13.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 302/34


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI(UE) Nru 1136/2013

tat-12 ta’ Novembru 2013

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward l-estensjoni ta’ perjodi ta’ approvazzjoni tas-sustanzi attivi klotijanidin, dimossistrobina, oxamyl u pethoxamid

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b’mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (2) tistabbilixxi sustanzi attivi meqjusin li ġew approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(2)

L-approvazzjonijiet tas-sustanzi attivi klotijanidin, dimossistrobina, oxamyl u pethoxamid se jiskadu bejn il-31 ta’ Lulju 2016 u t-30 ta’ Settembru 2016. Ġew preżentati applikazzjonijiet għat-tiġdid tal-approvazzjonijiet ta’ dawn is-sustanzi attivi. Billi r-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 (3) japplikaw għal dawk is-sustanzi attivi, huwa meħtieġ li l-applikanti jingħataw żmien biżżejjed biex ilestu l-proċedura tat-tiġdid skont dak ir-Regolament. Għaldaqstant, l-approvazzjonijiet ta’ dawk is-sustanzi attivi x’aktarx li se jiskadu qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar it-tiġdid tagħhom. Għalhekk huwa meħtieġ li l-perjodi tal-approvazzjoni tagħhom jiġu estiżi.

(3)

Għalhekk ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 għandu jiġi emendat skont dan.

(4)

Fid-dawl tal-għan tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, fir-rigward ta’ każijiet meta ebda dossier supplimentari skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 844/2012 ma jiġi ppreżentat sa mhux aktar tard minn 30 xahar qabel id-data tal-iskadenza rispettiva stabbilita fl-Anness għal dan ir-Regolament, il-Kummissjoni se tistabilixxi d-data tal-iskadenza fl-istess data bħal dik ta’ qabel dan ir-Regolament jew fl-eqreb data minn hemm ‘il quddiem.

(5)

Fid-dawl tal-għan tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, fir-rigward ta’ każijiet meta l-Kummissjoni se tadotta Regolament li jipprevedi li l-approvazzjoni ta’ sustanza attiva msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament ma tiġġeddidx minħabba li l-kriterji għall-approvazzjoni ma jkunux issodisfati, il-Kummissjoni se tistabbilixxi d-data tal-iskadenza fl-istess data bħal ta’ qabel dan ir-Regolament jew fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament sakemm ma tiġġeddidx l-approvazzjoni tas-sustanza attiva, skont liema data tkun l-aktar tard.

(6)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-Parti A tal-Anness mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 hija emendata skont l-Anness ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Novembru 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 tat-18 ta’ Settembru 2012 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ tiġdid għas-sustanzi attivi, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 252, 19.9.2012, p. 26).


ANNESS

Il-Parti A tal-Anness mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 hija emendata kif ġej:

(1)

Fis-sitt kolonna, l-iskadenza tal-approvazzjoni, tar-ringiela 116, oxamyl, id-data tal-31 ta’ Lulju 2016 tinbidel bid-data tal-31 ta’ Jannar 2018.

(2)

Fis-sitt kolonna, l-iskadenza tal-approvazzjoni, tar-ringiela 121, klotijanidin, id-data tal-31 ta’ Lulju 2016 tinbidel bid-data tal-31 ta’ Jannar 2018.

(3)

Fis-sitt kolonna, l-iskadenza tal-approvazzjoni, tar-ringiela 122, pethoxamid, id-data tal-31 ta’ Lulju 2016 tinbidel bid-data tal-31 ta’ Jannar 2018.

(4)

Fis-sitt kolonna, l-iskadenza tal-approvazzjoni, tar-ringiela 128, dimossistrobina, id-data tat-30 ta’ Settembru 2016 tinbidel bid-data tal-31 ta’ Jannar 2018.