14.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 303/17


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1144/2013

tat-13 ta’ Novembru 2013

li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tal-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti [Tepertős pogácsa (STG)]

IL-KUMMISSJONI EWROPEA

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u partikolarment l-Artikolu 52(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 ħassar u ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 509/2006 tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel bħala speċjalitajiet tradizzjonali garantiti (2).

(2)

Skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru 509/2006, l-applikazzjoni tal-Ungerija biex id-denominazzjoni “Tepertős pogácsa” tiddaħħal fir-reġistru ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (3).

(3)

Il-Ġermanja u l-Awstrija nnotifikaw dikjarazzjonijiet ta’ oġġezzjoni lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 509/2006. F’konformita mal-paragrafu 3 tal-Artikolu msemmi, il-Kummissjoni eżaminat id-dikjarazzjonijiet ta’ oġġezzjoni u kkunsidrathom bħala aċċettabbli.

(4)

L-Ungerija indikat li ntlaħaq ftehim mal-Ġermanja u mal-Awstrija.

(5)

F’dak li jirrigwarda l-Ġermanja, dan il-ftehim irriżulta fil-modifika tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, hekk li tħassru r-referenzi għall-parametri tal-kwalità meħtieġa tad-dqiq (BL55 u BL80).

(6)

Fil-każ tal-Awstrija, din aċċettat il-konferma tal-Ungerija li l-iskop tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni huwa li jiġi protett l-isem uniku Ungeriż “Tepertős pogácsa” bħala speċjalità tradizzjonali garantita u li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-isem Ungeriż ma għandha l-ebda effett negattiv fuq il-prodotti bl-isem ta’ “Grammelpogatsche” u mhix se tikkomprometti l-manifattura tal-prodott ikkummerċjalizzat bl-isem ta’ “Grammelpogatsche”.

(7)

Fid-dawl ta’ dan kollu, xieraq li id-denominazzjoni “Tepertős pogácsa” tiddaħħal fir-reġistru tal-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti, u għalhekk l-ispeċifikazzjoni għandha tiġi aġġornata u ppubblikata,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-denominazzjoni msemmija fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament hija rreġistrata.

Artikolu 2

L-ispeċifikazzjoni aġġornata tidher fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Novembru 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 1.

(3)  ĠU C 180, 21.6.2012, p. 16.


ANNESS I

Prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel elenkati fil-punt II tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012:

Klassi 2.3.   Prodotti ta’ ħobż, għaġina, kejkijiet, ħlewwiet, gallettini u prodotti oħra tal-furnara

L-UNGERIJA

Tepertős pogácsa (STG)


ANNESS II

1.   Speċifikazzjoni tal-prodott

1.1.   Isem li għandu jiġi rreġistrat

“Tepertős pogácsa”

Meta l-prodott jitqiegħed fis-suq, it-tikketta tista’ tinkludi l-informazzjoni li ġejja: “magyar hagyományok szerint előállított” (prodott skont it-tradizzjonijiet Ungeriżi). Din l-informazzjoni għandha tkun tradotta wkoll fil-lingwi uffiċjali l-oħrajn.

1.2.   Indika jekk l-isem

hux speċifiku minnu nnifsu

jesprimix il-karattru speċifiku tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

L-aġġettiv “tepertős” fid-denominazzjoni jiddeskrivi t-“tepertő” (il-qarquċa tal-ġilda tal-majjal mixwi), li huwa dak li jibqa’ wara li jinqela x-xaħam tal-bejken, li, wara li jitqatta’ f’biċċiet żgħar, jipprovdi, f’forma kremuża, l-ingredjent bażiku karatteristiku tal-prodott moħmi tond tal-ikel imsejjaħ “pogácsa”.

1.3.   Indika jekk ir-riserva tal-isem hijiex qed tintalab skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 509/2006

Reġistrazzjoni bir-riserva tal-isem

Reġistrazzjoni mingħajr ir-riserva tal-isem

1.4.   Tip ta’ prodott

Klassi 2.3. Prodotti ta’ ħobż, għaġina, kejkijiet, ħlewwiet gallettini u prodotti oħra tal-furnara

Klassi 2.3. Prodotti ta’ ħobż, għaġina, kejkijiet, ħlewwiet gallettini u prodotti oħra tal-furnara

1.5.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-prodott tal-ikel li għalih japplika l-isem fil-punt 3.1

“Tepertős pogácsa” huwa prodott moħmi tal-ikel li huwa tond u f’forma ta’ ċilindru u li għandu dijametru ta’ bejn 3 u 5 cm u piż ta’ bejn 25 u 50 g. Huwa jkun fih il-qarquċa tal-ġilda tal-majjal mixwi u x-xaħam u l-ħmira biex jogħla. Il-prodott jista’ jkun magħmul bl-għaġina tat-torti (omlós) jew bl-għaġina sfiljurata (leveles) u jkun imħawwar bil-melħ u l-bżar. Il-wiċċ tiegħu huwa kannella ħamrani u huwa mmarkat kaxxi kaxxi. Minn taħt huwa ċatt u ta’ lewn kannella ħamrani. Ġo fih, il-prodott ikollu biċċiet tal-qarquċa tal-ġilda tal-majjal mixwi mqassmin b’mod omoġenju. Il-varjetà magħmula bl-għaġina tat-torti tista’ tinqasam f’biċċiet, filwaqt li dik magħmula bl-għaġina sfiljurata hija iktar maħlula u jkun fiha ħafna saffi. Dan il-prodott għandu togħma tal-prodotti moqlija użati fil-qarquċiet tal-ġilda tal-majjal mixwi u huwa pjaċevolment mielaħ u jtiegħem ftit il-bżar. Il-prodott fih bejn 20 u 30 % ta’ xaħam meta mqabbel mal-piż tal-materja niexfa u bejn 25 u 40 % ta’ qarquċa tal-ġilda tal-majjal mixwi meta mqabbel mal-piż tad-dqiq. Mill-inqas 60 % tal-kontenut tax-xaħam ġej mill-qarquċiet tal-ġilda tal-majjal mixwi.

Karatteristiċi organolettiċi:

 

Il-varjetà tat-“tepertős pogácsa” magħmula bl-għaġina tat-torti

Il-varjetà tat-“tepertős pogácsa” magħmula bl-għaġina sfiljurata

Forma

Tonda u ċilindrika minn kull naħa

Tonda u ċilindrika, iżda tista’ tkun immejla xi ftit lejn naħa jew oħra

Qoxra

Il-wiċċ ikun ileqq, kannella ħamrani u mmarkat kaxxi kaxxi fil-fond. Il-ġenb huwa tal-kulur ir-ramel u matt u l-qiegħ huwa kannella ħamrani u matt.

Konsistenza interna

Konsistenza tal-għaġina tat-torti iżda li ma titfarrakx. Il-biċċiet tal-qarquċa tal-ġilda tal-majjal mixwi huma mqassma b’mod omoġenju u għandhom kulur kannella ċar ħafna.

Konsistenza ta’ għaġina sfiljurata, magħmula minn saffi differenti li bejniethom ikunu jidhru l-biċċiet tal-qarquċa tal-ġilda tal-majjal mixwi, u li għandhom kulur kannella ċar ħafna.

Togħma

Togħma karatteristika tal-qarquċa tal-ġilda tal-majjal mixwi, pjaċevolment mielħa u bi ftit bżar.

Palat

Palat karatteristiku tal-qarquċa tal-ġilda tal-majjal mixwi u tax-xaħam; aroma ta’ bżar.

Karatteristiċi fiżiċi u kimiċi:

Kontenut tax-xaħam: il-kontenut tax-xaħam tal-prodott lest meta mqabbel mal-piż tal-materja niexfa huwa ta’ bejn 20 u 30 % (m/m).

Kontenut tal-melħ: il-kontenut tal-melħ tal-prodott lest meta mqabbel mal-piż tal-materja niexfa huwa ta’ mhux iktar minn 4,0 % (m/m).

1.6.   Deskrizzjoni tal-metodu ta’ produzzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel li għalih japplika l-isem fil-punt 3.1

Materja prima:

Għall-krema magħmula mill-qarquċa tal-ġilda tal-majjal mixwi:

Qarquċa tal-ġilda tal-majjal mixwi mingħajr il-ġilda: 70 sa 75 % mill-krema magħmula mill-qarquċa tal-ġilda tal-majjal mixwi hija magħmula mill-biċċiet tax-xaħam li jibqa’ wara li jinqela x-xaħam tal-bejken li jkollu ftit jew xejn laħam,

Xaħam: 25 sa 30 % mill-krema magħmula mill-qarquċa tal-ġilda tal-majjal mixwi hija magħmula mix-xaħam li jkun hemm waqt li jkun qed jinqela x-xaħam tal-bejken li jkollu ftit jew xejn laħam,

Preparazzjoni tal-għaġina: dqiq tal-qamħ jew dqiq tal-ispelt, bajd, isfar tal-bajd, ħalib, ħmira, inbid abjad jew ħall, krema, melħ u bżar.

L-użu ta’ kwalunkwe tip ta’ addittiv tal-ikel biex jiġi ppreparat it-“tepertős pogácsa” huwa pprojbit (pereżempju l-aġenti li jgħollu jew il-preżervattivi).

Metodu ta’ produzzjoni:

Skont il-metodu ta’ produzzjoni użat għall-għaġina, it-“tepertős pogácsa” jista’ jkun magħmul bl-għaġina sfiljurata jew bl-għaġina tat-torti.

Il-produzzjoni tal-varjetà tat-“TEPERTŐS POGÁCSA” magħmula bl-għaġina tat-torti.

L-ewwel fażi: il-preparazzjoni tal-krema magħmula mill-qarquċa tal-ġilda tal-majjal mixwi

Il-qarquċiet friski mingħajr ġilda jkunu ċċattjati b’lembuba sakemm ma jibqax biċċiet kbar jew mhux fini u sakemm il-biċċiet mixwija jitqassmu b’mod omoġenju fil-krema. Dawn jistgħu wkoll jitqattgħu bil-magna tal-ikkapuljat. F’dan il-każ, għandu jintuża l-apparat bl-iżgħar toqob.

Il-krema u x-xaħam jitħawdu b’mgħarfa tal-injam jew b’magna li tħawwad l-ingredjenti. Rekwiżit importanti hu li ma għandhomx jiżdiedu addittivi, preżervattivi, qarquċiet tal-wiżż, xaħam magħmul mill-ħxejjex jew marġerina sabiex tkun ippreparata l-krema magħmula mill-qarquċa tal-ġilda tal-majjal mixwi; jintużaw biss il-qarquċiet friski mingħajr ġilda.

Il-krema magħmula mill-qarquċa tal-ġilda tal-majjal mixwi prodotta b’mod industrijali wkoll għandha tissodisfa r-rekwiżiti marbutin mal-produzzjoni tal-krema magħmula mill-qarquċa tal-ġilda tal-majjal mixwi.

It-tieni fażi: preparazzjoni tal-għaġina

Sabiex it-taħlita tkun omoġenja, għandhom jiżdiedu bejn 250 u 400 gramma ta’ krema magħmula mill-qarquċa tal-ġilda tal-majjal mixwi ma’ kull kilo dqiq tal-qamħ. Il-krema magħmula mill-qarquċiet għandha tgħatti d-dqiq. Dan huwa essenzjali biex tinkiseb il-konsistenza tal-varjetà tal-għaġina tat-torti. L-ingredjenti kollha, jiġifieri d-dqiq imħallat mal-krema tal-qarquċa tal-ġilda tal-majjal mixwi u, ma’ kull kilo dqiq, 5 % tal-ħmira attivata fil-ħalib, bajda waħda, isfar ta’ bajda, 0,02 % ta’ inbid abjad jew ħall, 2,5 % melħ, 0,001 % bżar mitħun, u biżżejjed krema biex tinkiseb għaġina relattivament iebsa, jingħaġnu flimkien. It-taħlita tkompli tingħaġen sakemm l-għaġina tagħqad flimkien. Il-konsistenza meħtieġa tal-għaġina tat-torti ma tinkisibx jekk l-għaġina titngħaġen iżżejjed.

Minħabba l-kontenut għoli ta’ xaħam tal-prodott, l-għaġina għandha ssir b’ingredjenti kesħin u għandha titħalla toqgħod f’post kiesaħ sakemm it-temperatura interna tagħha tilħaq is-26 C. In-natura tal-prodott tippermetti wkoll li l-għaġina titħalla fil-friġġ f’temperatura ta’ bejn + 5 u + 8 C għal mill-inqas 3 sigħat.

Wara, l-għaġina li tkun kesħet u għoliet tinfetaħ f’saff għoli daqs saba’ u l-wiċċ jiġi mmarkat fil-fond b’ħafna linji perpendikulari. Dan jista’ jsir permezz ta’ skieken miġbura flimkien, li jkunu mbegħdin 3 mm minn xulxin. Il-qtugh ġeneralment isir b’għodda għall-qtugħ tal-għaġina li jkollha dijametru ta’ bejn 3 u 6 cm, u wieħed għandu jara li l-forom ikunu omoġenji u li dawn jibqgħu kemm jista’ jkun ċilindriċi. Il-forma finali tintlaħaq billi l-għaġina tinfetaħ bil-pala tal-id. L-għadd ta’ ftajjar neċessarji biex timtela turtiera tal-forn jitpoġġew ħdejn xulxin fuq injama u jinksew, permezz ta’ pinzell tal-kċina, b’bajda mħabbta mingħajr ma din titħalla ċċarċar mal-ġnub tal-forom ċilindriċi. Meta l-bajda fuq wiċċ il-ftajjar tkun nixfet xi ftit, il-ftajjar jitpoġġew fit-turtiera u jitħalla spazju omoġenju bejniethom. Il-biċċiet tal-għaġina li jkun għad baqa’ jistgħu jingħaġnu flimkien mhux aktar minn darbtejn oħra bl-inqas tqandil possibbli u jistgħu jintużaw iktar tard wara li l-għaġina titħalla tistrieħ.

Il-ftajjar jitħallew jogħlew għal bejn 50 u 55 minuta fit-turtiera, imbagħad jinħmew għal bejn 12 u 15-il minuta f’forn jaħraq f’temperatura ta’ bejn 220 u 240 C u mbagħad ikunu saru.

Il-ftajjar jinbiegħu mhux ippakkjati (waħda waħda) jew ippakkjati minn qabel.

Il-produzzjoni tal-varjetà “TEPERTŐS POGÁCSA” magħmula bl-għaġina SFILJURATA

L-ewwel fażi: il-preparazzjoni tal-krema magħmula mill-qarquċa tal-ġilda tal-majjal mixwi

Il-preparazzjoni tal-krema magħmula mill-qarquċa tal-ġilda tal-majjal mixwi hija simili għal dik użata għall-varjetà magħmula bl-għaġina tat-torti. L-unika differenza hija li, minbarra x-xaħam u l-qarquċa tal-majjal mingħajr il-ġilda, għal din il-varjetà jiżdiedu wkoll il-melħ (madwar 1,5 % skont il-piż tad-dqiq) u l-bżar mitħun fin ħafna (madwar 0,001 % skont il-piż tad-dqiq). Il-melħ jiżdied f’dan l-istadju minħabba li jekk l-ammont ta’ melħ neċessarju għat-togħma mielħa karatteristika tal-ftajjar jiżdied biss waqt il-preparazzjoni tal-għaġina, l-għaġina tinqasam u ma tkunx tista’ tinkiseb il-konsistenza sfiljurata tagħha.

F’dan il-każ, mill-kwantità ta’ xaħam indikata għall-preparazzjoni tal-krema magħmula mill-qarquċa tal-ġilda tal-majjal mixwi, 50 %, jiġifieri nofs, għandu jiżdied mal-krema magħmula mill-qarquċa tal-ġilda tal-majjal mixwi u n-nofs l-ieħor għandu jitħalla għal mal-għaġina.

It-tieni fażi: preparazzjoni tal-għaġina

L-hekk imsejħa għaġina bażika hija ppreparata bid-dqiq, bix-xaħam li jkun twarrab meta kienet qed tiġi ppreparata l-krema magħmula mill-qarquċa tal-ġilda tal-majjal mixwi, bil-melħ (madwar 1 % skont il-piż tad-dqiq) u, ma’ kull kilo dqiq, 5 % tal-ħmira attivata fil-ħalib, 0,02 % inbid abjad jew ħall, possibbilment bajda waħda, isfar ta’ bajda u biżżejjed krema biex tinkiseb għaġina li ma tkunx iebsa żżejjed, li ma titfarrakx u li tkun tista’ tinħadem faċilment.

Għal din il-varjetà, huwa importanti li l-ingredjenti u l-krema magħmula mill-qarquċa tal-ġilda tal-majjal mixwi jinżammu f’temperatura baxxa sabiex il-krema magħmula mill-qarquċa tal-ġilda tal-majjal mixwi tkun tista’ tissepara s-saffi tal-għaġina meta tkun qed tiġi ppreparata l-għaġina sfiljurata. Ix-xaħam bejn is-saffi rqaq tal-għaġina kiesħa jinħall waqt il-ħami u jevita li s-saffi tal-għaġina jeħlu ma’ xulxin. Sadanittant, l-ilma li jkun hemm fl-għaġina u fix-xaħam jinbidel fi fwar li jrattab is-saffi tal-għaġina u jisseparahom minn ma’ xulxin, hekk li l-prodott li jkun qed jinħema jinqasam f’saffi.

Il-konsistenza sfiljurata tal-prodott tista’ tinkiseb b’żewġ modi:

(a)

il-krema magħmula mill-qarquċa tal-ġilda tal-majjal mixwi tiddellek b’mod uniformi fuq l-għaġina miftuħa rqiqa, imbagħad l-għaġina titrembel minn tarf wieħed. Dan ir-romblu jitħalla joqgħod għal bejn 15 u 30 minuta, imbagħad jinfetaħ għal darb’oħra f’saff irqiq u jitrembel f’direzzjoni perpendikulari meta mqabbel mat-trembil preċedenti. Jekk ma jseħħx dan it-tidwir, il-ftajjar jiġu irregolari meta jinħmew;

(b)

l-għaġina bażika li tkun tħalliet toqgħod tinfetaħ f’saff irqiq u t-taħlita tal-qarquċa tal-ġilda tal-majjal mixwi tiddellek fuq il-wiċċ kull darba li tintewa l-għaġina. F’dan il-każ l-għaġina ma titrembilx, iżda tintewa (tal-anqas tliet darbiet).

Qabel il-ftuħ tal-aħħar, l-għaġina titħalla toqgħod għal tal-anqas 15-il minuta, imbagħad tinfetaħ sa ma tiġi ħoxna daqs saba’ (bejn 1 u 2 cm); il-wiċċ tagħha jiġi mmarkat fil-fond b’ħafna linji perpendikulari u tinqata’ permezz ta’ għodda għall-qtugħ tal-għaġina b’dijametru ta’ bejn 3 u 6 ċentimetri. L-għadd ta’ ftajjar neċessarji biex timtela turtiera tal-forn jitpoġġew ħdejn xulxin fuq injama u jinksew, permezz ta’ pinzell tal-kċina, b’bajda mħabbta mingħajr ma din titħalla ċċarċar mal-ġnub tal-forom ċilindriċi.

Meta l-bajda fuq wiċċ il-ftajjar tkun nixfet xi ftit, il-ftajjar jitpoġġew fit-turtiera tal-ħami u jitħalla spazju omoġenju bejniethom; huma jitħallew jogħlew għal bejn 40 u 45 minuta, imbagħad jinħmew għal bejn 8 u 10 minuti f’forn jaħraq f’temperatura ta’ bejn 220 u 240 C u mbagħad ikunu saru.

Il-ftajjar jinbiegħu mhux ippakkjati (waħda waħda) jew ippakkjati minn qabel.

1.7.   Karattru speċifiku tal-prodott agrikolu jew tal-prodott tal-ikel

Il-karattru speċifiku tat-“tepertős pogácsa” ġej mill-affarijiet li ġejjin:

il-materja prima li hija l-qarquċa tal-ġilda tal-majjal mixwi u x-xaħam,

it-teknika speċjali użata għall-preparazzjoni tal-għaġina,

il-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u organolettiċi.

Il-materja prima, li hija l-qarquċa tal-ġilda tal-majjal mixwi, tagħti lill-prodott in-natura tiegħu.

Il-karattru speċifiku tat-“tepertős pogácsa” ġej mill-qarquċa tal-ġilda tal-majjal mixwi, li hija l-biċċiet li jibqa’ wara li jinqela x-xaħam tal-bejken li jkollu ftit jew xejn laħam. Il-qarquċa tal-ġilda tal-majjal mixwi fiha bejn 12 u 13 % proteina u bejn 82 u 84 % xaħam, u 60 % tal-kontenut tax-xaħam tal-prodott ikun ġej minnha.

It-teknika speċjali tal-preparazzjoni tal-għaġina:

Il-qarquċa tal-ġilda tal-majjal mixwi li tintuża għall-varjetà magħmula bl-għaġina tat-torti tagħmilha possibbli wkoll li l-għaġina tiġi ppreparata pemezz ta’ teknika speċjali ta’ tiwi li tagħtiha l-konsistenza sfiljurata tagħha; barra minn hekk, il-kontenut għoli tax-xaħam jirrikjedi l-preparazzjoni speċjali tal-għaġina f’temperaturi kesħin ta’ bejn l-24 u s-26 C.

Il-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u organolettiċi:

Minħabba l-kontenut tax-xaħam ta’ bejn 20 u 30 % tiegħu, miksub mill-użu tal-qarquċa tal-ġilda tal-majjal mixwi u tax-xaħam, it-“tepertős pogácsa” għandu valur nutrittiv ogħla, jinxef iktar bil-mod u jżomm iktar tajjeb minn prodotti oħrajn tal-istess kategorija.

1.8.   Karattru tradizzjonali tal-prodott agrikolu jew tal-prodott tal-ikel

Il-kelma “pogácsa” (ftira żgħira) intużat għall-ewwel darba madwar l-1395, u oriġinarjament kienet tfisser kejk tond qisu ħobża moħmi fl-irmied u l-faħam. Fl-istejjer tradizzjonali Ungeriżi, dan il-prodott sar magħruf bħala “hamuban sült pogácsa” (ftira żgħira moħmija fl-irmied). Sa tmiem is-seklu 17, il-kelma użata għall-kejk tond qisu ħobża li kien jittiekel bħall-ħobż, kien ftira-ħobża jew ħobża forma ta’ ftira. Il-varjetà li nsibu llum, li hija iżgħar u forma ta’ ċilindru u mmarkata kaxxi kaxxi, saret popolari fl-Ungerija fl-aħħar tal-Medju Evu. Dan il-prodott kien l-iktar oġġett tal-ikel popolari tal-kċina tal-kampanja tal-Ungerija u kien magħmul b’diversi tipi ta’ għaġina, u l-popolarità tiegħu ma naqset qatt minn dakinhar ’l hawn.

Żewġ kundizzjonijiet ippermettew l-iżvilupp tat-“tepertős pogácsa”: il-qali tax-xaħam mill-bejken saret attività komuni u l-qarquċa tal-ġilda tal-majjal mixwi saret oġġett tal-ikel ta’ kuljum. Skont deskrizzjoni tal-1770 ta’ familja nobbli mill-klassi tan-nofs li kienet ġejja mir-reġjun ta’ Somogy, il-bejken moqli u l-qarquċa tal-ġilda tal-majjal mixwi saru parti mill-kċina tan-nobbiltà mis-seklu 18 ’il quddiem. Dan huwa ppruvat mill-inventarji tal-wirt tal-familji nobbli, li juru li mis-seklu 18 ’il quddiem fil-Pjanura l-Kbira bdew jidhru l-btieti żgħar għax-xaħam (Cegléd 1850–1900, ippubblikat fl-1988 mill-mużew ta’ Cegléd imsejjaħ Kossuth Múzeum, p. 28, 30, Szűcs). Probabbilment id-drawwiet tal-qali tal-bejken u tal-konsum tax-xaħam saru parti mit-tradizzjoni popolari ta’ kif ir-raħħala jippreparaw il-majjal f’nofs is-seklu 19, għaliex mill-1850 ’il quddiem insibu l-btieti tax-xaħam fir-reġistri tal-irħula taż-żona li tinsab bejn ix-xmara Danubju u x-xmara Tisza.

Skont id-dejta etnografika orali ta’ tmiem is-seklu 19 u l-bidu tas-seklu 20, il-qarquċa tal-ġilda tal-majjal mixwi kienet tintuża fid-djar tar-raħħala tar-reġjun ċentrali ta’ Tisza biex isir is-sapun, u mbagħad bil-mod il-mod din bdiet tittiekel. Wara li jinqatel il-majjal, il-ftajjar kienu jinħmew b’qarquċiet friski tal-ġilda tal-majjal mixwi, li ġeneralment kienu jkunu żgħar u mingħajr ġilda. Xogħlijiet ikkonsolidati importanti li saru fit-tletinijiet fil-qasam tal-etnografija jirreferu għal ftajjar magħmula b’għaġina li tkun għoliet jew le, ibbażata fuq id-dqiq mill-qamħ u diġà miżjuda b’ingredjenti oħra, fost oħrajn bil-qarquċa (Bátky Zs.: Táplálkozás (“Oġġetti tal-ikel”) fi: A magyarság néprajza (“L-etnografija tal-Ungeriżi”), Budapest, 1933, p. 100) u għalhekk wieħed jista’ jsostni li ż-żieda tal-qarquċa tal-ġilda tal-majjal mixwi li tkun ġejja mill-bejken moqli mal-għaġina li tkun għoliet saret drawwa komuni fil-bidu tas-seklu 20.

Illum il-ġurnata, it-“Tepertős pogácsa” sar parti importanti mill-ikel ta’ kuljum u dan il-prodott jisserva wara s-sopop (tal-laħam jew tal-fażola) u jiġi offrut lill-mistednin waqt il-laqgħat u l-konferenzi. Huwa wkoll ikla popolari fost in-nisa tad-dar, speċjalment meta jiġu ċċelebrati avvenimenti tal-familja (tiġijiet, magħmudijiet) jew festi (bħall-Milied u l-Għid). Ħafna drabi jisserva wkoll bħala tnaqqir għal mal-inbid fil-kuntest tal-agrituriżmu (Hagyományok Ízek Régiók, (“Togħmiet tradizzjonali reġjonali”), il-Volum I, p. 145–147).

Diversi kotba tar-riċetti wrew ir-reputazzjoni ta’ dan il-prodott mill-1880 sal-lum, fosthom il-kotba li ġejjin: Dobos C. József: Magyar-Franczia szakácskönyv (“Ktieb tat-tisjir Ungeriż u Franċiż”), p. 784-785, 1881; Rozsnyai Károly: Legújabb nagy házi cukrászat (“Il-ħelu domestiku ta’ dan l-aħħar”), p. 350, 1905; Kincses Váncza receptkönyv (“Il-ktieb tat-tisjir ta’ ‘Kincses Váncza’”), p. 21, 1920; Az Új idők második receptkönyve (“it-tieni volum tal-ktieb tat-tisjir taż-żminijiet tal-lum”), p. 182, 1934; Hajdú Ernőné: Jaj, mit főzzek (“X’se nsajjar?”), p. 73, 1941; u Rudnay János: A magyar cukrászat remekei (“L-aħjar ħelu Ungeriż”), p. 89, 1973.

1.9.   Rekwiżiti minimi u proċeduri għall-verifika tal-karattru speċifiku

Karattru speċifiku

Rekwiżiti minimi

Metodu ta’ verifika u frekwenza

kontenut ta’ xaħam

20 sa 30 %, (tal-materja niexfa)

jista’ jintuża biss ix-xaħam tal-majjal

F’konformità mad-deskrizzjoni tal-prodott mogħtija fil-punt 3.5, f’laboratorju darba kull sitt xhur.

Qarquċa mill-ġilda tal-majjal mixwi (jew il-krema tagħha)

għandha tintuża l-qarċuċa tal-ġilda tal-majjal mixwi

għandha tintuża l-qarquċa tal-ġilda tal-majjal mixwi mingħajr il-ġilda

Abbażi tad-dokumentazzjoni tal-prodott jew tal-iskeda tal-prodott skont il-lottijiet.

ingredjenti

f’konformità mad-deskrizzjoni tal-prodott mogħtija fil-punt 3.6 (qarċuċa tal-ġilda tal-majjal mixwi, xaħam, dqiq tal-qamħ, bajd, isfar tal-bajd, ħalib, ħmira, inbid abjad jew ħall, krema u bżar u melħ).

Abbażi tad-dokumentazzjoni tal-prodott jew tal-iskeda tal-prodott skont il-lottijiet.

karatteristiċi organolettiċi tal-prodott (kontenut, togħma u aroma)

konsistenza ta’ għaġina tat-torti jew ta’ għaġina sfiljurata

togħma u aroma karatteristiċi tal-qarquċa tal-ġilda tal-majjal mixwi u bi ftit bżar

Test organolettiku kull xift.

2.   Awtoritajiet jew korpi għall-verifika tal-konformità mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott

2.1.   Isem u indirizz

Isem: Mezőgazdasági Szakigazgatási Hivatal Központ, Élelmiszer- és Takarmánybiztonsági Igazgatóság (L-Uffiċċju Ċentrali tal-Amministrazzjoni Agrikola, id-Direttorat tas-Sikurezza tal-Ikel u tal-Għalf)

Indirizz:

Numru tat-telefown: 456-30-10

Numru tal-faks: —

Indirizz tal-posta elettronika: oevi@oai.hu

☒ Awtorità pubblika

 Awtorità privata

2.2.   Kompiti speċifiċi tal-awtorità jew tal-korp

L-awtorità ta’ verifika tiċċekkja jekk il-prodott jikkonformax mar-rekwiżiti stipulati fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott.