22.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 313/40


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1186/2013

tal-21 ta’ Novembru 2013

li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Orkney Scottish Island Cheddar (IĠP)]

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u partikolarment l-Artikolu 52(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 ħassar u ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (2).

(2)

Skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, l-applikazzjoni tar-Renju Unit għar-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni “Orkney Scottish Island Cheddar” ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3).

(3)

L-assoċjazzjonijiet Dairy Awstralja, Dairy Companies Association of New Zealand, kif ukoll Consortium for Common Food Names, iddikjaraw li huma kontra din ir-reġistrazzjoni f’konformità mal-Artikolu 7(3)(b) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006. Dawn l-oġġezzjonijiet tqiesu bħala ammissibbli skont l-Artikolu 7(3) ta’ dak ir-Regolament.

(4)

Huwa enfasizzat b’mod partikolari, fi ħdan l-oppożizzjoni msemmija hawn fuq, li r-reġistrazzjoni ta’ din id-denominazzjoni konċernata se tikkomprometti l-eżistenza tad-denominazzjonijiet, il-marki kummerċjali u l-prodotti kummerċjali li b’mod legali għal mill-inqas dawn l-aħħar ħames snin qabel id-data ta’ pubblikazzjoni prevista fl-Artikolu 6(2), u li d-denominazzjoni proposta għar-reġistrazzjoni se tkun ġenerika.

(5)

B’ittra tal-20 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jibdew il-konsultazzjonijiet rilevanti.

(6)

Ftehim, li ġie notifikat lill-Kummissjoni fit-8 ta’ Lulju 2013, ġie maqbul bejn ir-Renju Unit u dawk li qed joġezzjonaw għar-reġistrazzjoni fiż-żmien it-tliet xhur meħtieġa.

(7)

Jirriżulta mill-konsultazzjonijiet li t-tħassib ewlieni dwar l-oppożizzjoni jikkonċerna l-istatus tat-terminu uniku “Cheddar” li jinsab fid-denominazzjoni komposta “Orkney Scottish Island Cheddar”. Madankollu, il-protezzjoni mitluba mill-prodottur ma tikkunsidrax li id-denominazzjoni hija magħmula mill-ensemble tagħha. Skont l-Artikolu 13(1), l-aħħar paragrafu.tar-Regolament UE) Nru 1151/2012, id-denominazzjoni “Cheddar” tista’ tkompli tintuża fit-territorju tal-Unjoni, sakemm jiġu rispettati l-prinċipji tar-regoli legali tal-Unjoni.

(8)

Id-denominazzjoni “Orkney Scottish Island Cheddar” timmerita li tiġi miktuba fir-registru tad-denominazzjonijiet tal-oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-denominazzjoni msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament hija b’dan irreġistrata.

Minkejja l-ewwel paragrafu, l-isem “Cheddar” jista’ jkompli jintuża fi ħdan it-territorju tal-Unjoni, sakemm il-prinċipji u r-regoli applikabbli fl-ordni legali tagħha jitħarsu.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Novembru 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)   ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.

(3)   ĠU C 239, 9.8.2012, p. 5.


ANNESS

Prodotti agrikoli maħsuba għall-konsum uman elenkati fl-Anness I tat-Trattat:

Klassi 1.3.   Ġobnijiet

IR-RENJU UNIT

Orkney Scottish Island Cheddar (IĠP)