7.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 297/94


REGOLAMENT (UE) Nru 1074/2013 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-18 ta’ Ottubru 2013

dwar obbligi ta’ rapportar statistiku għal istituzzjonijiet ġiro tal-uffiċċji tal-posta li jirċievu depożiti mingħand minn residenti fiż-żona tal-euro li mhumiex istituzzjonijiet finanzjarji monetarji

(riformulazzjoni)

(BĊE/2013/39)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikolu 5 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar il-ġbir ta’ tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 5(1) u 6(4)),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1027/2006 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar l-obbligi ta' rappurtar ta' statistika fir-rigward ta' istituzzjonijiet ġiro ta' l-uffiċċju tal-posta, li jirċievu depożiti minn istituzzjonijiet finanzjarji mhux monetarji residenti fiż-żona ta' l-euro (BĊE/2006/8) (2) għandu jiġi emendat sostanzjalment, partikolarment fid-dawl tar-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar is-sistema Ewropea ta’ kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea (3); għalhekk għandu jiġi fformulat mill-ġdid fl-interessi taċ-ċarezza.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 2533/98 jistipula fl-Artikolu 2(1) illi, għall-iskopijiet tat-twettiq tal-obbligi ta’ rapportar statistiku tiegħu, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), megħjun mill-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi), għandu d-dritt jiġbor tagħrif statistiku fil-limiti tal-popolazzjoni li tirrapporta ta’ referenza u ta’ dak li huwa neċessarju sabiex jitwettqu l-kompiti tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ). L-Artikolu 2(2)(b) jipprovdi wkoll li l-istituzzjonijiet ġiro tal-uffiċċji tal-posta (POGIs) huma parti mill-popolazzjoni li tirrapporta ta’ referenza, safejn ikun neċessarju biex jiġu sodisfatti l-obbligi ta’ rapportar statistiku tal-BĊE fil-qasam tal-istatistika monetarja u finanzjarja.

(3)

L-iskop tad-dejta POGI huwa li tipprovdi lill-BĊE bi statistika adegwata dwar l-attivitajiet finanzjarji tas-subsettur tal-POGI fl-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (iktar ’il quddiem l-“Istati Membri taż-żona tal-euro”), li jitqiesu bħala territorju ekonomiku wieħed.

(4)

Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 1071/2013 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-24 ta’ Settembru 2013 dwar il-karta tal-bilanċ tas-settur tal-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (BĊE/2013/33) (4), il-popolazzjoni attwali li tirrapporta għal dak ir-Regolament tikkonsisti fl-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (IFM) residenti fit-territorju tal-Istati Membri taż-żona tal-euro.

(5)

L-aggregati monetarji taż-żona tal-euro u l-kontropartijiet tagħhom huma dderivati l-aktar mid-dejta tal-karta tal-bilanċ tal-IFM miġbura skont ir-Regolament (UE) Nru 1071/2013 (BĊE/2013/33). Madankollu, l-aggregati monetarji taż-żona tal-euro jinkludu mhux biss passiv monetarju ta’ IFM fil-konfront ta’ residenti taż-żona tal-euro li mhumiex IFM eskluż il-gvern ċentrali iżda wkoll passiv monetarju tal-gvern ċentrali fil-konfront ta’ residenti taż-żona tal-euro li mhumiex IFM eskluż il-gvern ċentrali.

(6)

F’xi Stati Membri taż-żona tal-euro, il-POGIs ma jappartjenux għas-settur tal-gvern ċentrali taħt is-Sistema Ewropea tal-Kontabbiltà riveduta (iktar ’il quddiem l-“ESA 2010”) stabbilita mir-Regolament (UE) Nru 549/2013, u dawn ma humiex limitati li jirċievu depożiti biss f’isem it-Teżor nazzjonali tagħhom, iżda jistgħu jirċievu depożiti f’isimhom stess.

(7)

Il-POGIs li jirċievu depożiti f’dan ir-rigward iwettqu attivitajiet simili għal dawk imwettqa mill-IFM. Iż-żewġ tipi ta’ entitajiet b’hekk għandhom ikunu soġġetti għal obbligi ta’ rapportar statistiku simili safejn dawk l-obbligi jkunu relevanti għan-negozju tagħhom.

(8)

Huwa neċessarju li jiġi żgurat trattament armonizzat u li tiġi ssalvagwardata d-disponibbiltà ta’ tagħrif statistiku dwar depożiti li jirċievu l-POGIs.

(9)

L-istandards għall-protezzjoni u l-użu ta’ tagħrif statistiku kunfidenzjali kif stipulat fl-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 għandhom japplikaw.

(10)

L-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 2533/98 jipprovdi li l-BĊE għandu s-saħħa li jimponi sanzjonijiet fuq aġenti ta’ rapportar li jonqsu milli jikkonformaw mal-obbligi ta’ rapportar statistiku stabbiliti fir-regolamenti u d-deċiżjonijiet tal-BĊE,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament:

1.

“aġenti tar-rapportar” u “residenti” għandhom l-istess tifsira mogħtija fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 2533/98;

2.

“istituzzjoni ġiro tal-uffiċċji tal-posta (POGI)” tfisser uffiċċju tal-posta li jappartjeni għas-settur “korporazzjonijiet mhux finanzjarji” (Setur 11, ESA 2010) u, bħala kompliment għal servizzi postali, jirċievi depożiti minn residenti taż-żona tal-euro li ma jkunux IFM bil-għan li jiġu pprovduti servizzi ta’ trasferiment ta’ flus għad-depożitanti tiegħu;

3.

“BĊN relevanti” tfisser il-BĊN tal-Istat Membru parteċipanti li fih jirrisjedi l-POGI.

Artikolu 2

Popolazzjoni attwali li tirrapporta

1.   Il-popolazzjoni attwali li tirrapporta għandha tikkonsisti fil-POGIs residenti fit-territorju tal-Istati Membri taż-żona tal-euro.

2.   Il-Bord Eżekuttiv jista’ jistabbilixxi u jżomm lista ta’ POGIs soġġetti għal dan ir-Regolament. Il-BĊNi u l-BĊE għandhom jagħmlu din il-lista u l-aġġornamenti tagħha aċċessibbli għall-POGIs kkonċernati b’mod adegwat, inkluż permezz ta’ mezzi elettroniċi, l-Internet jew, fuq talba tal-POGIs ikkonċernati, fuq karta. Il-lista għandha tkun biss għal skopijiet ta’ informazzjoni. Madankollu, fil-każ li l-aħħar verżjoni aċċessibbli tal-lista ma tkunx korretta, il-BĊE ma għandux jimponi sanzjonijiet fuq xi entità li ma twettaqx kif mistħoqq l-obbligi tagħha ta’ rapportar statistiku sakemm din tkun fdat in bona fede fuq il-lista mhux korretta.

3.   Il-BĊNi jistgħu jagħtu derogi lill-POGIs mill-obbligu li jirrapportaw tagħrif statistiku taħt dan ir-Regolament, kemm-il darba it-tagħrif statistiku meħtieġ ikun diġà miġbur minn sorsi disponibbli oħrajn. Il-BĊNi għandhom jivverifikaw it-twettiq ta’ din il-kondizzjoni fi żmien f’waqtu sabiex jikkonċedu jew jirtiraw, jekk meħtieġ, kull deroga b’effett mill-bidu ta’ kull sena, bi ftehim mal-BĊE.

Artikolu 3

Obbligi ta’ rapportar statistiku

1.   Il-popolazzjoni attwali li tirrapporta għandha tirrapporta tagħrif statistiku ta’ kull xahar dwar il-karta tal-bilanċ tagħha ta’ tmiem ix-xahar, f’termini ta’ stokks, lill-BĊN relevanti.

2.   It-tagħrif statistiku meħtieġ taħt dan ir-Regolament huwa relatatma’ negozju mwettaq minn POGI f’isimha stess u hija speċifikata fl-Annessi I u II.

3.   It-tagħrif statistiku meħtieġ taħt dan ir-Regolament għandu jkun irrapportat skont l-istandards minimi għat-trażmissjoni, il-preċiżjoni, il-konformità mal-kunċetti u r-reviżjonijiet kif stipulat fl-Anness III.

4.   Il-BĊNi għandhom jiddefinixxu u jimplimentaw l-arranġamenti tar-rapportar li jridu jiġu segwiti mill-popolazzjoni attwali li tirrapporta b’konformità mal-obbligi nazzjonali. Il-BĊNi għandhom jiżguraw li dawn l-arranġamenti tar-rapportar jipprovdu t-taghrif statistiku meħtieġ u jippermettu verifikazzjoni preċiża li jkunu ntlaħqu l-istandards minimi għat-trasmissjoni, il-preċiżjoni, il-konformità mal-kunċetti u reviżjonijiet speċifikati fl-Anness III.

Artikolu 4

Fużjonijet, diviżjonijet u rijorganizzazzjonijiet

Fil-każ ta’ fużjoni, diviżjoni jew kull rijorganizzazzjoni oħra li tista’ taffettwa t-twettiq tal-obbligi statistiċi tagħha, l-aġent li jirrapporta involut għandu jgħarraf lill-BĊN rilevanti, ladarba tkun saret pubblika l-intenzjoni biex tiġi implimentata operazzjoni bħal din u f’ħin raġjonevoli qabel ma sseħħ, dwar il-proċeduri ppjanati biex jitwettqu l-obbligi ta’ rapportar statistiku stipulati f’dan ir-Regolament.

Artikolu 5

Tempestività

Il-BĊNi għandhom jibagħtu t-tagħrif statistiku rrapportat skont l-Artikolu 3(1) u (2) lill-BĊE sat-tmiem tal-ġurnata tax-xogħol fil-15-il jum wara t-tmiem tax-xahar li miegħu jkunu relatati. Il-BĊNi għandhom jiddeċiedu meta jkollhom bżonn jirċievu dejta mingħand l-aġenti li jirrapportaw sabiex jilħqu din l-iskadenza.

Artikolu 6

Regoli ta' kontabbiltà għall-iskopijiet ta’ rappurtar statistiku

1.   Bla ħsara għall-paragrafi 2 u3, ir-regoli tal-kontabbiltà segwiti mill-IFMi għall-iskopijiet tar-rappurtar skont dan ir-Regolament huma dawk stabbiliti fit-traspożizzjoni nazzjonali tad-Direttiva tal-Kunsill 86/635/KEE tat-8 ta’ Dicembru, 1986 dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta’ banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn (5), kif ukoll fi kwalunkwe standards internazzjonali oħra applikabbli.

2.   Il-passiv tad–depożiti u s-self għandhom jiġu rrappurtati skont l-ammont kapitali mhux imħallas fl-aħħar tax-xahar. Il-passiv tad-depożiti u s-self ma għandhomx ikunu nnettjati kontra attiv jew passiv ieħor.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-prattiċi tal-kontabbiltà u l-arranġamenti ta’ netting l-aktar użati fl-Istati Membri taż-żona tal-euro, l-attiv u l-passiv finanzjarju kollha għandhom jiġu rrapportati fuq bażi gross għal finijiet statistiċi.

4.   Il-BĊNi jistgħu jħallu r-rappurtar ta’self provisioned nett mill-provisions u r-rappurtar ta’ self mixtri skont il-prezz miftiehem fil-ħin li jkunu nxtraw, bil-kundizzjoni li dawn il-prattiċi ta’ rappurtar huma applikati mill-aġenti residenti kollha ta’ rappurtar.

Artikolu 7

Verifika u ġbir obbligatorju

Il-BĊNi għandhom jeżerċitaw id-dritt li jivverifikaw jew jiġbru b’mod obbligatorju t-tagħrif li l-operaturi li jirrapportaw huma mitluba jagħtu bis-saħħa ta’ dan ir-Regolament, mingħajr ħsara għad-dritt tal-BĊE li jeżerċità dawn id-drittijiet huwa stess. B’mod partikolari, il-BĊNi għandhom jeżerċitaw dan id-dritt meta istituzzjoni inkluża fil-popolazzjoni attwali tar-rapportar ma tissodisfax l-istandards minimi tat-trażmissjoni, l-eżattezza, il-konformità mal-kunċetti u r-reviżjonijiet speċifikati fl-Anness IV.

Artikolu 8

L-ewwel rapportar

L-ewwel rapportar jibda bid-dejta ta’ kull xahar għal Diċembru 2014.

Artikolu 9

Revoka

1.   Ir-Regolament (UE) Nru 1027/2006 (BĊE/2006/8) huwa rrevokat b’effett mill-1 ta’ Jannar 2015.

2.   Ir-referenzi għar-Regolament imħassar jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness IV.

Artikolu 10

Dispożizzjonijiet finali

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Huwa japplika mill-1 ta’ Jannar 2015.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-18 ta’ Ottubru 2013.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 318, 27.11.1998, p. 8.

(2)  ĠU L 184, 6.7.2006, p. 12.

(3)  ĠU L 174, 26.6.2013, p. 1.

(4)  Ara l-paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(5)  ĠU L 372, 31.12.1986, p. 1.


ANNESS I

OBBLIGI TA’ RAPPORTAR STATISTIKU

Image

ANNESS II

DEFINIZZJONIJIET RELATATI MAL-OBBLIGI TA’ RAPPORTAR STATISTIKU

Konsolidazzjoni għal għanijiet statistiċi fl-istess territorju nazzjonali.

Il-POGIs jikkonsolidaw għal għanijiet statistiċi n-negozju tal-uffiċċji kollha tagħhom (uffiċċju reġistrat jew prinċipali u/jew fergħat) li jinsab fl-istess territorju nazzjonali. L-ebda konsolidazzjoni ma hija permessa għal skopijiet statistiċi bejn konfini nazzjonali.

(a)

Jekk kumpannija parent u s-sussidjarji tagħha jkunu POGIs li jinsabu fl-istess Stat Membru, il-kumpannija parent hija awtorizzata tikkonsolida fil-prospetti statistiċi tagħha n-negozju ta’ dawk is-sussidjarji.

(b)

Jekk POGI jkollha fergħat li jinsabu fit-territorji tal-Istati Membri l-oħrajn taż-żona tal-euro, l-uffiċċju reġistrat jew prinċipali li jinsab fi Stat Membru partikolari taż-żona tal-euro għandu jqis il-pożizzjonijiet lejn dawn il-fergħat kollha bħala pożizzjoni lejn residenti ta’ Stati Membri oħrajn taż-żona tal-euro. Bil-maqlub, fergħa li tinsab fi Stat Membru taż-żona tal-euro partikolari għandha tqis il-pożizzjonijiet lejn l-uffiċċju reġistrat jew prinċipali jew lejn il-fergħat l-oħra tal-istess istituzzjoni li tinsab fi ħdan it-territorju tal-Istati Membri taż-żona tal-euro l-oħra bħala pożizzjonijiet lejn residenti fl-Istati Membri l-oħrajn taż-żona tal-euro.

(c)

Jekk POGI jkollha fergħat li jinsabu fit-territorju tal-Istati Membri taż-żona tal-euro, l-uffiċċju reġistrat jew prinċipali li jinsab fi Stat Membru partikolari taż-żona tal-euro għandu jqis il-pożizzjoni lejn dawn il-fergħat kollha bħala pożizzjonijiet lejn residenti tal-bqija tad-dinja. Bil-maqlub, fergħa li tinsab fi Stat Membru partikolari taż-żona tal-euro għandha tqis il-pożizzjonijiet lejn l-uffiċċju reġistrat jew prinċipali jew lejn il-fergħat l-oħra tal-istess istituzzjoni li tinsab barra mill-Istati Membri taż-żona tal-euro bħala pożizzjonijiet lejn residenti fil-bqija tad-dinja.

Definizzjonijiet tas-setturi

L-ESA 2010 tipprovdi l-istandard għall-klassifikazzjoni settorjali. Il-kontropartijiet li jinsabu fit-territorju tal-Istati Membri taż-żona tal-euro huma identifikati skont is-settur tagħhom b’mod konformi mal-listi miżmuma mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għal finijiet statistiċi u l-gwida għall-klassifikazzjoni statistika tal-kontropartijiet ipprovduta fil-“Manwal tas-settur tal-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji u tas-suq: Gwida għall-klassifikazzjoni statistika tal-klijenti” tal-BĊE.

Tabella

Definizzjonijiet tas-setturi

Settur

Definizzjoni

IFM

IFM kif iddefiniti fl-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 1071/2013 (BĊE/2013/33). Dan is-settur jikkonsisti minn banek ċentrali nazzjonali (BĊNi), istituzzjonijiet ta’ kreditu kif definiti fil-liġi tal-Unjoni, MMFs, istituzzjonijiet finanzjarji oħra li n-negozju tagħhom huwa li jirċievu depożiti u/jew sostituti viċini għal depożiti mingħand entitajiet li mhumiex IFM u, f’isimhom stess, tal-anqas f’termini ekonomiċi, jagħtu self u/jew jagħmlu investimenti f’titoli, u istituzzjonijiet ta’ flus elettroniċi li huma prinċipalment involuti f’intermedjazzjoni finanzjarja fil-forma ta’ ħruġ ta’ flus elettroniċi.

Gvern ġenerali

Is-settur tal-gvern ġenerali (S.13) jikkonsisti f’unitajiet istituzzjonali, li huma produtturi mhux għas-suq li l-output tagħhom huwa maħsub għall-konsum individwali jew kollettiv, u li huma ffinanzjati minn pagamenti obbligatorji magħmula minn unitajiet li jappartjenu lil setturi oħra, u l-unitajiet istituzzjonali li huma prinċipalment involuti fir-ridistribuzzjoni tad-dħul u l-ġid nazzjonali (ESA 2010, paragrafi 2.111 sa 2.113).

Gvern ċentrali

Dan is-sottosettur (S.1311) jinkludi d-dipartimenti amministrattivi kollha tal-Istat u aġenziji ċentrali oħrajn li l-kompetenza tagħhom normalment testendi fuq it-territorju ekonomiku kollu, għajr l-amministrazzjoni tal-fondi tas-sigurtà soċjali (ESA 2010, paragrafu 2.114).

Gvern statali

Dan is-sottosettur (S.1312) jikkonsisti f’dawk it-tipi ta' amministrazzjoni pubblika li huma unitajiet istituzzjonali separati li jwettqu wħud mill-funzjonijiet tal-gvern, għajr għall-amministrazzjoni tal-fondi tas-sigurtà soċjali, f’livell taħt dak ta’ gvern ċentrali u ogħla minn dak tal-unitajiet istituzzjonali governattivi eżistenti f’livell lokali (ESA 2010, paragrafu 2.115).

Gvern lokali

Dan is-sottosettur (S.1313) jinkludi dawk it-tipi ta’ amministrazzjoni pubblika li l-kompetenza tagħha testendi biss għal parti lokali mit-territorju ekonomiku, minbarra l-aġenziji lokali tal-fondi tas-sigurtà soċjali (ESA 2010, paragrafu 2.116)

Fondi tas-sigurtà soċjali

Is-sottosettur tal-fondi tas-sigurtà (S.1314) jinkludi unitajiet istituzzjonali ċentrali, statali u lokali li l-attività prinċipali tagħhom hija li jipprovdu benefiċċji soċjali u li jissodisfaw iż-żewġ kriterji li ġejjin: (a) bil-liġi jew bir-regolamentazzjoni, ċerti gruppi tal-popolazzjoni huma obbligati li jipparteċipaw fl-iskema jew li jħallsu l-kontribuzzjonijiet; u (b) gvern ġenerali huwa responsabbli għall-immaniġjar tal-istituzzjoni fir-rigward tal-ħlas jew l-l-approvazzjoni tal-kontribuzzjonijiet u l-benefiċċji indipendentament mir-rwol tiegħu bħala korp ta’ sorveljanza jew bħala entità li tipprovdi impjieg (ESA 2010, paragrafu 2.117).

Fondi ta’ investiment li mhumiex MMF

FI kif iddefiniti fl-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 1073/2013 (BĊE/2013/38) dwar statistika dwar l-attiv u l-passiv ta’ fondi ta’ investiment. Dan is-sottosettur jikkonsisti fl-impriżi kollha ta’ investiment kollettiv sottostanti, ħlief l-MMF li jinvestu f’attiv finanzjarji u/jew mhux finanzjarji, sal-punt li l-objettiv ikun l-investiment ta’ kapital miġbur mill-pubbliku.

Intermedjarji finanzjarji oħrajn, ħlief għal korporazzjonijiet tal-assigurazzjoni u fondi tal-pensjonijiet + awżiljari finanzjarji + istituzzjonijiet finanzjarji kaptivi u selliefa ta’ flus

L-intermedjarji finanzjarji oħrajn, għajr għall-korporazzjonijiet ta’ assigurazzjoni u s-sottosettur tal-fondi ta’ pensjonijiet (s.125) jikkonsisti fil-korporazzjonijiet finanzjarji u kważi-korporazzjonijiet kollha li huma involuti prinċipalment f’intermedjazzjoni finanzjarja billi jġarrbu passiv f’forma oħra għajr munita, depożiti (jew sostituti mill-qrib għal depożiti), ishma/unitajiet ta’ fondi ta’ investiment, jew b’rabta ma’ assigurazzjoni, pensjonijiet u skemi ta’ garanzija standardizzati minn unitajiet istituzzjonali (ESA 2010, paragrafi 2.86 sa 2.94)

Is-sottosettur tal-awżiljari finanzjarji (S.126) jikkonsisti fil-korporazzjonijiet finanzjarji kollha u l-entitajiet bi status kważi ta’ korporazzjoni finanzjarji kollha li huma involuti prinċipalment f’attivitajiet marbuta mill-qrib ma’ intermedjazzjoni finanzjarja iżda li mhumiex intermedjarji finanzjarji huma stess. Dan is-sottosettur jinkludi wkoll uffiċċji prinċipali li s-sussidjarji tagħhom huma kollha jew kważi kollha korporazzjonijiet finanzjarji (ESA 2010, paragrafi 2.95 sa 2.97)

Is-sottosettur tal-istituzzjonijiet finanzjarji kaptivi u tas-selliefa tal-flus (S.127) jikkonsisti fil-korporazzjonijiet finanzjarji u l-entitajiet bi status kważi ta’ korporazzjonijiet finanzjarji kollha li la huma involuti f’intermedjazzjoni finanzjarja u lanqas ma jipprovdu servizzi awżiljarji finanzjarji, u fejn il-parti l-kbira jew tal-assi tagħhom jew il-passiv tagħhom mhumiex innegozjati fis-swieq miftuħa. Dan is-settur jinkludi kumpaniji holding li għandhom livelli ta’ ekwità li jagħtuhom kontroll ta’ grupp ta’ korporazzjonijiet sussidjarji u li l-attività prinċipali tagħhom hija l-proprjetà tal-grupp mingħajr ma jipprovdu ebda servizz ieħor lin-negozji li fihom tkun qed tinżamm din l-ekwità, jiġifieri, ma jkunux jamministraw jew jiġġestixxu unitajiet oħra (ESA 2010, paragrafi 2.98 sa 2.99).

Korporazzjonijiet tal-assigurazzjoni

Is-sottosettur tal-korporazzjonijiet tal-assigurazzjoni (S.128) jikkonsisti fil-korporazzjonijiet finanzjarji kollha u l-entitajiet bi status kważi ta’ korporazzjonijiet li huma involuti prinċipalment f’intermedjazzjoni finanzjarja bħala konsegwenza tal-ġbir komuni tar-riskji prinċipalment fil-forma ta’ assigurazzjoni jew riassigurazzjoni diretta (ESA 2010, paragrafi 2.100 sa 2.104).

Fondi tal-pensjoni

Is-sottosettur tal-fondi tal-pensjonijiet (S.129) jikkonsisti mill-korporazzjonijiet u l-kważi korporazzjonijiet li huma involuti prinċipalment f’intermedjazzjoni finanzjarja bħala konsegwenza tal-ġbir komuni tar-riskji soċjali u l-ħtiġijiet tal-persuni assigurati (assigurazzjoni soċjali). Fondi tal-pensjoni bħala skemi tal-assigurazzjoni soċjali jipprovdu dħul meta persuna tirtira, u ħafna drabi benefiċċji għal mewt u diżabbiltà (ESA 2010, paragrafi 2.105 sa 2.110).

Korporazzjonijiet mhux finanzjarji

Is-settur tal-korporazzjonijiet mhux finanzjarji (S.11) jikkonsisti fl-unitajiet istituzzjonali li huma entitajiet legali indipendenti u li huma produtturi fis-suq, li l-attività prinċipali tagħhom hija l-produzzjoni ta’ oġġetti u servizzi mhux finanzjarji. Dan is-settur jinkludi wkoll entitajiet kważi-korporazzjonijiet mhux finanzjarji (ESA 2010, paragrafi 2.45 sa 2.54).

Unitajiet domestiċi + istituzzjonijiet mingħajr skop ta’ profitt li jservu lill-unitajiet domestiċi

Is-settur tal-unitajiet domestiċi (S.14) jikkonsisti f’individwi jew gruppi ta’ individwi bħala konsumaturi u bħala intraprendituri li jipproduċu prodotti għas-suq u servizzi finanzjarji u mhux finanzjarji (produtturi għas-suq) sakemm il-produzzjoni ta’ prodotti u servizzi ma tkunx minn entitajiet separati ttrattati bħala kważi-korporazzjonijiet. Dan jinkludi wkoll individwi jew gruppi ta’ individwi bħala produtturi ta’ prodotti u servizzi mhux finanzjarji li l-użu finali tagħhom ikun esklużivament personali. Is-settur tal-unitjiet domestiċi jinkludi proprjetajiet esklussivi u sħubija mingħajr status legali indipendenti, minbarra dawk meqjusa bħala kważi-korporazzjonijiet, li huma produtturi tas-suq (ESA 2010, paragrafi 2.118 sa 2.128).

Is-settur tal-istituzzjonijiet mingħajr skop ta’ profitt (NPISHs) li huma entitajiet legali separati, li jservu unitajiet domestiċi u li huma produtturi privati mhux tas-suq. Ir-riżorsi prinċipali tagħhom huma l-kontribuzzjonijiet volontarji fi flus jew f'oġġetti minn unitajiet domestiċi fil-kapaċità tagħhom bħala konsumaturi, minn pagamenti magħmula minn gvernijiet ġenerali u minn dħul minn proprjetà (ESA 2010, paragrafi 2.129 sa 2.130).

Definizzjonijiet ta’ kategoriji ta’ strumenti

1.

Din it-tabella tipprovdi deskrizzjoni dettaljata u standard tal-kategoriji tal-istrumenti li l-BĊNi jittrasponu f’kategoriji applikabbli fil-livell nazzjonali skont dan ir-Regolament. It-tabella ma tikkostitwixxix lista ta' strumenti finanzjarji individwali u d-deskrizzjonijiet ma humiex eżawrjenti. Id-definizzjonijiet jirreferu għall-ESA 2010.

2.

Il-maturità oriġinali, jiġifieri l-maturità mal-ħruġ, tirreferi għall-perijodu fiss tal-ħajja ta’ strument finanzjarju li qablu ma jistax jiġi mifdi, eż. titoli ta’ dejn, jew li jista’ jiġi mifdi biss qabel jekk titħallas xi tip ta’ penali, eż. xi tipi ta’ depożiti. Il-perjodu ta’ avviż jikkorrispondi għaż-żmien bejn il-mument li d-detentur jagħti avviż ta’ intenzjoni li jifdi l-istrument u d-data ta’ meta d-detentur jitħalla jikkonvertih fi flus mingħajr ma jeħel penali. Strumenti finanzjarji huma klassifikati skond il-perjodu ta’ avviż fejn ma hemmx maturità miftiehma.

3.

Tista’ ssir distinzjoni bejn pretensjonijiet finanzjarji skont jekk ikunux negozjabbli jew le. Pretensjoni tkun negozjabbli jekk il-proprjetà tagħha tkun faċilment tista’ tiġi trasferita minn unità għal oħra b’konsenja jew approvazzjoni jew tkun paċuta fil-każ ta’ derivattivi finanzjarji. Filwaqt li kwalunkwe strument finanzjarju jista’ potenzjalment jiġi nnegozjat, l-istrumenti negozjabbli huma mfassla biex ikunu nnegozjati permezz ta’ borża organizzata jew barra l-borża, minkejja li jekk attwalment ikunux innegozjati mhix kundizzjoni neċessarja għan-negozjabbiltà.

Deskrizzjoni dettaljata ta’ kategoriji ta’ strumenti tal-karta tal-bilanċ aggregata ta’ kull xahar

KATEGORIJI TA' ATTIV

Kategorija

Deskrizzjoni tal-karatteristiċi prinċipali

1.

Flus

Investimenti ta’ euro u flus f’karti u f’muniti fiċ-ċirkolazzjoni li huma użati b’mod komuni sabiex isiru l-pagamenti.

2.

Self

L-investimenti f’attiv finanzjarji maħluqa meta l-kredituri jsellfu fondi lid-debituri, li mhumiex ippruvati minn dokumenti jew li huma ppruvati minn dokumenti mhux negozzjabbli. Din il-partita tinkludi wkoll attiv fil-forma ta' depożiti magħmula minn aġenti li jirrapportaw.

Din il-partita tinkludi:

(a)

depożiti kif definiti fil-kategorija tal-passiv 5

(b)

self li ma jistax jiġi rkuprat li jkun għadu ma tħallasx lura u lanqas ma ġie kkanċellat,

L-ammont totali ta' self li fir-rigward tiegħu l-ħlas lura jkun ilu dovut jew inkella identifikat bħala indebolit, parzjalment jew totalment, skont id-definizzjoni ta' inadempjenza fl-Artikolu 178 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(c)

Investimenti f’titoli mhux negozjabbli

Investimenti f’titoli ta’ dejn li ma humiex negozjabbli u ma jistgħux jiġu nnegozjati fi swieq sekondarji;

(d)

self innegozjati

Self li de facto jkunu saru negozjabbli għandhom jiġu kklassifikati taħt il-partita ta’ attiv “self” kemm-il darba ma jkun hemm ebda evidenza ta' negozjar f'suq sekondarju. Inkella għandhom jiġu kklassifikati bħala titoli ta’ dejn (kategorija 3);

(e)

dejn subordinat fil-forma ta’ depożiti jew self

Strumenti ta’ debitu subordinat jipprovdu pretensjoni sussidjarja kontra l-istituzzjoni emittenti li tista’ tiġi eżerċitata biss wara li jkunu ġew sodisfatti l-pretensjonijiet kollha bi status ogħla, eż. depożiti/self, biex b’hekk jingħatawlhom xi wħud mill-karatteristiċi ta’ ekwità. Għal skopijiet statistiċi, dejn subordinat għandu jiġi kklassifikat bħala “self” jew “titoli ta' dejn” skont in-natura tal-istrument finanzjarju. Meta investimenti ta’ IFM ta’ kull forma ta’ dejn subordinat ikunu identifikati attwalment bħala ċifra unika għal skopijiet statistiċi, din iċ-ċifra trid tiġi klassifikata taħt il-partita tal-attiv “titoli ta’ dejn”, fuq il-bażi li debitu subordinat huwa kkostitwit b’mod predominanti fil-forma ta’ titoli, aktar milli self;

(f)

pretensjonijiet taħt riakkwisti bil-maqlub jew self ta' titoli kontra kollateral fi flus

Kontraparti ta' flus mħallsa bi skambju għal titoli mixtrija minn aġenti ta' rappurtar bi prezz miftiehem b’impenn sod biex l-istess titoli jew simili jerġgħu jinbiegħu bi prezz fiss f'data futura speċifikata, jew self ta’ titoli kontra kollateral fi flus.

Il-partita li ġejja ma titqisx bħala self:

 

self mogħti fuq bażi ta’ trust

 

Self mogħtija fuq bażi ta' trust, jiġifieri self lil trust jew self fiduċjarji, huma self li jinħarġu f’isem ta' persuna waħda (iktar ’il quddiem il-“fiduċjarju”) f'isem terza persuna (iktar ’il quddiem il-“benefiċjarju”). Għal finijiet statistiċi, self lil trust ma jridux jiġu reġistrati fuq il-karta ta’ bilanċ tal-fiduċjarju meta r-riskji u l-benefiċċji tal-proprjetà tal-fondi jibqgħu f’idejn il-benefiċjarju. Ir-riskji u l-benefiċċji tal-proprjetà jibqgħu f’idejn il-benefiċjarju meta: il-benefiċjarju jassumi r-riskju tal-kreditu tas-self, jiġifieri l-fiduċjarju jkun responsabbli biss għall-ġestjoni amministrattiva tas-self; jew (b) l-investiment tal-benefiċjarju jkun iggarantit kontra telf, jekk il-fiduċjarju jiġi stralċar, jiġifieri jekk is-self lil trust ma jkunx parti mill-attiv tal-fiduċjarju li jista’ jitqassam f’każ ta’ falliment.

3.

Titoli ta’ dejn

Investimenti f’titoli ta’ dejn, li huma strumenti finanzjarji negozjabbli li jservu bħala evidenza ta’ dejn, li normalment huma nnegozjati fi swieq sekondarji jew jistgħu jiġu paċuti fis-suq, u li ma jagħtu ebda tip ta’ dritt ta’ proprjetà lid-detentur fuq l-istituzzjoni emittenti.

Din il-partita tinkludi:

(a)

Investimenti f’titoli li jagħtu lid-detentur id-dritt mingħajr kundizzjoni għal qligħ fiss jew qligħ stabbilit b’kuntratt fil-forma ta’ pagamenti ta’ kupuni u/jew ta’ somma fissa stabbilita minn qabel f’data jew dati speċifiċi, jew li tibda minn data stabbilita fil-ħin tal-ħruġ;

(b)

self li jkunu saru negozjabbli f’suq organizzat, jiġifieri self innegozjati, sakemm ikun hemm prova ta’ kummerċ f’suq sekondarju, inkluża l-eżistenza ta’ ġeneraturi tas-suq, u l-kwotazzjoni frekwenti tal-attiv finanzjarju, bħal dik ipprovduta mill-bid-offer spreads. Meta dan ma jkunx il-każ, għandhom jiġu kklassidikati taħt il-partita ta’ attiv ‘self’ (ara wkoll ‘self innegozjati’ fil-kategorija 2d);

(c)

dejn subordinat fil-forma ta’ titoli ta’ dejn (ara ukoll “dejn subordinat fil-forma ta’ depożiti jew self” fil-kategorija 2e).

Titoli mislufa taħt operazzjonijiet ta’ self ta’ titoli jew mibjugħa taħt ftehim ta’ riakkwist jibqgħu fuq il-karta tal-bilanċ tas-sid oriġinali (u ma għandhomx jiġu rreġistrati fuq il-karta tal-bilanċ tal-akkwirent temporanju) meta jkun hemm impenn sod biex tinqeleb l-operazzjoni, u mhux sempliċement opzjoni biex isir dan. Meta l-akkwirent temporanju jbiegħ it-titoli rċevuti, dan il-bejgħ għandu jitniżżel bħala transazzjoni ċara f’titoli u mdaħħla fil-karta tal-bilanċ tal-akkwirent temporanju bħala pożizzjoni negattiva fil-portafoll tat-titoli.

3a/3b

Titoli ta’ dejn sa u inkluża sena /ta’ aktar minn sena u sa u inkluża maturità oriġinali ta’ sentejn

Dawn il-partiti jinkludu:

(a)

investimenti f’titoli ta’ dejn negozjabbli b’maturità oriġinali sa u inkluża sena/ta’ aktar minn sena u sa u inklużi sentejn;

(b)

self li jkunu saru negozjabbli f’suq organizzat, jiġifieri self oriġinali li jkunu kklassifikati bħala titoli ta’ dejn, b’maturità oriġinali sa u inkluża sena/aktar minn sena u sa u inklużi sentejn;

(c)

dejn subordinat fil-forma ta’ titoli ta’ dejn b’maturità oriġinali sa u inkluża sena/ta’ aktar minn sena u sa u inklużi sentejn.

4.

Ishma/unitajiet ta’ fondi fis-suq tal-flus

Din il-partita tal-attiv tinkludi investimenti ta’ ishma/unitajiet MMF (ara d-definizzjoni fir-Regolament (UE) Nru 1071/2013 (BĊE/2013/33) Anness I, Parti 1, Taqsima 2).


KATEGORIJI TA' PASSIV

Kategorija

Deskrizzjoni tal-karatteristiċi prinċipali

5.

Depożiti

Ammonti (depożiti jew oħrajn), li huma dovuti lill-kredituri mill-aġenti li jirrapportaw u li jikkonformaw mal-karatteristiċi deskriti fit-Taqsima 1 tal-Parti 1 tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1071/2013 (BĊE/2013/33). Għall-finijiet tal-iskema tar-rapportar, din il-kategorija hija maqsuma f’depożiti matul il-lejl, depożiti b’maturità miftiehma, u depożiti li jinfdew mal-avviż

(a)

depożiti u self

“Depożiti” tkopri wkoll “self” bħala passiv tal-POGIs. F'termini kunċettwali, self jirrappreżenta ammonti rċevuti mill-POHIs li mhumiex strutturati fil-forma ta’ “depożiti”. L-ESA 2010 jiddistingwi bejn “self” u “depożiti” fuq il-bażi tal-parti li tieħu l-inizjattiva, jiġifieri jekk tkun il-parti li tissellef, allura jikkostitwixxi self, imma jekk tkun il-parti li tislef, imbagħad jikkostitwixxi depożitu. Fl-iskema ta' rappurtar, “self” mhumiex rikonoxxuti bħala kategorija separata fuq in-naħa tal-passiv tal-karta ta' bilanċ. Minflok, bilanċi li huma meqjusa bħala “self” għandhom jiġu kklassifikati bla distinzjoni taħt il-partita “passiv ta’ depożitu”, ħlief jekk ikunu rappreżentati permezz ta’ strumenti negozjabbli. Dan huwa konformi mad-definizzjoni ta’ “passiv ta’ depożitu” iktar ’il fuq. Self lil IFM li huma klassifikati bħala “passiv ta’ depożitu” għandhom jiġu kklassifikati skont ir-rekwiżiti tal-iskema li tirrapporta, jiġifieri skont is-settur, strument, munita u maturità. Self sindakat irċevut minn aġenti tar-rapportar jaqgħu taħt din il-kategorija;

(b)

strumenti ta’ dejn mhux negozjabbli

Strumenti ta’ dejn mhux negozjabbli maħruġa minn aġenti li jirrapportaw ġeneralment għandhom jiġu klassifikati bħala “passiv ta’ depożitu”. Strumenti li mhumiex negozjabbli maħruġa minn aġenti li jirrapportaw li sussegwentement isiru negozjabbli u li jistgħu jiġu negozjati fi swieq sekondarji għandhom jiġu klassifikati mill-ġdid bħala “titoli ta’ dejn”;

(c)

depożiti marġinali

Depożiti marginali (marġini) li jsiru skont kuntratti derivattivi għandhom jiġu klassifikati bħala “passiv ta’ depożitu” meta jkunu jirrappreżentaw kollaterali ta’ flus depożitati ma’ IFM u meta jibqgħu l-proprjetà tad-depożitatur u jkollhom jerġgħu jitħallsu lura lid-depożitatur meta jagħlaq il-kuntratt. Fil-prinċipju, marġni riċevuti mill-aġent li jirrapporta għandhom jiġu kklassifikati bħala “passiv ta’ depożitu” biss sal-punt li l-POGI tiġi pprovduta b’fondi li jkunu disponibbli liberament għal self ta' fondi mislufa; meta parti tal-marġini riċevuta mill-POGI ikollha tingħadda li parteċipant ieħor fis-suq tad-derivattivi, eż. clearing house, dik il-parti biss li tibqa’ għad-dispożizzjoni tal-POGI għandha fil-prinċipju tiġi kklassifikata bħala “passiv ta’ depożitu”. Il-kumplessitajiet ta' prattika kurrenti fis-suq jistgħu jagħmluha diffiċli biex jiġu identifikati dawk il-marġini li verament jistgħu jitħallsu lura, minħabba li tipi differenti ta' marġini jitqiegħdu b'mod li ma jistgħux jintgħarfu fl-istess kont, jew dawk il-marġini li jipprovdu lill-IFM b'riżorsi għal self ta’ fondi mislufa. F'dawn il-każijiet, huwa aċċettabbli li jiġu kklassifikati dawn il-marġini taħt “passiv li jifdal” jew bħala “passiv ta' depożitu”;

(d)

bilanċi mmarkati

Skont il-prattika nazzjonali, “bilanċi mmarkati” relatati ma’ pereżempju kuntratti ta’ kiri huma kklassifikati bħala passiv ta’ depożitu taħt “depożiti b’maturità miftiehma” jew “depożiti li jistgħu jinfdew fuq avviż” skont il-maturità/dispożizzjonijiet tal-kuntratt sottostanti.

Il-partita li ġejja ma titqiesx bħala depożitu:

Fondi (depożiti) rċevuti fuq bażi ta' trust m'għandhomx jiġu reġistrati fuq il-karta ta' bilanċ ta' statistika tal-POGI (ara “Self mogħti fuq bażi ta' trust” taħt il-kategorija 2).

5.1.

Depożiti ta' matul il-lejl

Depożiti li jistgħu jinqalbu f'munita u/jew li huma trasferibbli fuq talba permezz ta' ċekk, ordni bankarja, dħul ta' dejn jew mezz simili, mingħajr dewmien sinifikanti, restrizzjoni jew penali. Din il-partita tinkludi:

(a)

bilanċi (li jagħtu l-imgħax jew le) li jistgħu jinqelbu immedjatament f'munita fuq talba jew permezz ta' għeluq tan-negozju fil-jum ta' wara dak li fih ikun sar id-depożitu, mingħajr xi penali jew restrizzjoni sinifikanti, imma li mhumiex trasferibbli;

(b)

bilanċi (li jagħtu l-imgħax jew le) li jirrappreżentaw ammonti mħallsa bil-quddiem fil-kuntest ta’ flejjes elettroniċi bbażati fuq il-ħardwer jew fuq is-software, eż. kards imħallsa bil-quddiem;

(c)

self li jrid jitħallas lura fit-tmiem tal-ħin tax-xogħol fil-jum ta' wara dak li fih ingħata s-self.

5.2.

Depożiti b'maturità miftiehma

Depożiti li mhumiex trasferibbli li ma jistgħux jinqalbu f’munita qabel terminu fiss miftiehem jew li jistgħu jinqalbu biss f’munita qabel dak it-terminu miftiehem kemm-il darba d-detentur iħallas xi tip ta’ penali. Din il-partita tinkludi wkoll depożiti ta’ tfaddil irregolati amministrattivament fejn il-kriterju relatat mal-maturità mhuwiex rilevanti; dawn għandhom jiġu kklassifikati fil-faxxa ta’ maturità ta’ “aktar minn sentejn”. Prodotti finanzjarji b’dispożizzjonijiet roll-over għandhom jiġu kklassifikati skont il-maturità l-aktar bikrija. Għalkemm depożiti b'maturità miftiehma jista' jkollhom il-possibbiltà li jinfdew aktar kmieni wara notifika minn qabel, jew jistgħu jinfdew fuq talba bla ħsara għal ċerti penali, dawn il-karatteristiċi mhumiex meqjusa bħala rilevanti għall-finijiet ta’ klassifikazzjoni.

5.2a/5.2b

Depożiti sa u inkluża sena/ta’ aktar minn sena u sa u inkluża maturità miftiehma ta’ sentejn

Dawn il-partiti jinkludu għal kull klassifikazzjoni ta’ maturità:

(a)

Bilanċi mqegħda b’terminu fiss ta’ maturità sa u inkluża sena waħda/aktar minn sena u sa u inklużi sentejn/aktar minn sentejn li mhumiex trasferibbli u li ma jistgħux jinqalbu f’muniti qabel dik il-maturità;

(b)

Bilanċi mqegħda b’terminu fiss ta’ maturità sa u inkluża sena waħda/aktar minn sena u sa u inklużi sentejn/aktar minn sentejn li mhumiex trasferibbli imma jinfdew qabel dak it-terminu wara notifika minn qabel; meta tkun ingħatat notifika, dawn il-bilanċi għandhom jiġu klassifikati f'5.3a;

(c)

Bilanċi mqegħda b’terminu fiss ta’ maturità sa u tinkludi sena waħda/aktar minn sena u sa u tinkludi sentejn/aktar minn sentejn li mhumiex trasferibbli imma jistgħu jiġu mifdija mat-talba soġġetti għal ċerti penali;

(d)

Pagamenti marġinali li jsiru skont kuntratti derivattivi li jridu jingħalqu fi żmien sena/bejn sena u sentejn, li jirrappreżentaw kollateral ta’ flus kontanti mqegħda biex jipproteġu kontra riskju ta’ kreditu imma li jibqgħu fil-pussess tad-depożitatur u li jistgħu jerġgħu jitħallsu lid-depożitatur meta jkun ingħalaq il-kuntratt;

(e)

Self, li tagħhom ikun hemm xiehda permezz ta' dokumenti mhux negozjabbli jew inkella li tagħhom ma jkunx hemm xiehda permezz ta’ dokumenti, b’maturità originali sa sena/aktar minn sena u sa u inklużi sentejn;

(f)

Titoli ta’ dejn mhux negozjabbli maħruġa mill-POGIs li jkollhom maturità oriġinali sa u inkluża sena/aktar minn sena u sa u inklużi sentejn;

(g)

Dejn subordinat maħruġ mill-POGIs fil-forma ta’ depożiti jew self ta’ maturità oriġinali sa u inkluża sena waħda/aktar minn sena u sa u inklużi sentejn.

5.3.

Depożiti li jistgħu jinfdew b’avviż

Depożiti li mhumiex trasferibbli mingħajr maturità miftiehma li ma jistgħux jinqalbu f’munita mingħajr perijodu ta’ avviż minn qabel; qabel l-iskadenza l-konveżjoni f’munita mhijiex possibbli jew hija possibbli biss b’penali. Dawn jinkludu depożiti li, għalkemm forsi jistgħu jiġu rtirati legalment fuq talba, ikunu soġġetti għal penali u restrizzjonijiet skont il-prattika nazzjonali (ikklassifikata fil-faxxa ta’ maturità “sa u inklużi tliet xhur”), u kontijiet ta’ investimenti mingħajr perjodu ta’ avviż jew maturità miftiehma, imma li fihom dispożizzjonijiet restrittivi dwar ġbid ta’ flus (ikklassifikati fil-faxxa ta’ maturità ta’ “aktar minn tliet xhur”).

5.3a

Depożiti li jinfdew b’avviż sa u inklużi tliet xhur

Din il-partita tinkludi:

(a)

Bilanċi mqegħda minghajr maturità fissa li jistgħu jiġu rtirati biss soġġetti għal avviż minn qabel ta’ sa u inklużi tliet xhur; jekk ikun possibbli li jinfdew qabel dak il-perijodu tal-avviż (jew anke fuq talba), ikun jinvolvi l-ħlas ta’ penali; u

(b)

Bilanċi mqiegħda b’terminu fiss għall-maturità li ma jkunux trasferibbli iżda li kienu soġġetti għal notifika ta’ inqas minn tliet xhur, għal fidi aktar bikri.

Barra minn hekk, depożiti li jistgħu jinfdew b’avviż sa u inklużi tliet xhur jinkludu depożiti mhux trasferibbli mad-daqqa t’għajn u tipi oħrajn ta’ depożiti bl-imnut li, għalkemm jistgħu jinfdew legalment fuq talba, huma suġġetti għal penali sinifikanti.


ANNESS III

STANDARDS MINIMI LI GĦANDHOM IKUNU APPLIKATI MILL-POPOLAZZJONI LI ATTWALMENT TIRRAPPORTA

L-aġenti li jirrapportaw għandhom jilħqu l-livelli minimi li ġejjin sabiex jissodisfaw l-obbligi ta’ rapportar statistiku tal-BĊE.

1.

Standards minimi għat-trażmissjoni:

(a)

ir-rapportar għandu jkun f’waqtu u fl-iskandenzi stabbiliti mill-BĊN rilevanti;

(b)

ir-rapporti statistiċi jridu jieħdu l-forma u l-format mill-obbligi ta’ rapportar tekniċi stabbiliti mill-BĊN relevanti;

(c)

l-aġent li jirrapporta għandu jagħti d-dettalji ta’ persuna ta’ kuntatt waħda jew aktar lill-BĊN relevanti;

(d)

l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għat-trażmissjoni ta’ dejta lill-BĊNi relevanti jridu jiġu segwiti.

2.

Standards minimi għall-korrettezza:

(a)

it-tagħrif statistiku jrid ikun korrett; iridu jiġu mwettqa r-restrizzjonijiet kollha lineari (eż. l-attiv u l-passiv iridu jibbilanċjaw, is-sotto-totali jridu jaqblu mat-totali);

(b)

l-aġenti li jirrapportaw iridu jkunu kapaċi jipprovdu informazzjoni dwar l-iżviluppi implikati fid-dejta mibgħuta;

(c)

it-tagħrif statistiku jrid ikun komplut u m'għandux ikollu lakuni kontinwi jew strutturali; il-lakuni eżistenti għandhom jiġu rikonoxxuti, spjegati lill-BĊN relevanti u, fejn applikabbli, mimlija mill-aktar fis;

(d)

l-aġenti li jirrapportaw għandhom isegwu d-dimensjonijiet, il-politika tal-approssimazzjoni u d-deċimali stabbilita mill-BĊN relevanti għat-trasmissjoni teknika tad-dejta.

3.

Standards minimi għal konformità mal-kunċetti:

(a)

It-tagħrif statistiku jrid jikkonforma mad-definizzjonijiet u l-klassifikazzjonijiet li jinsabu f’dan ir-Regolament;

(b)

f’każ ta' devjazzjonijiet minn dawn id-definizzjonijiet u l-klassifikazzjonijiet, l-aġenti li jirrapportaw għandhom jimmonitorjaw fuq bażi regolari u jikkwantifikaw id-differenza bejn il-miżura użata u l-miżura li tinsab f'dan ir-Regolament;

(c)

l-aġenti li jirrapportaw għandhom ikunu kapaċi jispjegaw interruzzjonijiet fid-dejta mibgħuta meta mqabbla maċ-ċifri tal-perijodi ta’ qabel.

4.

Standards minimi għal reviżjonijiet

Il-politika ta' reviżjonijiet u l-proċeduri stabbiliti mill-BĊE u l-BĊN relevanti trid tiġi segwita. Reviżjonijiet li jiddevjaw mir-reviżjonijiet regolari għandhom jiġu akkumpanjati b’noti ta’ spjega.


ANNESS IV

Tabella ta’ korrelazzjoni

Regolament (KE) Nru 1027/2006 (BĊE/2006/8)

Dan ir-Regolament

Artikolu 1–3

Artikolu 1–3

Artikolu 4

Artikolu 4

Artikolu 5

Artikolu 5

Artikolu 6

Artikolu 6

Artikolu 7

Artikolu 8

Artikolu 9

Artikolu 7

Artikolu 10

Anness I

Anness I