|
6.11.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 294/30 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1094/2013
tal-4 ta’ Novembru 2013
dwar l-allokazzjoni lil Franza u lir-Renju Unit ta’ jiem addizzjonali fuq il-baħar fid-diviżjoni VIIe tal-ICES
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 39/2013 tal-21 ta’ Jannar 2013 li jiffissa, għall-2013, l-opportuntajiet tas-sajd disponibbli għall-bastimenti tal-UE għal ċerti stokkijiet tal-ħut u għal ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut li mhumiex suġġetti għal negozjati jew ftehimiet internazzjonali (1), u b’mod partikolari l-punt 7 tal-Anness IIC tiegħu,
Wara li kkunsidrat it-talba magħmula minn Franza u mir-Renju Unit,
Billi:
|
(1) |
It-Tabella I tal-Anness IIC tar-Regolament (UE) Nru 39/2013 tispeċifika l-għadd massimu ta’ jiem fuq il-baħar li fihom bastimenti tal-UE ta’ tul kumplessiv massimu ta’ 10 metri jew aktar li jkollhom abbord xbieki tat-tkarkir bit-travu b’malji ta’ 80 mm jew akbar jew xbieki statiċi, fosthom għeżula, pariti u għeżula tat-tħabbil, b’qies il-malji ta’ 220 mm jew anqas jistgħu jkunu preżenti fid-diviżjoni VIIe tal-ICES mill-1 ta’ Frar 2013 sal-31 ta’ Jannar 2014. |
|
(2) |
Il-punt 7.5 ta’ dak l-Anness jippermetti lill-Kummissjoni talloka għadd addizzjonali ta’ jiem fuq il-baħar li fihom bastiment jista’ jkun preżenti f’dik iż-żona filwaqt li jkollu abbord xbieki tat-tkarkir bit-travu jew xbieki statiċi, abbażi ta’ waqfien permanenti mill-attivitajiet tas-sajd li jkunu seħħew mill-1 ta’ Jannar 2004. |
|
(3) |
Fid-dawl tad-dejta dwar bastimenti tat-tkarkir bit-travu irtirati mill-flotta tas-sajd ippreżentata fit-talba mressqa minn Franza skont il-punti 7.1 u 7.4 tal-Anness IIC u bl-applikazzjoni tal-metodu tal-kalkolu previst fil-punt 7.2 ta’ dak l-Anness, 11-il jum addizzjonali fuq il-baħar għandhom jiġu allokati lil Franza għall-perjodu bejn l-1 ta’ Frar 2013 u l-31 ta’ Jannar 2014 għal bastimenti li jġorru abbord jew jużaw dawn ix-xbieki tat-tkarkir bit-travu. |
|
(4) |
Fid-dawl tad-dejta dwar bastimenti bi xbieki statiċi irtirati mill-flotta tas-sajd ippreżentata fit-talba mressqa minn Franza skont il-punti 7.1 u 7.4 tal-Anness IIC u bl-applikazzjoni tal-metodu tal-kalkolu previst fil-punt 7.2 ta’ dak l-Anness, 14-il jum addizzjonali fuq il-baħar għandhom jiġu allokati lil Franza għall-perjodu bejn l-1 ta’ Frar 2013 u l-31 ta’ Jannar 2014 għal bastimenti bħal dawn li jġorru abbord jew jużaw dawn ix-xbieki statiċi. |
|
(5) |
Fid-dawl tad-dejta dwar bastimenti tat-tkarkir bit-travu irtirati mill-flotta tas-sajd ippreżentata fit-talba mressqa mir-Renju Unit skont il-punti 7.1 u 7.4 tal-Anness IIC u bl-applikazzjoni tal-metodu tal-kalkolu previst fil-punt 7.2 ta’ dak l-Anness, 43 jum addizzjonali fuq il-baħar għandhom jiġu allokati lir-Renju Unit għall-perjodu bejn l-1 ta’ Frar 2013 u l-31 ta’ Jannar 2014 għal bastimenti li jġorru abbord jew jużaw dawn ix-xbieki tat-tkarkir bit-travu. |
|
(6) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sajd u l-Akkwakultura, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Jiem ta’ sajd addizzjonali għal Franza
1. Għall-perjodu bejn l-1 ta’ Frar 2013 u l-31 ta’ Jannar 2014, l-għadd massimu ta’ jiem li fihom bastiment tas-sajd li jtajjar l-bandiera ta’ Franza u li jġorr abbord jew juża xbieki tat-tkarkir bit-travu b’qies il-malji ta’ 80 mm jew aktar jista’ jkun preżenti fid-diviżjoni VIIe tal-ICES, kif stabbilit fit-Tabella I tal-Anness IIC għar-Regolament (UE) Nru 39/2013, huwa miżjuda għal 175 jum fis-sena.
2. Għall-perjodu bejn l-1 ta’ Frar 2013 u l-31 ta’ Jannar 2014, l-għadd massimu ta’ jiem li fihom bastiment tas-sajd li jtajjar l-bandiera ta’ Franza u li jġorr abbord jew juża xbieki statiċi, fosthom għeżula, pariti u għeżula tat-tħabbil, b’qies il-malji ta’ 220 mm jew anqas jistgħu jkunu preżenti fid-diviżjoni VIIe tal-ICES, kif stabbilit fit-Tabella I tal-Anness IIC għar-Regolament (UE) Nru 39/2013, huwa miżjud għal 178 jum fis-sena.
Artikolu 2
Jiem ta’ sajd addizzjonali għar-Renju Unit
Għall-perjodu bejn l-1 ta’ Frar 2013 u l-31 ta’ Jannar 2014, l-għadd massimu ta’ jiem li fihom bastiment tas-sajd li jtajjar l-bandiera tar-Renju Unit u li jġorr abbord jew juża xbieki tat-tkarkir bit-travu bid-daqs tal-malji ta’ 80 mm jew aktar jista’ jkun preżenti fid-diviżjoni VIIe tal-ICES, kif stabbilit fit-Tabella I tal-Anness IIC għar-Regolament (UE) Nru 39/2013, huwa miżjud għal 207 jum fis-sena.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Novembru 2013.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO