|
31.10.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 289/44 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1063/2013
tat-30 ta’ Ottubru 2013
li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2454/93 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità fir-rigward tal-użu tas-sistema ta’ ekwivalenza fis-settur taz-zokkor
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (1), u b’ mod partikolari l-Artikolu 247 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Il-Punt 3 tal-Anness 74 għar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 (2) jippermetti l-użu tas-sistema ta’ ekwivalenza bejn iz-zokkor tal-kannamieli mhux raffinat (kodiċi NM 1701 11 90 ) u zokkor tal-pitravi mhux raffinat (kodiċi NM 1701 12 90 ) bil-kundizzjoni li jinkisbu l-prodotti ta’ kumpens li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 1701 99 10 (zokkor abjad). |
|
(2) |
Madankollu, il-punt 3 tal-Anness 74 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 ma jistax jiġi applikat b’mod korrett minħabba li m’hemmx suq għal zokkor tal-pitravi mhux raffinat fl-Unjoni. |
|
(3) |
Għandha tinstab soluzzjoni li tiżgura ċertezza legali fis-settur taz-zokkor f’konnessjoni mal-użu ta’ prodotti ekwivalenti. |
|
(4) |
Iz-zokkor abjad jinkiseb normalment minn konsenja ta’ zokkor tal-pitravi fi proċess kontinwu. Iz-zokkor tal-pitravi mhux raffinat ma jiġix prodott bħala prodott separat waqt dan il-proċess u għalhekk ma jistax jitqiegħed fis-suq. Minħabba din ir-raġuni, huwa xieraq li l-użu ta’ zokkor tal-pitravi jkun permess minflok zokkor tal-pitravi mhux raffinat bħala oġġetti ekwivalenti. |
|
(5) |
Ir-rendiment taz-zokkor tal-kannamieli mhux raffinat għandu jkun ukkalkulat f’konformità mal-punt III (3) tal-Parti B tal-Anness IV għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (3) minħabba li dan huwa metodu ta’ kalkolu speċifiku fis-settur taz-zokkor. |
|
(6) |
Ir-referenzi għall-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda (NM) fil-punt 3 tal-Anness 74 għar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 għandhom jiġu aġġornati minħabba t-tibdil fin-NM. |
|
(7) |
Il-Punt 3 tal-Anness 74 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 għandu għalhekk jiġi emendat kif xieraq. |
|
(8) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Il-Punt 3 tal-Anness 74 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 hu mibdul b’dan li ġej:
“3. Zokkor
Rikors għall-użu ta’ prodotti ekwivalenti huwa permess bejn iz-zokkor tal-kannamieli mhux raffinat li mhux tal-Unjoni (kodiċi NM 1701 13 90 u/jew 1701 14 90 ) u z-zokkor tal-pitravi (kodiċi NM 1212 91 80 ) bil-kundizzjoni li jinkisbu l-prodotti ta’ kumpens li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 1701 99 10 (zokkor abjad).
Il-kwantità ekwivalenti taz-zokkor tal-kannamieli mhux raffinat ta’ kwalità standard kif definit fil-punt III tal-Parti B tal-Anness IV għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (*1) tiġi kkalkolata billi ssir multiplikazzjoni tal-kwantità ta’ zokkor abjad bil-koeffiċjent 1,0869565.
Il-kwantità ekwivalenti taz-zokkor tal-kannamieli mhux raffinat ta’ kwalità standard tiġi kkalkolata billi ssir multiplikazzjoni tal-kwantità ta’ zokkor abjad b’koeffiċjent miksub billi ssir diviżjoni ta’ 100 bir-rendiment taz-zokkor tal-kannamiela mhux raffinat. Ir-rendiment ta’ zokkor tal-kannamiela mhux raffinat jiġi kkalkulat kif stabbilit fil-punt III (3) tal-parti B tal-Anness IV għar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.
(*1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament dwar l-OKS Unika) (ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1).” "
Artikolu 2
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Ottubru 2013.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.
(2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1).
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament dwar l-OKS Unika). (ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1).