuq il-bejgħ tal-bijodiżil minn kummerċjanti mhux relatati. Hija tiddikjara li redditu tipiku fuq il-kapital jikkorrispondi għal marġini ta’ profitt ta’ 1,3 % - 1,8 %. |
|
(98) |
Minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni minn importaturi mhux relatati u minħabba li kumpaniji ta’ kummerċ huma negozji ta’ servizzi mingħajr investimenti kapitali sinifikanti li jrendu r-redditu fuq il-kapital imsemmi hawn fuq irrilevanti, il-Kummissjoni tiċħad il-pretensjoni ta’ hawn fuq u tqis l-marġini ta’ profitt ta’ 5 % bħala raġonevoli f’dan il-każ. Il-premessa (68) tar-Regolament provviżorju hija b’dan ikkonfermata. |
|
(99) |
Fir-rigward tal-premessa (69) tar-Regolament provviżorju, parti waħda sostniet li l-primjum għall-għadd doppju tal-bijodiżil għandu jiżdied mal-prezz tal-esportazzjoni, minħabba li din hija biss l-implimentazzjoni tal-liġi Taljana. |
|
(100) |
Anki jekk il-Kummissjoni taċċetta din il-pretensjoni u żżid l-primjums għall-prezz tal-esportazzjoni, il-primjums ikollhom jerġgħu jitnaqqsu skont l-Artikolu 2(10)(k) sabiex jitqabbel il-prezz tal-esportazzjoni mal-istess valur normali b’kunsiderazzjoni dovuta tad-differenzi li jaffettwaw it-tqabbil tal-prezzijiet. Minħabba li fl-Indoneżja ma hemm l-ebda primjum għal għadd doppju tal-bijodiżil, il-prezz ogħla għall-esportazzjoni fl-Italja għalhekk ma jkunx direttament komparabbli. Għaldaqstant, dak l-argument huwa miċħud u l-premessa (69) tar-Regolament provviżorju hija permezz ta’ dan ikkonfermata. |
|
(101) |
Wara l-konklużjonijiet definittivi, dik il-parti sostniet il-pretensjoni tagħha. Madankollu ma tressaq l-ebda argument addizzjonali sostanzjali li jista’ jibdel il-valutazzjoni tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, il-premessa (69) tar-Regolament provviżorju hija kkonfermata. |
|
(102) |
Wara l-konklużjonijiet definittivi, bosta produtturi esportaturi ġibdu l-attenzjoni tal-Kummissjoni dwar żbalji klerikali li allegatament kienu fil-kalkoli tad-dumping. Dawk il-pretensjonijiet ġew eżaminati, u fejn ikun iġġustifikat saru l-korrezzjonijiet fil-kalkoli. |
3.3. Il-paragun
|
(103) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti rigward il-paragum, il-premessi minn (70) sa (75) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati. |
3.4. Il-marġini ta’ dumping
|
(104) |
Filwaqt li jitqiesu l-aġġustamenti tal-valur normali tal-prezz tal-esportazzjoni, kif stabbilit fil-premessi hawn fuq, u fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor, il-marġini ta’ dumping definittivi, espressi bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:
|
E. ĦSARA
1. Il-produzzjoni tal-Unjoni u l-industrija tal-Unjoni
|
(105) |
Ir-Regolament provviżorju, fil-premessi minn (80) sa (82), iddefinixxa l-industrija tal-Unjoni u kkonferma li tliet kumpaniji kienu esklużi mid-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni minħabba d-dipendenza tagħhom fuq l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati, jiġifieri li huma importaw b’mod sinifikanti aktar bijodiżil mill-pajjiżi kkonċernati milli pproduċew. |
|
(106) |
Żewġ kumpaniji oħra kienu esklużi mid-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni minħabba li dawn ma kinux ipproduċew bijodizil matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. |
|
(107) |
Kienu riċevuti kummenti wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament provviżorju li kumpaniji oħra għandhom jiġu esklużi mid-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni minħabba l-importazzjoni ta’ bijodiżil mill-pajjiżi kkonċernati, u wkoll minħabba r-relazzjoni tagħhom mal-produtturi esportaturi fl-Arġentina u l-Indoneżja, li b’hekk jipproteġu ruħhom mill-konsegwenzi negattivi tad-dumping. |
|
(108) |
Dawk il-kummenti ma ntlaqgħux. Wara li ġiet analizzata l-pretensjoni b’rabta ma’ relazzjonijiet bejn il-produtturi esportaturi u l-industrija tal-Unjoni nstab li kumpanija azzjonarja kellha ishma kemm ta’ produttur esportatur tal-Arġentina kif ukoll ta’ produttur tal-Unjoni. |
|
(109) |
L-ewwel nett, dawk il-kumpaniji nstabu li kienu qed jikkompetu apertament ma’ xulxin għall-istess klijenti fis-suq tal-Unjoni, u b’hekk urew li r-relazzjoni tagħhom ma kellha l-ebda impatt fuq il-prattiki tan-negozju tal-produttur esportatur Arġentin jew dak tal-Unjoni. |
|
(110) |
Wara l-konklużjonijiet definittivi, parti interessata talbet informazzjoni b’rabta mal-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar li l-esportaturi Arġentini u l-industrija tal-Unjoni kienu qed jikkompetu għall-istess klijenti fis-suq Ewropew. L-investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni, u l-investigazzjoni tal-esportaturi Arġentini, urew dan il-fatt, u ma ġiet ipprovduta l-ebda evidenza li tissostanzja l-allegazzjoni li l-esportaturi Arġentini u l-produtturi tal-Unjoni kienu qablu li ma jikkompetux fil-bejgħ ta’ bijodiżil lill-utenti finali. L-għadd ta’ utenti finali huwa relattivament żgħir u magħmul fil-biċċa l-kbira minn raffineriji taż-żejt li jixtru kemm mingħand produtturi kif ukoll importaturi tal-Unjoni. |
|
(111) |
It-tieni, l-interess prinċipali tal-produttur tal-Unjoni msemmi fil-premessa (108) ta’ hawn fuq nstab li kien fl-Unjoni, b’mod partikolari l-produzzjoni tiegħu u l-attivitajiet ta’ bejgħ relatati, kif ukoll attivitajiet ta’ riċerka. B’riżultat ta’ dan, il-konklużjoni kienet li r-relazzjoni ma kinitx raġuni biex tiġi eskluża din il-kumpanija mid-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni skont l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament bażiku. |
|
(112) |
Il-fatt li xi wħud mill-industrija tal-Unjoni kienu qed jimportaw il-bijodiżil mill-pajjiżi kkonċernati huwa fih innifsu mhux biżżejjed biex ibiddel id-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni. Kif spjegat fir-Regolament provviżorju, l-importazzjonijiet tal-industrija tal-Unjoni mill-pajjiżi kkonċernati saru għad-difiża proprja. Barra minn hekk, instab li l-interess prinċipali ta’ xi produtturi tal-Unjoni li importaw mill-pajjiżi kkonċernati baqa’ fl-Unjoni, – dawn il-kumpaniji kienu qed jipproduċu aktar f’termini ta’ volum milli kienu qed jimportaw u l-funzjonijiet ta’ riċerka tagħhom twettqu fl-Unjoni. |
|
(113) |
Parti waħda interessata allegat li l-industrija tal-Unjoni għandu jkun fiha wkoll dawk il-kumpaniji li kienu qed jixtru l-bijodiżil u qed iħalltuh b’diżil minerali, minħabba li dawn it-taħlitiet kienu wkoll il-prodott ikkonċernat. Din il-pretensjoni ma ntlaqgħetx. Il-prodott ikkonċernat huwa l-bijodiżil, f’forma pura jew inkella f’taħlita. Għaldaqstant il-produtturi tal-prodott ikkonċernat huma produtturi tal-bijodiżil u mhux il-kumpaniji li jħalltu l-bijodiżil mad-diżil minerali. |
|
(114) |
Id-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni kif stabbilita fil-premessi minn (80) sa (82) tar-Regolament provviżorju hija għalhekk ikkonfermata, flimkien mal-volum tal-produzzjoni waqt il-PI kif stabbilit fil-premessa (83) tar-Regolament provviżorju. |
2. Il-konsum mill-Unjoni
|
(115) |
Wara l-iżvelar provviżorju l-industrija tal-Unjoni għamlet korrezzjoni żgħira tal-bejgħ tagħhom għall-2009, biex b’hekk aġġustaw il-konsum tal-Unjoni għal dik is-sena. Din il-korrezzjoni ma tibdilx it-tendenza jew il-konklużjonijiet misluta mid-dejta fir-Regolament provviżorju. It-Tabella 1 hija kkoreġuta hawn taħt. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-premessi minn (84) sa (86) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.
|
||||||||||||||||||||
3. Valutazzjoni kumulattiva tal-effetti tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati
|
(116) |
Fil-premessi minn (88) sa (90) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni ddeterminat li l-kundizzjonijiet kienu sodisfatti għal valutazzjoni kumulattiva tal-effetti tal-importazzjonijiet mill-Arġentina u l-Indoneżja. Dan kien ikkontestat minn parti interessata li allegat li l-PME mill-Indoneżja ma kienx qiegħed jikkompeti ma’ bijodiżil magħmul fl-Unjoni fuq l-istess bażi bħall-SME mill-Arġentina, u li l-PME tal-Unjoni kien orħos mill-bijodiżil prodott minħabba li l-materja mhux raffinata (jew “il-materja prima”) kienet irħas mill-materja prima disponibbli fl-Unjoni. |
|
(117) |
Dawk l-argumenti ma ntlaqgħux. Kemm l-SMEs u l-PME huma importati fl-Unjoni, u huma wkoll manifatturati fl-Unjoni, u huma mħallta ma’ RME u bijodiżils oħrajn immanifatturat fl-Unjoni qabel jinbiegħu jew jitħalltu ma’ diżil minerali. Dawk li jħalltu jkollhom l-għażla ta’ xiri ta’ bijodiżil minn materja prima differenti u oriġini differenti biex jipproduċu prodott finali, ibbażat fuq is-suq u l-kundizzjonijiet klimatiċi matul is-sena. Il-PME jinbiegħ fi kwantitajiet akbar matul ix-xhur tas-sajf u kwantitajiet iżgħar matul ix-xhur tax-xitwa, iżda għadu f’kompetizzjoni mal-RME u l-bijodiżil magħmul fl-Unjoni kif ukoll l-SME mill-Arġentina. |
|
(118) |
Il-premessa (90) tar-Regolament provviżorju hija b’dan ikkonfermata. |
4. Il-volum, il-prezz u s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet iddampjati mill-pajjiżi kkonċernati
|
(119) |
Parti interessata partikolari kkuntestat id-dejta tal-importazzjoni stabbilita fit-Tabella 2 tar-Regolament provviżorju, għax qalet li l-importazzjonijiet mill-Indoneżja kienu ħafna inqas minn dawk ippreżentati fit-tabella. Id-dejta tal-importazzjoni fit-Tabella 2 kienet ibbażata fuq id-dejta tal-Eurostat, li kienet verifikata bir-reqqa u nstab li hija korretta, u skont id-dejta miġbura mingħand l-esportaturi Indoneżjani. Il-bijodiżil huwa prodott relattivament riċenti, u l-kodiċijiet doganali applikabbli għall-importazzjonijiet tal-bijodiżil inbidlu ta’ spiss matul dawn l-aħħar snin. Għalhekk, meta tkun qed tiġi estratta dejta minn Eurostat, il-kodiċijiet applikabbli dak iż-żmien għandhom jintużaw sabiex jiżguraw li d-dejta hija akkurata. Dan jispjega għaliex l-estrazzjoni tad-dejta tal-parti interessata mhix kompluta u dan juri inqas importazzjonijiet mid-dejta sħiħa ppreżentati fit-Tabella 2. |
|
(120) |
Minħabba bidla żgħira fil-konsum tal-Unjoni fit-Tabella 1, is-sehem tas-suq għall-Arġentina għall-2009 fit-Tabella 2 ukoll inbidel xi ftit, waqt li għall-Indoneżja ma kien hemm l-ebda bidla. Din ma tbiddilx it-tradizzjoniet tad-dejta jew il-konklużjonijiet stabbiliti minnhom. Is-sehem tas-suq huwa kkoreġut hawn taħt.
|
|||||||||||||||||||||||||
5. Twaqqigħ tal-prezz
|
(121) |
Kif stipulat fil-premessi minn (94) sa (96) tar-Regolament provviżorju, sabiex jiġi stabbilit it-twaqqigħ fil-prezz, il-prezz tal-importazzjonijiet mill-Arġentina u l-Indoneżja tqabbel mal-prezz ta’ bejgħ tal-industrija tal-Unjoni, bl-użu ta’ dejta minn kumpaniji fil-kampjun. F’dan it-tqabbil, il-bijodiżil importat mill-industrija tal-Unjoni għall-bejgħ mill-ġdid ġie eskluż mill-kalkoli ta’ twaqqigħ tal-prezz. |
|
(122) |
Partijiet interessati nnutaw li l-metodoloġija użata, minħabba li hija paragun tal-Punt Limitu tal-Filtrabbiltà fil-Ksieħ (“CFPP”), ma kinitx l-istess bħal dik użata f’investigazzjoni kontra d-dumping preċedenti li kient tinvolv bijodiżil mill-Istati Uniti, fejn il-paragun sar fuq il-materja prima. |
|
(123) |
Għall-kuntrarju tal-produtturi esportaturi fl-Arġentina u l-Indoneżja, l-industrija tal-Unjoni ma tbigħx bijodiżil magħmul minn materja prima waħda, iżda tħallat bosta materji primi biex tipproduċu l-bijodiżil finali li jinbiegħ. Il-klijent aħħari ma jkunx konxju, u lanqas tirrigwardah, il-kompożizzjoni ta’ dak li jkun qiegħed jixtri ladarba l-prodott jissodisfa s-CFPP meħtieġ. Dak li jimporta għall-klijent huwa s-CFPP irrispettivament liema materja prima tiġi użata. F’dawn iċ-ċirkostanzi, instab li jkun xierqa li f’dan il-proċediment isir paragun tal-prezzijiet abbażi tas-CFPP. |
|
(124) |
Għal importazzjonijiet mill-Indoneżja, li jinsabu f’CFPP ta’ 13 jew aktar, sar aġġustament, li huwa d-differenza fil-prezz bejn il-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni ta’ CFPP 13 u l-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni ta’ CFPP 0, sabiex ikun ipparagunat is-CFPP 13 jew iktar mill-Indoneżja mas-CFPP 0 manifatturat u mħallat fl-Unjoni. Produttur esportatur Indoneżjan osserva li minħabba li l-bejgħ tas-CFPP 13 mill-industrija tal-Unjoni seħħ fi kwantitajiet żgħar għal kull tranżazzjoni, dawn il-prezzijiet għandhom jitqabblu ma’ tranżazzjonijiet CFPP 0 ta’ daqs simili. Dwar l-ispezzjoni ta’ tranżazzjonijiet tas-CFPP 0 ta’ kwantita simili għal kull tranżazzjoni, id-differenza fil-prezz li nstabet kienet skont id-differenza bl-użu t-tranżazzjonijiet kollha tas-CFPP 0, b’differenzi fil-prezz kemm iktar ‘il fuq u kemm taħt il-medja tad-differenza fil-prezz. Bħala riżultat ma kien hemm l-ebda tibdil fil-livell ta’ bejgħ taħt il-prezz misjub fir-Regolament provviżorju fil-premessa (97). |
|
(125) |
Produttur esportatur Indoneżjan talab li l-Kummissjoni tagħti n-numru ta’ kontroll tal-prodott (“PCN”) kollu tat-taħlitiet mibjugħin mill-industrija tal-Unjoni – il-perċentwali ta’ kull materja prima li tkun fil-bejgħ magħmul mill-industrija tal-Unjoni tal-produzzjoni tagħha stess. Minħabba li l-paragun li sar bl-iskop li tiġi ddeterminata l-ħsara kien biss abbażi tas-CFPP, din il-pretensjoni ma ntlaqitx. |
|
(126) |
Parti interessata waħda ddikjarat li kien hemm differenza fil-prezz bejn il-bijodiżil li jissodisfa l-kriterji stabbiliti fid-Direttiva dwar l-enerġija rinnovabbli (“Iċċertifikat RED”) u l-bijodiżil li ma jissodisfax dawn il-kriterji. Hija sostniet li ladarba l-importazzjonijiet mill-Indoneżja ma kinux iċċertifikati RED, u li l-prezz ikkwotat għall-bijodiżil iċċertifikat RED kien ogħla, għandu jsir aġġustament. |
|
(127) |
Dik il-pretensjoni ma ġietx aċċettata. Kważi l-importazzjonijiet kollha mill-Indoneżja matul il-PI kienu ċċertifikat RED. Fi kwalunkwe każ, l-Istati Membri implimentaw il-kriterji ta’ sostenibbiltà stipulati fir-RED fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom biss matul il-kors tal-2012, għaldaqstant matul ħafna mill-PI kemm jekk il-bijodiżil kien iċċertifikat RED jew le ma kellu l-ebda effett. |
|
(128) |
Wara l-konklużjonijiet definittivi, produttur esportatur Indoneżjan ikkummenta dwar il-kalkoli tal-bejgħ taħt il-prezz, u ddikjara li l-importazzjonijiet tal-PME mill-Indoneżja għandhom jitqabblu mal-bejgħ kollu tal-industrija tal-Unjoni. Il-kalkolu tal-bejgħ taħt il-prezz sar biex jitqabbel il-bejgħ tal-PME mill-Indoneżja mal-bejgħ kollu tal-industrija tal-Unjoni bis-CFPP 0, billi jkun hemm żieda fil-prezz tal-importazzjonijiet Indoneżjani tal-PME b’fattur fil-prezz kkalkulat billi jitqabbel il-bejgħ tas-CFPP 0 tal-industrija tal-Unjoni mal-bejgħ tas-CFPP 13tal-industrija tal-Unjoni. Għaldaqstant il-pretensjoni ma tintlaqax. Il-pretensjoni tal-istess parti, li skont hija l-kalkoli tal-ħsara inkludew prodott importat, mhix fattwalment korretta u għalhekk ma tintlaqax. Fi kwalunkwe każ, il-bijodiżil importat u l-bijodiżil prodott fl-UE ġew imħallta flimkien u mibjugħa bl-istess prezz bħal ta’ taħlitiet li ma inkludew l-ebda bijodiżil importat. |
|
(129) |
Produttur esportatur Indoneżjan ikkuntesta wkoll il-kalkolu tal-ispejjeż ta’ wara l-importazzjoni. Madankollu, dawk l-ispejjeż kienu vverifikati bħala l-ispejjeż reali għall-importazzjoni tal-bijodiżil nieqsal-ispejjeż tal-konsenja għad-destinazzjoni finali, u mhija meħtieġa l-ebda bidla. |
6. Indikaturi makroekonomiċi
|
(130) |
Kif stipulat fil-premessa (101) tar-Regolament provviżorju, l-indikaturi makroekonomiċi li ġejjin kienu analizzati abbażi tad-dejta riċevuta li tkopri l-industrija tal-Unjoni kollha: il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità, il-volum tal-bejgħ, sehem is-suq, it-tkabbir, l-impjiegi, il-produttività, il-kobor tal-marġini ta’ dumping u l-irkupru minn dumping preċedenti. |
|
(131) |
Wara konklużjonijiet provviżorji, l-industrija tal-Unjoni osservat li d-dejta dwar il-kapaċità li kienet intużat fit-Tabella 4 tar-Regolament provviżorju inkludiet il-kapaċità li ma kinitx żarmata, li madankollu ma kinitx fi stat li tkun disponibbli għall-użu matul il-PI jew is-snin preċedenti sabiex timmanifattura l-bijodiżil. Huma identifikaw separatament din il-kapaċità bħala “kapaċità wieqfa” li ma għandhiex tingħadd bħala kapaċità disponibbli għall-użu. Iċ-ċifri tal-użu tal-kapaċità fit-Tabella 4 għalhekk kienu iżjed baxxi milli suppost. Wara skrutinju dettaljat ta’ din id-dejta sottomessa mill-ġdid, din kienet aċċettata u t-Tabella 4 hija mtennija hawn taħt. Ir-rata tal-użu tal-kapaċità li kienet minn 43 % sa 41 % fir-Regolament provviżorju, issa jsir minn 46 % sa 55 %. L-industrija tal-Unjoni kkoreġiet ukoll id-dejta tal-produzzjoni għall-2009, sabiex toħloq it-tabella ta’ hawn taħt:
|
|
(132) |
Il-premessa (103) tar-Regolament provviżorju analizzat id-dejta preċedenti dwar l-użu tal-kapaċità, filwaqt li nnutat li l-produzzjoni żdiedet filwaqt li l-kapaċità baqgħet stabbli. Bid-dejta riveduta l-produzzjoni xorta żdiedet, iżda l-kapaċità utilizzabbli naqset matul l-istess perjodu. Dan juri li l-industrija tal-Unjoni kienet qiegħda tnaqqas il-kapaċità disponibbli fid-dawl ta’ żieda fl-importazzjonijiet mill-Arġentina u l-Indoneżja u b’hekk tirreaġixxi għas-sinjali tas-suq. Id-dejta riveduta issa hija aktar skont id-dikjarazzjonijiet pubbliċi tal-industrija tal-Unjoni u l-produtturi tal-Unjoni, billi tiddikjara li matul il-perjodu kkunsidrat il-produzzjoni kienet waqfet f’diversi impjanti u li l-kapaċità li ġiet installata ma kinitx disponibbli minnufih għall-użu, jew disponibbli biss għall-użu b’reinvestiment sinifikanti. |
|
(133) |
Diversi partijiet interessati ddubitaw mill-kapaċita riveduta u mid-dejta dwar l-użu tal-kapaċità. Madankollu, l-ebda alternattiva ma ngħatat mill-ebda parti interessata. Ir-reviżjoni hija bbażata fuq id-dejta riveduta dwar il-kapaċità mogħtija mill-ilmentatur, u tkopri l-industrija tal-Unjoni kollha. Id-dejta disponibbli pubblikament li b’mod partikolari tirrigwarda l-kapaċità wieqfa kif ukoll il-kapaċità tal-produtturi li waqfu joperaw minħabba diffikultajiet finanzjarji ntużat bħala kontroreferenza għad-dejta riveduta. Kif spjegat hawn fuq fit-taqsima 6 “Indikaturi makroekonomiċi”, id-dejta riveduta tipprovdi ġabra ta’ dejta aktar preċiża tal-kapaċità disponibbli għall-produzzjoni tal-bijodiżil matul il-perjodu eżaminat milli mill-ġabra ta’ dejta pprovduta oriġinarjament u ppubblikata fir-Regolament provviżorju. |
|
(134) |
Parti interessata waħda ddikjarat li l-industrija tal-Unjoni ma saritilhiex ħsara, hekk kif il-volumi tal-produzzjoni tela’ b’konformità mal-konsum. Dan l-argument huwa miċħud, minħabba li indikaturi importanti oħrajn jippuntaw b’mod ċar lejn l-eżistenza ta’ ħsara, b’mod partikolari telf ta’ sehem mis-suq għall-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati u x-xejra ta’ profittabbiltà mnaqqsa li twassal għal telf. |
|
(135) |
Parti oħra interessata argumentat li l-industrija tal-Unjoni ma saritilhiex ħsara jekk wieħed iqabbel biss ix-xejriet bejn l-2011 u l-PI għall kuntrarju ta’ li wieħed iqabbel ix-xejriet matul il-perjodu li jibda mill-1 ta’ Jannar 2009 sa tmiem il-PI (“il-perjodu kkunsidrat”). Minħabba li l-PI jkopri nofs l-2011, tqabbil bejn l-2011 u PI mhux preċiż. Barra minn hekk, biex paragun ikun sinifikanti huwa meħtieġ l-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-ħsara matul perjodu li huwa twil biżżejjed kif kien sar fil-każ preżenti. Għaldaqstant din il-pretensjoni ma tintlaqax. |
|
(136) |
L-istess parti interessata nnutat li l-Kummissjoni ma kinitx ippubblikat il-valur totali tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fir-Regolament provviżorju u talbet li din iċ-ċifra tiġi ppubblikata. Madankollu, il-fatturi rilevanti kollha msemmija fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku ġew eżaminati, biex b’hekk jippermettu valutazzjoni sħiħa ta’ ħsara. Il-valur tal-bejgħ ġie miġbur, u vverifikat, minn kumpaniji inklużi fil-kampjun, li kienu jirrappreżentaw l-industrija tal-Unjoni bħala entità sħiħa. |
|
(137) |
L-istess parti nnotat ukoll li l-industrija tal-Unjoni kienet kapaċi żżid l-impjiegi u għalhekk ma kien hemm l-ebda effett negattiv fuq l-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. |
|
(138) |
Madankollu, kif spjegat fil-premessa (106) tar-Regolament provviżorju, impjieg f’din l-industrija b’kapital intensiv huwa relattivament baxx. Għaldaqstant, varjazzjonijiet żgħar fiċ-ċifri jistgħu jikkawżaw ċertu moviment fid-dejta indiċjata. Iż-żieda fl-għadd totali ta’ impjiegi ma tikkanċellax il-ħsara li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni kif muri minn indikaturi oħra. |
|
(139) |
Fin-nuqqas ta’ xi kummenti oħra, il-premessi minn (103) sa (110) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati. |
7. Indikaturi mikroekonomiċi
|
(140) |
Kif stabbilit fil-premessa (102) tar-Regolament provviżorju, dawn l-indikaturi mikroekonomiċi ġew analizzati, u bbażati fuq dejta verifikata dwar il-produtturi tal-Unjoni li kienu fil-kampjun: il-prezzijiet medji ta’ unità, l-ispiża unitarja, l-ispejjeż tax-xogħol, l-inventarji, il-profittabilità, il-flussi tal-flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investimenti u l-kapaċità ta’ ġbir ta’ kapital. |
|
(141) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti rilevanti, il-premessi minn (111) sa (117) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati. |
8. Konklużjoni dwar id-dannu
|
(142) |
Diversi partijiet ikkontestaw il-konklużjoni dwar il-ħsara mressqa fir-Regolament provviżorju fuq il-bażi li bejn is-sena 2011 u l-PI xi indikaturi kienu jidhru li marru għall-aħjar. Filwaqt li huwa minnu li xi indikaturi wrew xejra ‘l fuq bejn l-2011 u l-PI (pereż., il-produzzjoni u l-bejgħ), l-industrija ma kinitx f’pożizzjoni li tgħaddi ż-żidiet fl-ispejjeż matul dan il-perjodu kif innutat fil-premessa (111) tar-Regolament provviżorju. Dan wassal biex il-pożizzjoni tal-industrija tmur għall-agħar minn telf ta’ 0,2 % fl-2011 għal telf ta’ 2,5 % fil-PI. Għalhekk, huwa meqjus li, anki jekk l-analiżi tad-danni kellha tiġi limitata għall-perjodu 2011sal-PI, l-industrija xorta tinstab li ġarrbet ħsara materjali. |
|
(143) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra, il-premessi minn 118 sa 120 tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati. |
F. KAWŻALITÀ
1. L-effett tal-importazzjonijiet iddampjati
|
(144) |
Parti waħda interessata qalet li l-importazzjonijiet mill-Arġentina ma setgħux ikun kawża ta’ dannu, għax il-volumi ta’ importazzjoni baqgħu stabbli mill-2010 sal-aħħar tal-PI, naqsu biss ftit mill-2011 sal-aħħar tal-PI. |
|
(145) |
Din id-dejta ġiet meħuda mit-Tabella 2 tar-Regolament provviżorju u hija akkurata. Madankollu l-analiżi tal-Kummissjoni tibda minn meta jibda l-perjodu meqjus sa tmiem il-PI u, fuq dik il-bażi, l-importazzjonijiet żdiedu bi 48 %, b’żieda ta’ 41 % f’sehem mis-suq. Barra minn hekk, kif spjegat fil-premessa (90) tar-Regolament provviżorju, mhux biss l-importazzjonijiet mill-Arġentina iżda wkoll l-importazzjonijiet mill-Indoneżja kienu kkunsidrati. |
|
(146) |
Waqt li ħadet il-paragun tal-prezz minn sena għall-oħra, l-istess parti interessata nnotat li l-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-Arġentina żdiedu b’pass aktar mgħaġġel mill-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni. Madankollu, l-importazzjonijiet mill-Arġentina xorta huma inqas mill-prezz tal-industrija tal-Unjoni, u dan jispjega għala l-prezzijiet tal-Unjoni ma setgħux jiżdiedu daqshekk malajr. |
|
(147) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor rigward l-effetti tal-importazzjonijiet iddampjati, il-premessi minn 123 sa 128 tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati. |
2. Effett ta’ fatturi oħra
2.1. Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi minbarra l-pajjiżi kkonċernati
|
(148) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti, il-konklużjoni li l-importazzjonijiet minn pajjiżi oħra ma kkawżawx ħsara, kif stabbilit fil-premessa (129) tar-Regolament provviżorju hija kkonfermata. |
2.2. Importazzjonijiet li ma kinux iddampjati mill-pajjiżi kkonċernati
|
(149) |
Wara l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(5) kif imsemmi fil-premessi (38) u (70) hawn fuq, ma nstabu l-ebda importazzjonijiet mhux iddampjati mill-pajjiżi kkonċernati. Għalhekk, il-premessa (130) tar-Regolament provviżorju rreveduta skont dan. |
2.3. Produtturi oħra tal-Unjoni
|
(150) |
Fin-nuqqas ta’ kull kumment ieħor, il-premessa (131) tar-Regolament provviżorju hija b’dan ikkonfermata. |
2.4. Importazzjonijiet magħmula mill-industrija tal-Unjoni
|
(151) |
Kif stabbilit fil-premessi minn (132) sa (136) tar-Regolament provviżorju, l-industrija tal-Unjoni importat kwantitajiet sinifikanti ta’ bijodiżil mill-pajjiżi kkonċernati matul il-perjodu eżaminat, sa 60 % tal-importazzjonijiet kollha saru minn dawn il-pajjiżi fil-PI. |
|
(152) |
Parti waħda interessata allegat li dawn l-importazzjonijiet, lil ma sarux biex tipproteġi lilha nfisha, kienu parti minn “strateġija fuq terminu twil żviluppata bir-reqqa” mill-industrija tal-Unjoni, sabiex tinvesti fl-Arġentina u ġġib il-bijodiżil minn dan il-pajjiż. |
|
(153) |
Dawn jallegaw ukoll li qatt ma kien hemm razzjonal ekonomiku li jkun importat iż-żejt tas-soja fl-Unjoni u li jkun ipproċessat f’bijodiżil fl-Unjoni, u li huwa biss ekonomikament fattibbli li ż-żejt tas-soja jkun proċessat fl-Arġentina u li jkun esportat il-bijodiżil li jirriżulta. |
|
(154) |
Dawn id-dikjarazzjonijiet għandhom jiġu miċħuda. L-ebda evidenza ta’ tali “strateġija fit-tul” ma ġiet ipprovduta u dan ġie miċħud mill-industrija tal-Unjoni. Ovvjament jekk l-istrateġija tal-industrija tal-Unjoni kienet li jissupplimentaw il-produzzjoni tal-bijodiżil tagħhom billi jipproduċu fl-Arġentina u jimportaw il-prodott lest, ma jagħmilx sens u huwa illoġiku li mbagħad tniedi ilment kontra importazzjonijiet ta’ din ix-xorta. |
|
(155) |
Parti interessata tenniet li l-importazzjonijiet tal-bijodiżil mill-industrija tal-Unjoni, li saru sabiex tipproteġi lilha nfisha, kienu magħmula bħala parti minn strateġija kummerċjali fuq terminu twil ta’ żmien. Din l-allegazzjoni, li ma kinitx sostanzjata, ġiet miċħuda. Ma ngħatat l-ebda prova, apparti s-sempliċi allegazzjoni ta’ strateġija bħal din. Barra minn hekk, mhux loġiku għall-produtturi tal-Unjoni kkonċernati li jappoġġaw l-ilment u, f’xi każijiet, jżidu l-kapaċità tagħhom fl-Unjoni filwaqt li fl-istess ħin jkollhom strateġija sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet tal-produzzjoni minn importazzjonijiet. |
|
(156) |
L-istess parti interessata argumentat ukoll li s-sehem tas-suq tal-industrija tal-Unjoni għandu jiġi kkalkulat billi jiġu inklużi l-importazzjonijiet tagħha magħmula sabiex tipproteġi lilha nnifisha. Din is-sottomissjoni ġiet miċħuda għax il-kalkoli ta’ sehem is-suq għandhom jirriflettu l-bejgħ ta’ prodotti tal-industrija tal-Unjoni li hija stess ipproduċiet u mhux l-attivitajiet kummerċjali tagħha bil-prodott lest, li jsiru sabiex tirrispondi għall-volumi dejjem akbar ta’ importazzjonijiet iddampjati. |
|
(157) |
L-industrija tal-Unjoni wriet ukoll li fis-snin preċedenti l-importazzjoni taż-żejt tas-soja – u ż-żejt tal-palm – għall-ipproċessar f’bijodiżil kienet ekonomikament vijabbli. L-ebda evidenza tal-kuntrarju ma ġiet ipprovduta mill-parti interessata. Huwa biss permezz tal-effett distorsiv kkawżat mit-taxxa differenzjata li jġib l-esportazzjoni tal-bijodiżil irħas mill-materja prima, meta ssir ekonomikament raġonevoli l-importazzjoni tal-prodott lest. |
|
(158) |
Parti waħda interessata allegat li dawk l-importazzjonijiet kienu kawża ta’ ħsara għax hija biss l-industrija tal-Unjoni li kellha l-kapaċità li tħallat l-SME mill-Arġentina u l-PME mill-Indoneżja mal-bijodiżil prodott mill-Unjoni għal bejgħ mill-ġdid lil raffinaturi tad-diżil. Dik l-allegazzjoni hija żbaljata. It-taħlit huwa operazzjoni sempliċi li ħafna kumpaniji kummerċjali huma kapaċi jagħmlu fit-tankijiet ta’ ħażna tagħhom. Ma ġiet ipprovduta l-ebda prova li l-produtturi tal-Unjoni biss huma kapaċi għal din it-taħlita, u għalhekk l-allegazzjoni ġiet miċħuda. |
|
(159) |
Produttur esportatur Indoneżjan sostna wkoll li l-importazzjonijiet mill-industrija tal-Unjoni ma kinux saru biex tipproteġi lilha nnifisha, u qabbel id-dejta tas-sena 2011 ma’ dejta mill-PI, li fih sitt xhur mill-istess sena. Paragun bejn dawn it-tnejn għalhekk mhux preċiż jekk il-PI ma jkunx jista’ jinqasam f’żewġ nofsijiet. Għaldaqstant dan l-argument ġie miċħud. |
|
(160) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra fir-rigward tal-esportazzjonijiet mill-industrija tal-Unjoni, il-premessi minn (132) sa (136) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati. |
2.5. Il-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni
|
(161) |
Il-premessi minn (137) sa (140) tar-Regolament provviżorju osservaw li l-użu tal-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni baqa’ baxx matul il-perjodu kkunsidrat, iżda tul dan il-perjodu s-sitwazzjoni tal-kumpaniji fil-kampjun marret għall-agħar, filwaqt li l-użu tal-kapaċità tagħhom ma naqasx bl-istess ammont. |
|
(162) |
Il-konklużjoni provviżorja kienet għalhekk li r-rata baxxa tal-użu tal-kapaċità, bħala fattur kostanti, ma kinitx responsabbli għall-ħsara kkawżata lill-industrija tal-Unjoni. |
|
(163) |
Waħda mill-partijiet interessati kkumentat fuq id-dejta fir-Regolament provviżorju, billi ġibdet l-attenzjoni li anki fin-nuqqas ta’ kwalunkwe importazzjoni l-użu tal-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni ma kienx se jkun iktar minn 53 % matul il-PI. Hija ssemmi wkoll iż-żieda fil-kapaċità tal-produzzjoni mill-2009 sal-aħħar tal-PI li wasslet għal tnaqqis fl-użu tal-kapaċità waqt il-perjodu kkunsidrat. |
|
(164) |
Madankollu, il-parti interssata ma pprovdiet l-ebda evidenza biex turi li dan l-użu baxx tal-kapaċità kien li kkaġuna ħsara sa tali punt li kiser ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet iddampjati u d-deterjorament tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni. L-ispejjeż fissi jirrappreżentaw biss proporzjon żgħir (madwar 5 %) tal-ispejjeżt totali tal-produzzjoni, li juri li l-użu baxx tal-kapaċità kien biss fattur wieħed tal-ħsara, iżda mhux wieħed deċiżiv. Barra minn hekk, waħda mir-raġunijiet għal din ir-rata baxxa tal-użu tal-kapaċità hija l-fatt li l-industrija tal-Unjoni, minħabba s-sitwazzjoni partikolari tas-suq, importat il-prodott lest innifsu. |
|
(165) |
Barra minn hekk, wara l-inklużjoni tad-dejta riveduta dwar il-kapaċità u l-utilizzazzjoni, l-industrija tal-Unjoni naqqset il-kapaċità matul il-perjodu kkunsidrat, u żiedet l-użu tal-kapaċità, minn 46 % sa 55 %. Dan juri li l-użu tal-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni jkun sostanzjalment ogħla mit-53 % imsemmi hawn fuq li kieku ma jkunx hemm l-importazzjonijiet iddampjati. |
|
(166) |
Wara l-konklużjonijiet definittivi, bosta partijiet interessati tefgħu dubju dwar il-konklużjoni li l-użu baxx tal-kapaċità ma kinitx il-fattur deċiżiv li kkawża dannu. Ġie allegat li l-ispejjeż fissi fl-industrija tal-bijodiżil kienu ferm ogħla mill-proporzjon żgħir li ngħata hawn fuq. Madankollu ma taw l-ebda prova biex issostnu din l-allegazzjoni u għalhekk ġiet miċħuda. Fi kwalunkwe każ l-ispejjeż fissi ma għandhomx x’jaqsmu mar-rati tal-użu tal-kapaċità. Mill-verifika tal-kumpaniji fil-kampjun ħareġ li l-ispiża fissa apparagun mal-ispiża totali tal-proporzjon tal-produzzjoni kienet bejn it-3 % u l-10 % matul il-PI. |
|
(167) |
Kien ukoll allegat f’dan ir-rigward li l-kapaċità żejda tal-industrija tal-Unjoni kienet tant għolja, li anki fin-nuqqas ta’ importazzjonijiet, ma kinitx tkun profittabbli b’mod adegwat. Ma ngħatat l-ebda prova għal din l-allegazzjoni, u l-fatt li l-industrija tal-Unjoni għamlet profitt fl-2009 b’użu baxx tal-kapaċità jissuġġerixxi li fin-nuqqas ta’ importazzjonijiet iddampjati, il-profitabbiltà tagħha tkun saħansitra ogħla. |
|
(168) |
Barra minn hekk, kien argumentat li t-tnaqqis fil-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni kien fih nnifsu kawża ta’ dannu minħabba l-ispejjeż għall-għeluq tal-impjanti u t-tnaqqis fil-kapaċità tal-impjanti li komplew joperaw. Din l-allegazzjoni ma kinitx sostanzjata u ma ġiet imressqa l-ebda prova li turi li l-ispejjeż għat-tnaqqis tal-kapaċità, jew għall-għeluq ta’ impjanti jew kumpaniji sħaħ, kienu jirrigwardaw ammonti sinifikanti. |
|
(169) |
Fl-aħħar nett ġie allegat, rigward il-kapaċità, li kwalunkwe kumpanija li żżid il-kapaċità fil-produzzjoni tal-bijodiżil matul il-perjodu kkunsidrat, tkun qed tieħu deċiżjoni kummerċjali irresponsabbli. Ma ġiet ipprovduta l-ebda prova għal din l-allegazzjoni. Barra minn hekk, il-fatt li xi kumpaniji kienu kapaċi jżidu l-kapaċità tagħhom anki meta kien hemm żieda fl-importazzjonijiet tal-bijodiżil iddampjat mill-Arġentina u mill-Indoneżja, juri d-domanda fis-suq għal prodotti partikolari tagħhom. |
|
(170) |
L-indikaturi makroekonomiċi riveduti juru wkoll li matul il-perjodu l-kumpaniji kienu qed iwarrbu l-kapaċità minn użu possibbli, u eqreb lejn tmiem il-PI kienu li qed jibdew proċess li jagħlqu l-impjanti li ma kinux għadhom vijabbli. Barra minn dan, żidiet fil-kapaċità fuq livell ta’ kumpaniji individwali huma l-aktar dovuti għall-espansjoni tal-hekk imsejħa “tieni ġenerazzjoni” tal-impjanti tal-bijodiżil, il-manifattura minn żjut għar-rimi jew żejt veġetali idroġenati (“HVO”). Għalhekk l-industrija tal-Unjoni kienet, u għadha, fil-proċess li tirrazzjonalizza l-kapaċità tagħha biex tlaħħaq mal-ħtiġijiet tal-Unjoni. |
|
(171) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra fir-rigward tal-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni, il-premessi minn (137) sa (140) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati. |
2.6. In-nuqqas ta’ aċċess għall-materja prima u l-integrazzjoni vertikali
|
(172) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra ġodda dwar l-aċċess għal materjali ġodda, il-premessi minn (141) sa (142) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati. |
2.7. Għadd doppju
|
(173) |
Il-premessi minn (143) sa (146) tar-Regolament provviżorju trattaw l-allegazzjoni li s-sistema ta’ “għadd doppju”, fejn bijodiżil magħmul minn żjut għar-rimi jgħodd darbtejn lejn il-mandati ta’ taħlit f’xi Stati Membri, ikkawżat ħsara lill-industrija tal-Unjoni, jew għallinqas lil dawk il-produtturi tal-Unjoni li jimmanifatturaw il-bijodiżil minn żjut verġni. |
|
(174) |
Parti interessata semmiet kumment minn produttur tal-Unjoni li matul l-2011 huwa tilef bejgħ għal produtturi oħrajn li mmanifatturaw bijodiżil eliġibbli għal għadd doppju. |
|
(175) |
L-impatt negattiv fuq dan il-produttur kien madankollu limitat, temporanju, u rilevanti biss għal parti tal-perjodu ta’ investigazzjoni, ladarba l-iskema tal-għadd doppju ġiet adottata biss f’Settembru 2011 fl-Istat Membru ta’ fejn il-kumpanija tinsab. Minħabba li l-prestazzjoni finanzjarja tal-kumpaniji fil-kampjun naqset wara Settembru 2011, u din il-kumpanija kienet inkluża fil-kampjun, l-għadd doppju ma jistax jiġi kkunsidrat bħala sors ta’ ħsara. |
|
(176) |
Billi l-industrija tal-Unjoni hija magħmula kemm minn kumpaniji li jipproduċu bijodiżil miż-żjut għar-rimi u li jibbenefikaw minn għadd doppju f’xi Stati Membri, u wkoll minn kumpaniji li jipproduċu l-bijodiżil minn żjut verġni, il-moviment fid-domanda jibqa’ fl-industrija tal-Unjoni. Minħabba provvista li tispiċċa ta’ żjut użati, li huma meħtieġa għall-manifattura ta’ bijodiżil b’għadd doppju, żieda kbira fil-produzzjoni ta’ bijodiżil b’għadd doppju hija diffiċli. Għalhekk, għad hemm talba qawwija għall-bijodiżil tal-ewwel ġenerazzjoni. L-ebda importazzjonijiet sinifikanti ta’ bijodiżil eliġibbli għal għadd doppju ma nstabu matul il-perjodu tal-investigazzjoni, u għalhekk ġie kkonfermat li l-għadd doppju qiegħda jbiddel id-domanda fl-industrija tal-Unjoni u mhux joħloq d-domanda għall-importazzjonijiet. Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda dejta mill-parti interessata li turi li l-bijodiżil b’għadd doppju kien ikkawża l-waqgħa fil-prezz tal-bijodiżil minn żejt verġni matul il-perjodu kkunsidrat. Id-dejta turi li l-bijodiżil b’għadd doppju għandu primjum ta’ prezz baxx fuq il-bijodiżil verġni, li l-prezz tiegħu huwa marbut mad-diżil minerali. |
|
(177) |
It-tnaqqis fil-prestazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, li hija magħmula minn żewġ tipi ta’ produtturi, ma jistax jiġi attribwit għar-reġim ta’ għadd doppju fis-seħħ f’xi Stati Membri. B’mod partikolari, il-fatt li kumpaniji fil-kampjun li jipproduċu bijodiżil magħdud doppju qed juru wkoll tnaqqis fil-prestazzjoni, kif imsemmi fil-premessa (145) tar-Regolament provviżorju, juri li l-ħsara kkawżata mill-importazzjonijiet iddampjati qed tiġġarrab fl-industrija kollha. |
|
(178) |
Bosta partijiet interessati argumentaw wara l-konklużjonijiet definittivi, li l-ammonti tal-bijodiżil magħdud doppju kienu ssottovalutati. Madankollu, l-ammonti ta’ bijodiżil magħdud doppju disponibbli fis-suq tal-Unjoni kienu limitati apparagun mal-bejgħ totali tal-bijodiżil matul il-perjodu investigat. Barra minn hekk, jekk Stat Membru jkollu l-għadd doppju fis-seħħ, il-bijodiżil li jkun konformi sabiex jingħadd għal darbtejn jiġi prodott fl-Unjoni, u għaldaqstant id-domanda tibqa’ fl-industrija tal-Unjoni. Ma kienet ippreżentat l-ebda prova ġdida li tista’ tbiddel din il-konklużjoni. |
|
(179) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra ġodda dwar fatturi regolatorji tal-Unjoni, il-premessi minn (143) sa (146) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati. |
2.8. Fatturi regolatorji oħra
|
(180) |
Il-premessi minn (147) sa (153) tar-Regolament provviżorju jindirizzaw l-allegazzjonijiet mill-partijiet interessati li r-restrizzjonijiet fl-Istati Membri, bħalma huma sistemi ta’ kwoti u sistemi tat-taxxa, kienu mfassla biex jirrestrinġu l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati, li jfisser li kwalunkwe ħsara kkawżata lill-industrija tal-Unjoni, b’mod partikolari f’xi Stati Membri, ma setgħetx tkun minħabba l-importazzjonijiet. |
|
(181) |
Dawn l-argumenti ġew miċħuda b’mod provviżorju, fost affarijiet oħra minħabba li l-importazzjonijiet iddampjati mill-pajjiżi kkonċernati huma preżenti f’bosta Stati Membri. Barra minn hekk, wara li jkun importati fi Stat Membru wieħed, dawn l-importazzjonijiet jistgħu jinġarru u jinbiegħu fi Stati Membri oħra wkoll. |
|
(182) |
Parti interessata nnutat l-ammont żgħir ta’ bijodiżil Arġentin irrilaxxat mill-kontrolli doganali Franċiżi fl-2011, u wkoll l-ammont żgħir iddikjarat bħala importat lejn il-Ġermanja fl-istess perjodu. |
|
(183) |
L-ewwel nett, kif spjegat hawn fuq, il-bijodiżil rilaxxat mid-dwana fi Stat Membru jista’ jinbiegħ fi Stat Membru ieħor, u dan irendi tali dejta mhux kredibbli. It-tieni, il-kumpaniji fil-kampjun fi Franza u l-Ġermanja t-tnejn kienu kapaċi juru l-kompetizzjoni tal-prezz bejn il-produzzjoni tagħhom u l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati, u l-ħsara li dawn kienu qed ibatu b’riżultat ta’ dan. |
|
(184) |
Parti interessata oħra ddikjarat li l-irtirar ta’ skemi mfassla li minnhom tibbenefika l-industrija tal-bijodiżil f’ħafna Stati Membri baxxew id-dħul tal-kumpaniji tal-bijodiżil matul il-perjodu kkunsidrat, u dan wassal għal dannu. Huma jindikaw b’mod partikolari l-irtirar gradwali tal-inċentivi tat-taxxa fi Franza, u tat-taxxi fuq “il-fjuwils ekoloġiċi” fil-Ġermanja. |
|
(185) |
Madankollu, ma hemm l-ebda koinċidenza ċara fiż-żmien bejn dawn il-bidliet u d-deterjorament fil-prestazzjoni finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni. Ħafna minn dawn l-inċentivi kienu diretti lejn l-utenti tal-bijodiżil, mhux il-manifatturi, u ħafna minnhom kienu għadhom fis-seħħ matul il-PI. Ma ġiet ipprovduta l-ebda evidenza li turi li l-bidliet fil-politika tal-Istati Membri, li jimxu lejn rekwiżiti mandatorji ta’ taħlit, ikkawżaw ħsara lill-industrija tal-Unjoni. |
|
(186) |
Produttur esportatur Indoneżjan osserva l-investigazzjoni li għaddejja tad-DĠ Kompetizzjoni dwar l-allegata sottomissjoni ta’ prezzijiet distorti minn kontributuri fil-valuazzjoni tal-prezzijiet ta’ prodotti ta’ żejt u ta’ bijofjuwils ta’ Platts, u talab li s-suġġett ta’ din l-investigazzjoni jkun ikkunsidrat bħala kawża possibbli ta’ dannu. Din il-pretensjoni ġiet miċħuda minħabba li l-investigazzjoni għadha għaddejja, u l-ebda sejba ma ġiet ippubblikata. |
|
(187) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ġdid rigward il-politiki tal-Istati Membri, il-premessi minn (147) sa (153) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati. |
3. Konklużjoni dwar il-kawżalità
|
(188) |
L-importazzjonijiet tal-prodott konċernat mill-pajjiżi konċernati kienu ddampjati matul il-PI u waqqgħu l-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni. Hemm koinċidenza ċara fiż-żmien bejn iż-żieda fil-volumi tal-importazzjonijiet iddampjati u d-deterjorament tal-qagħda tal-industrija tal-Unjoni. L-importazzjonijiet iddampjati kienu f’kompetizzjoni diretta mal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni u bħala riżultat l-industrija tal-Unjoni tilfet il-profittabilità u sehem mis-suq matul il-perjodu meqjus. Billi huwa possibbli li fatturi oħra li jissemmew hawn fuq affettwaw il-prestazzjoni tal-industrija tal-Unjoni sa ċertu punt, jibqa’ l-fatt li l-importazzjonijiet iddampjati mill-pajjiżi kkonċernati qegħdin jikkawżaw ħsara lill-industrija tal-Unjoni. |
|
(189) |
Ma ġiet ipprovduta l-ebda evidenza ġdida li tista’ tbiddel il-konklużjoni li l-effett ta’ fatturi oħra, ikkunsidrati waħidhom jew kollettivament, ma kienux tali li jxejjnu r-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet iddampjati u d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra dwar il-konklużjoni dwar il-kawżalità, il-premessi minn (154) sa (157) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati. |
G. L-INTERESS TAL-UNJONI
1. L-interess tal-industrija tal-Unjoni
|
(190) |
Billi ma kien hemm l-ebda kumment ieħor rigward il-interess tal-industrija tal-Unjoni, il-premessi minn (159) sa (161) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati. |
2. L-interess tal-importaturi u tan-negozjanti mhux relatati
|
(191) |
Produttur esportataur Indoneżjan allega li d-dazji proposti jkollhom impatt negattiv fuq l-importaturi u l-kummerċjanti, iżda ma pprovda ebda evidenza għall-allegazzjoni tiegħu. Il-pretensjoni tagħhom iddikjarat il-kuntrarju, jiġifieri li d-dazju jista’ jingħadda lill-utenti u l-konsumaturi fi prezzijiet ogħla li x’aktarx ma jwassal għall-ebda impatt fuq l-importaturi u l-kummerċjanti. |
|
(192) |
L-ebda kummenti ma kienu rċevuti minn xi importaturi u kummerċjanti tal-bijodiżil wara l-pubblikazzjoni tal-miżuri provviżorji. |
|
(193) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti ġodda oħra fir-rigward tal-interess tal-importaturi. kummerċjanti mhux relatati, il-premessi minn (162) sa (163) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati. |
3. L-interess tal-utenti u tal-konsumaturi
|
(194) |
Produttur esportatur Indoneżjan allega li d-dazji proposti se jżidu l-prezz tal-bijodiżil, u għalhekk inaqqsu l-inċentiv għall-konsumaturi biex jixtru vetturi li joperaw fuq il-bijofjuwils. |
|
(195) |
Dik l-allegazzjoni hija miċħuda. L-applikazzjoni ewlenija tal-bijodiżil hija biex jitħallat fid-diżil minerali għall-bejgħ lill-konsumaturi bil-konsegwenza li ma għandhomx bżonn jixtru vettura speċjali li tista’ taħdem b’bijokarburanti puri. |
|
(196) |
Għalkemm il-prezz tal-element tal-bijodiżil jogħla, kieku dan il-bijodiżil jiġi importat mill-Arġentina jew l-Indoneżja, kif iddikjarat fir-Regolament provviżorju, ladarba l-proporzjon tal-bijodiżil fid-diżil mibjugħ lill-konsumaturi huwa żgħir, iż-żieda fil-prezz hija wkoll żgħira u mhux notevoli għall-konsumatur. |
|
(197) |
L-effett possibbli tal-miżuri fuq il-prezz finali tad-diżil lill-konsumatur, li huwa mistenni li jkun żgħir, kif stabbilit hawn fuq, mhux se jikkomprometti l-objettivi tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (“RED”). |
|
(198) |
L-ebda utent jew konsumatur, jew grupp jew assoċjazzjoni li jirrappreżentaw lill-utenti jew lill-konsumaturi, ma kkummentaw dwar ir-Regolament provviżorju. |
|
(199) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti addizzjonali oħra fir-rigward tal-interess ta’ konsumaturi, il-premessi minn (164) sa (166) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati. |
4. L-interess tal-fornituri tal-materja prima
|
(200) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti fir-rigward tal-interess tal-fornituri ta’ materja prima, il-premessi minn (167) sa (169) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati. |
5. Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni
|
(201) |
Ma waslu l-ebda kummenti li jibdlu l-analiżi tal-interess tal-Unjoni kif stipulat fir-Regolament provviżorju, u għalhekk xorta huwa fl-interess tal-Unjoni li jiġu imposti l-miżuri. Għalhekk, il-premessi minn (170) sa (171) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati. |
H. IL-MIŻURI DEFINITTIVI TA’ ANTIDUMPING
1. Livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu
|
(202) |
Bosta partijiet interessati kkontestaw l-użu ta’ 15 % bħala l-profitt fil-mira għall-industrija tal-Unjoni kif stabbilit fil-premessa (175) tar-Regolament provviżorju, waqt li stqarru li ma kienx realistiku li l-industrija tal-Unjoni tal-bijodiżil tistenna profitt daqshekk għoli. |
|
(203) |
Madankollu ħafna minn dawn il-partijiet interessati mbagħad issuġġerew li l-profitt fil-mira ta’ 15 % jkun sostitwit b’dejta oħra minn perjodi ta’ żmien oħra, jew minn investigazzjonijiet oħra, mingħajr spjegazzjoni għaliex perjodu ta’ żmien wieħed, jew investigazzjoni waħda, kien iktar xieraq minn ieħor. |
|
(204) |
Kif spjegat fir-Regolament provviżorju, il-marġini ta’ profitt ta’ 15 % kien il-profitt, espress bħala perċentwal tad-dħul, li l-industrija tal-Unjoni kisbet fin-nuqqas ta’ esportazzjonijiet iddampjati bejn l-2004 u l-2006. Dan kien l-aħħar perjodu meta l-profitt magħmul fin-nuqqas ta’ importazzjonijiet iddampjati minħabba li mill-2006 l-importazzjonijiet iddampjati minn dejjem kienu preżenti fis-suq tal-Unjoni, l-ewwel mill-Istati Uniti u mbagħad mill-Arġentina u l-Indoneżja. |
|
(205) |
Madankollu, is-suq tal-bijodiżil tal-Unjoni mmatura b’mod sinifikanti mill-2004-2006 f’bosta aspetti. Bejn l-2004 u l-2006, l-importazzjonijiet iddampjati kellhom sehem negliġibbli mis-suq u importazzjonijiet oħra kienu wkoll baxxa. Matul il-PI l-importazzjonijiet iddampjati kellhom sehem mis-suq ta’ 19 %. Matul il-perjodu 2004-2006 l-industrija tal-Unjoni kkonsistiet minn 40 kumpanija, u issa dan kiber għal aktar minn 200, li żied il-livell tal-kompetizzjoni. |
|
(206) |
Bejn l-2004 u l-2006, il-konsum żdied b’mod drammatiku minn 2 miljun MT għal 5 miljun MT, billi fil-perjodu li qed jiġi kkunsidrat il-konsum żdied biss bi ftit, u l-użu tal-kapaċità, li kien 90 % bejn l-2004 u l-2006, kien 55 % fil-PI. |
|
(207) |
B’konsegwenza ta’ dan, huwa meqjus xieraq li jitqiesu l-iżviluppi fis-suq deskritti hawn fuq u li jkun aġġustat il-profitt fil-mira kif jixraq biex jirriflettu l-profitt li l-industrija tal-Unjoni tista’ tistenna li tikseb taħt il-kundizzjonijiet attwali tas-suq. |
|
(208) |
Għalhekk pjuttost milli jittieħed il-perċentwali tal-profitt, kien ikkalkolat il-profitt attwali għal dawn it-tliet snin f’EUR għal kull MT mibjugħa. Għal kull sena dan ġie meħud li jirrifletti prezzijiet tal-2011 u mbagħad ittieħdet il-medja. Meta espress bħala perċentwal tal-fatturat, il-profitt fil-mira għall-industrija tal-Unjoni fil-PI huwa ta’ 11,0 %. |
|
(209) |
Il-marġini biex tkun eliminata l-ħsara għalhekk ġie kkalkulat mill-ġdid fuq din il-bażi. |
|
(210) |
Wara l-konklużjonijiet definittivi, fir-rigward tal-kalkolu tal-marġini ta’ ħsara, parti interessata argumentat li d-dazju tal-importazzjoni ta’ 5,1 % applikat fuq iż-żejt tal-palm RBD impurtat fl-UE, għandu jitneħħa mill-ispiża tal-produzzjoni tal-produtturi tal-UE. Dan l-argument ma jintlaqax billi dan id-dazju jirrappreżenta spiża għall-produtturi tal-Unjoni li jimpurtaw iż-żejt tal-palm, u għalhekk għandu jittieħed inkonsiderazzjoni. |
|
(211) |
Produttur esportatur Indoneżjan kkontesta l-kalkolu tal-qligħ fil-mira tal-industrija tal-Unjoni u l-użu ta’ dejta mill-2004 sal-2006, u wara ssuġġerixxa li tintuża biss is-sena 2004 għall-kalkolu tal-profitt fil-mira. Madankollu, l-investigazzjoni preċedenti kontra l-importazzjonijiet mill-Istati Uniti ddeterminat li l-medja tat-tliet snin kienet aktar preċiża milli kieku kellha tintuża l-2004 biss. Ma ġie ppreżentat l-ebda argument li jista’ jwassal għal konklużjoni differenti. |
|
(212) |
Wara l-konklużjonijiet definittivi, l-ilmentaturi argumentaw li l-profitt fil-mira ta’ 15 % kif propost fl-istadju provviżorju għandu jinżamm. Madankollu dawn l-argumenti adottati mill-ilmentaturi m’għandhomx x’jaqsmu mal-objettiv li għalih għandu jiġi stabbilit profitt fil-mira, jiġifieri profitt li setgħet tagħmlu l-industrija tal-Unjoni fin-nuqqas ta’ importazzjonijiet iddampjati. Dan l-argument għalhekk ma jintlaqax. |
|
(213) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra dwar il-livell tat-tneħħija tad-dannu, il-metodoloġija deskritta fil-premessi minn (176) sa (177) tar-Regolament provviżorju hija b’dan ikkonfermata. |
2. Miżuri definittivi
|
(214) |
Fid-dawl tal-konklużjonijiet milħuqa rigward id-dumping, il-ħsara, il-kawżalità u l-interess tal-Unjoni, u f’konformità mal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, għandhom jiġu imposti dazji definitivi antidumping fuq importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat fil-livell tal-marġini aktar baxxi ta’ dumping u ħsara, skont ir-regola tal-anqas dazju. |
|
(215) |
Ir-rati tad-dazju antidumping ġew stabbiliti billi ġew ipparagunati l-marġini tal-eliminazzjoni tad-dannu mal-marġini tad-dumping. Għalhekk, ir-rati tad-dazju antidumping definittivi, espressi fuq il-prezz CIF fil-fruntieri tal-Unjoni, bħala dazju doganali mhux imħallas, huma kif ġej:
|
|
(216) |
Madankollu, billi d-dazju antidumping se jkun japplika wkoll għal taħlitiet li jinkludu l-bijodiżil (b’mod proporzjonat għall-kontenut ta’ bijodiżil li jkollhom, skont il-piż), kif ukoll għall-bijodiżil pur, ikun aktar preċiż, u aktar xieraq għall-implimentazzjoni korretta tad-dazju mill-awtoritajiet Doganali tal-Istati Membri, li d-dazju jiġi espress bħala ammont fiss f’Euro għal kull tunnellata netta u dan jiġi applikat għall-bijodiżil pur importat, jew għall-proporzjon ta’ bijodiżil fil-prodott imħallat. |
|
(217) |
Il-premessa (183) tar-Regolament provviżorju nnutat li l-importazzjonijiet tal-bijodiżil mill-pajjiżi kkonċernati kienet suġġetta għal reġistrazzjoni, sabiex jekk meħtieġ dazji jkunu jistgħu jinġabru sa 90 jum qabel l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji. |
|
(218) |
Dan il-ġbir ta’ dazji fuq prodotti reġistrati huwa possibbli biss jekk il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku jkunu sodisfatti. Wara li kienet ivverifikata l-istatistika tal-importazzjoni għal importazzjonijiet magħmula wara r-reġistrazzjoni, aktar milli jaraw żjieda oħra sostanzjali fl-importazzjonijiet qabel l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji, l-importazzjonijiet waqgħu b’mod sinifikanti. Il-kundizzjonijiet huma għalhekk mhux sodisfati u għalhekk l-ebda dazji ma huma se jinġabru fuq l-importazzjonijiet irreġistrati. |
|
(219) |
Ir-rati tad-dazju antidumping għal kumpaniji individwali speċifikati f’dan ir-Regolament ġew stabbiliti abbażi tas-sejbiet tal-investigazzjoni attwali. Għalhekk, dawn jirriflettu s-sitwazzjoni li nstabet matul dik l-investigazzjoni fir-rigward ta’ dawk il-kumpaniji. Dawn ir-rati tad-dazju (kuntrarju għad-dazju fil-pajjiż kollu applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha”) huma b’hekk esklussivament applikabbli għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina mill-pajjiżi kkonċernati u manifatturat mill-kumpaniji u għalhekk mill-entitajiet legali speċifiċi msemmija. Il-prodotti importati magħmulin minn xi kumpanija oħra mhux speċifikament imsemmija fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament, inklużi l-entitajiet relatati ma’ dawk imsemmija b’mod speċifiku, ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn ir-rati u jiġu soġġetti għar-rata tad-dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha”. |
|
(220) |
Kwalunkwe pretensjoni li titlob l-applikazzjoni ta’ dawn ir-rati tad-dazju antidumping ta’ kumpanija individwali (pereż. wara bidla fl-isem tal-entità jew wara l-istabbiliment ta’ entitatjiet ġodda tal-produzzjoni jew tal-bejgħ) għandha tiġi indirizzata lill-Kummissjoni (12) flimkien mal-informazzjoni relevanti kollha, b’mod partikolari kwalunkwe bidla fl-attivitajiet tal-kumpanija marbutin mal-produzzjoni, mal-bejgħ domestiku u ma’ dak għall-esportazzjoni, li jkunu assoċjati pereżempju ma’ din il-bidla fl-isem, jew din il-bidla fl-entitajiet tal-produzzjoni jew tal-bejgħ. Jekk ikun xieraq, ir-Regolament se jiġi emendat kif meħtieġ billi tiġi aġġornata l-lista tal-kumpaniji li jibbenefikaw mir-rati tad-dazju individwali. |
|
(221) |
Il-partijiet kollha ġew mgħarrfa bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom ġie intiż li tiġi rrakkomandata l-impożizzjoni ta’ dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Arġentina u mill-Indoneżja kif ukoll il-ġbir definittiv tal-ammonti garantiti permezz tad-dazju provviżorju (“il-konklużjonijiet definittivi”). Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li fih setgħu jagħmlu l-kummenti tagħom dwar il-konklużjonijiet definittivi. |
|
(222) |
Il-kummenti orali u bil-miktub sottomessi mill-partijiet interessati ġew ikkunsidrati u tqiesu fejn kien xieraq. |
3. Impenji
|
(223) |
Żewġ produtturi esportaturi mill-Indoneżja offrew impenji simili fil-prezzijiet skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament bażiku. Ġie nnutat li fid-dawl tal-varjazzjonijiet sinifikanti fil-prezz tal-materja prima, il-prodott ma jitqiesx li huwa adatt sabiex jittieħed l-impenn ta’ prezz fiss. F’dan il-kuntest iż-żewġ kumpaniji pproponew li l-prezzijiet minimi tal-importazzjoni (MIPs) jiġu indiċjati regolarment skont il-fluttwazzjonijiet tal-prezzijiet taż-żejt tal-palm mhux raffinat (CPO), billi jiġi applikat koeffiċjent fuq l-ispiża ta’ din il-materja prima. |
|
(224) |
Rigward l-offerti ta’ żewġ produtturi esportaturi, ta’ min jinnota li sabiex jiġi stabbilit MIP indiċjat, dan għandu jqis id-diversi parametri addizzjonali li għandhom rwol sinifikanti u jirrifletti l-volatilità tas-suq tal-bijodiżil. Is-suq tal-bijodiżil huwa volatili ħafna u n-negozju tal-bijodiżil huwa influwenzat minn diversi fatturi oħrajn bħall-kumplessità tas-sistema ta’ kummerċ tal-bijodiżil, id-differenza fil-prezz bejn iż-żejt tal-gass u l-bijodiżil, il-volatilità u l-evoluzzjoni tas-swieq taż-żjut veġetali u l-interdipendenza tad-diversi tipi ta’ żjut veġetali, kif ukoll l-evoluzzjoni tar-rata tal-kambju USD/EUR. Dawn il-fatturi jkunu jeħtieġu indiċjar multiplu kumpless ħafna li sabiex ikun kif suppost jeħtieġ li jsir ta’ kuljum. Għalhekk is-sempliċi indiċjar ta’ kull xahar fuq il-prezzijiet tas-CPO biss, kif offrut, mhux meqjus adegwat u mhux se jilħaq ir-riżultat mixtieq. |
|
(225) |
Barra minn hekk, ġew identifikati riskji ta’ kontrokumpens importanti fir-rigward ta’ dawn l-esportaturi Indoneżjani u l-klijenti tagħhom, ġaladarba prodotti oħra, apparti l-bijodiżil, huma esportati wkoll lejn l-Unjoni, kif ukoll minħabba l-prattika komuni f’dan in-negozju li tipprevedi s-self u t-tpartit, bejn il-kumpaniji, ta’ bijodiżil, ta’ CPO jew tabilħaqq ta’ prodotti. |
|
(226) |
Għalhekk il-fatturi msemmija hawn fuq jagħmlu l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ effettivi tal-impenji estremament diffiċli, jekk mhux ukoll imprattikabbli. Konsegwentement minħabba r-raġunijiet imsemmija hawn fuq, dawn l-offerti ta’ impenn ma jistgħux jiġu aċċettati. |
4. Il-ġbir definittiv ta’ dazji antidumping provviżorji
|
(227) |
Wara l-konklużjonijiet definittivi, parti interessata sostniet li fl-istadju provviżorju seħħew xi żbalji klerikali fil-kalkolu tal-marġini ta’ dumping, u li mingħajr dawn l-żbalji, il-marġini ta’ dumping kien ikun de minimis. Bħala konsegwenza, din il-parti interessata talbet li l-ebda dazju antidumping provviżorju ma għandu jinġabar. Din il-pretensjoni ma tintlaqax għax id-dazju definittiv antidumping huwa b’mod ċar ogħla mid-dazju provviżorju. |
|
(228) |
Minħabba l-marġnijiet ta’ dumping misjuba u fid-dawl tal-livell ta’ ħsara kkważata lill-industrija tal-Unjoni, l-ammonti garantiti permezz tad-dazju antidumping provviżorju impost bir-Regolament provviżorju għandhom jinġabru definittivament, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. Bil-preżenti qiegħed jiġi impost dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ esteri monoalkiliċi ta’ aċidi xaħmin u/jew ta’ żejt tal-gass paraffiniku, miksuba minn sinteżi u/jew minn trattament idriku, ta’ oriġini mhux fossili, f’forma pura jew f’taħlita, li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 1516 20 98 (Kodiċi TARIC 1516 20 98 21, 1516 20 98 29 u 1516 20 98 30), ex 1518 00 91 (Kodiċi TARIC 1518 00 91 21, 1518 00 91 29 u 1518 00 91 30), ex 1518 00 95 (Kodiċi TARIC 1518 00 95 10), ex 1518 00 99 (Kodiċi TARIC 1518 00 99 21, 1518 00 99 29 u 1518 00 99 30), ex 2710 19 43 (Kodiċi TARIC 2710 19 43 21, 2710 19 43 29 u 2710 19 43 30), ex 2710 19 46 (Kodiċi TARIC 2710 19 46 21, 2710 19 46 29 u 2710 19 46 30), ex 2710 19 47 (Kodiċi TARIC 2710 19 47 21, 2710 19 47 29 u 2710 19 47 30), 2710 20 11 , 2710 20 15 , 2710 20 17 , ex 3824 90 97 (Kodiċi TARIC 3824 90 97 01, 3824 90 97 03 u 3824 90 97 04), 3826 00 10 u ex 3826 00 90 (Kodiċi TARIC 3826 00 90 11, 3826 00 90 19 u 3826 00 90 30), u li joriġinaw mill-Arġentina u mill-Indoneżja.
2. Ir-rata tad-dazju antidumping definittiv applikabbli għall-prodott deskritt fil-paragrafu 1 u mmanifatturat mill-kumpaniji elenkati hawn taħt, tkun kif ġej:
|
Pajjiż |
Il-kumpanija |
Rata tad-dazju euro għal kull tunnellata netta |
Kodiċi addizzjonali TARIC |
|
L-Arġentina |
Aceitera General Deheza S.A., General Deheza, Rosario; Bunge Argentina S.A., Buenos Aires |
(EUR 216,64 ) |
B782 |
|
|
Louis Dreyfus Commodities S.A., Buenos Aires |
(EUR 239,35 ) |
B783 |
|
|
Molinos Río de la Plata S.A., Buenos Aires; Oleaginosa Moreno Hermanos S.A.F.I.C.I. y A., Bahia Blanca; Vicentin S.A.I.C., Avellaneda |
EUR 245,67 |
B784 |
|
|
Kumpaniji oħra li kkooperaw: Cargill S.A.C.I., Buenos Aires; Unitec Bio S.A., Buenos Aires; Viluco S.A., Tucuman |
EUR 237,05 |
B785 |
|
|
Il-kumpaniji l-oħra kollha |
EUR 245,67 |
B999 |
|
L-Indoneżja |
PT Ciliandra Perkasa, Ġakarta |
EUR 76,94 |
B786 |
|
|
PT Musim Mas, Medan |
EUR 151,32 |
B787 |
|
|
PT Pelita Agung Agrindustri, Medan |
EUR 145,14 |
B788 |
|
|
PT Wilmar Bioenergi Indonesia, Medan; PT Wilmar Nabati Indonesia, Medan |
EUR 174,91 |
B789 |
|
|
Kumpaniji oħra li kkooperaw: PT Cermerlang Energi Perkasa, Ġakarta |
EUR 166,95 |
B790 |
|
|
Il-kumpaniji l-oħra kollha |
EUR 178,85 |
B999 |
3. Id-dazju antidumping fuq it-taħlitiet ikun applikabbli skont il-proporzjon fit-taħlita, skont il-piż tal-kontenut totali tal-esteri monoalkiliċi ta’ aċidi xaħmin u taż-żejt tal-gass paraffiniku, miksuba minn sinteżi u/jew minn trattament idriku, ta’ oriġini mhux fossili (il-kontenut tal-bijodiżil).
4. F’każijiet fejn il-prodotti jkunu ġarrbu ħsara qabel ma jidħlu fiċ-ċirkolazzjoni ħielsa u, għaldaqstant, il-prezz li tħallas realment jew li għandu jitħallas ikun ikkalkulat proporzjonalment għad-determinazzjoni tal-valur doganali skont l-Artikolu 145 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 (13), l-ammont ta’ dazju antidumping maħdum fuq l-ammonti stabbiliti hawn fuq jitnaqqas b’perċentwal li jikkorrispondi għal tnaqqis proporzjonali fil-prezz imħallas realment jew li għandu jitħallas.
5. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ rigward id-dazju doganali.
Artikolu 2
L-ammonti garantiti bħala dazju antidumping provviżorju skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 490/2013 fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Arġentina u l-Indoneżja jinġabru definittivament.
Artikolu 3
Fejn kull produttur esportatur ġdid fl-Arġentina u fl-Indoneżja jipprovdi evidenza biżżejjed lill-Kummisjoni li:
|
— |
huwa ma esportax lejn l-Unjoni l-prodott deskritt fl-Artikolu 1(1) matul il-perjodu tal-investigazzjoni (mill-1 ta’ Lulju 2011 sat-30 ta’ Ġunju 2012), |
|
— |
huwa mhux relatat ma’ xi produtturi jew esportaturi fl-Arġentina jew fl-Indoneżja li huma suġġetti għall-miżuri imposti permezz ta’ dan ir-Regolament, |
|
— |
huwa jkun effettivament esporta lejn l-Unjoni l-prodott ikkonċernat wara l-perjodu tal-investigazzjoni li fuqu huma bbażati l-miżuri, jew li jkun daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli sabiex jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni. |
L-Artikolu 1(2) jista’ jiġi emendat billi jiżdied il-produttur esportatur il-ġdid mal-kumpaniji li kkooperaw li mhumiex inklużi fil-kampjun, u għalhekk huma soġġetti għar-rata tad-dazju medja peżata tal-pajjiż ikkonċernat.
Artikolu 4
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Novembru 2013.
Għall-Kunsill
Il-President
L. LINKEVIČIUS
(1) ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.
(2) ĠU L 141, 28.5.2013, p. 6.
(3) ĠU C 260, 29.8.2012, p. 8.
(4) Ara pereżempju s-sentenza T-235/08 tas-7 ta’ Frar 2013 (Acron OAO u Dorogobuzh OAO kontra l-Kunsill).
(5) Ir-Riżoluzzjoni 331/2001 tal-Ministeru għall-Agrikoltura, il-Bhejjem u s-Sajd.
(6) Is-suq ewlieni li huwa kkunsidrat li jiddetermina l-livell tal-prezz internazzjonali tal-fażola tas-soja u taż-żejt tal-fażola tas-soja huwa ċ-Chicago Board of Trade.
(7) Il-prezz teoretiku FAS huwa kkalkulat billi jiġu skontati l-ispejjeż kollha inklużi fil-proċess ta’ esportazzjoni mill-valur uffiċjali FOB.
(8) http://64.76.123.202/site/agricultura/precios_fob_-_exportaciones/index.php
(9) Is-sentenza T-235/08 tas-7 ta’ Frar 2013 (Acron OAO u Dorogobuzh OAO kontra l-Kunsill)
(10) Rapport tal-Panel, China – Anti-Dumping and Countervailing Duty Measures on Broiler Products from the United States (WT/DS427/R, adottat fil-25 ta’ Settembru 2013), para. 7.164.
(11) Il-prezz HPE huwa stabbilit kull xahar mill-awtoritajiet Indoneżjani minn Settembru 2011 u jieħu l-medja tal-informazzjoni dwar il-prezz tax-xahar ta’ qabel minn tliet sorsi differenti (i) CIF Rotterdam, (ii) CIF Malasja, u (iii) tas-suq tal-iskambju ta’ kommoditajiet Indoneżjan. Il-prezz HPE huwa stabbilit abbażi tal-istess sorsi iżda fuq bażi tal-FOB. Għal dik il-parti tal-PI ta’ qabel Settembru 2011 (Lulju – Awwissu 2011) intuża biss il-prezz ta’ Rotterdam bħala l-valur referenzjarju biex ikun stabbilit l-HPE għas-CPO.
(12) European Commission, Directorate-General for Trade, Directorate H, 1049 Bruxelles/Brussel, BELGIQUE/BELGIË.
(13) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jistipula d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1).