26.10.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 284/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 1042/2013

tas-7 ta’ Ottubru 2013

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 fir-rigward tal-post tal-forniment ta’ servizzi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 397 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2006/112/KE tipprovdi li mill-1 ta’ Jannar 2015, is-servizzi kollha tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir fuq ir-radju u t-televiżjoni u servizzi fornuti b’mod elettroniku fornuti lil persuna mhux taxxabbli għandhom jiġu intaxxati fl-Istat Membru fejn ikun stabbilit il-klijent, fejn ikollu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn normalment ikun residenti, irrispettivament minn fejn tkun stabbilita l-persuna taxxabbli li tforni dawk is-servizzi. Il-biċċa l-kbira tas-servizzi l-oħrajn ipprovduti lil persuna mhux taxxabbli jibqgħu jiġu intaxxati fl-Istat Membru li fih ikun stabbilit il-fornitur.

(2)

Sabiex jiġi ddeterminat liema servizzi għandhom jiġu intaxxati fl-Istat Membru tal-klijent, huwa essenzjali li jiġu ddefiniti s-servizzi tat-telekomunikazzjoni, servizzi tax-xandir fuq ir-radju u t-televiżjoni u servizzi fornuti b’mod elettroniku. B’mod partikolari, il-kunċett ta’ servizzi tax-xandir fuq ir-radju u t-televiżjoni (minn hawn ’il quddiem “servizzi tax-xandir “) għandu jiġi ċċarat fuq il-bażi tad-definizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(3)

Sabiex l-affarijiet jiġu ċċarati, ġew elenkati transazzjonijiet identifikati bħala servizzi fornuti b’mod elettroniku fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 (3), mingħajr ma l-lista tkun eżawrjenti. Il-lista għandha tiġi aġġornata, u għandhom jitfasslu listi simili għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni u tax-xandir.

(4)

Huwa meħtieġ li jiġi speċifikat min ikun il-fornitur għall-finijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fejn servizzi fornuti b’mod elettroniku, jew servizzi telefoniċi fornuti permezz tal-Internet, ikunu fornuti lil klijent permezz ta’ netwerks tat-telekomunikazzjoni jew permezz ta’ interface jew portal.

(5)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tar-regoli li jirregolaw il-post tal-forniment tal-kiri ta’ mezz ta’ trasport u l-post tal-forniment ta’ servizzi tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir u servizzi fornuti b’mod elettroniku, huwa meħtieġ li jiġi speċifikat fejn għandu jitqies li tkun stabbilita persuna ġuridika mhux taxxabbli.

(6)

Bil-ħsieb li jiġi ddeterminat min ikun responsabbli għall-ħlas tal-VAT fuq il-forniment tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir jew servizzi fornuti b’mod elettroniku, u b’kont meħud li l-post tat-tassazzjoni huwa l-istess irrispettivament minn jekk il-klijent ikunx persuna taxxabbli jew persuna mhux taxxabbli, il-fornitur għandu jkun kapaċi jiddetermina l-istatus ta’ klijent sempliċiment fuq il-bażi ta’ jekk il-klijent jikkomunikax in-numru tal-identifikazzjoni tal-VAT individwali tiegħu. Skont ir-regoli ġenerali, dan l-istatus għandu jiġi emendat jekk il-klijent sussegwentement jagħmel komunikazzjoni bħal din. Jekk ma ssir ebda komunikazzjoni bħal din, il-fornitur għandu jibqa’ responsabbli għall-pagament tal-VAT.

(7)

Fejn persuna mhux taxxabbli tkun stabbilita f’aktar minn pajjiż wieħed jew ikollha l-indirizz permanenti tagħha f’pajjiż iżda normalment tkun toqgħod f’ieħor, għandha tingħata prijorità lill-post li jkun jiżgura bl-aħjar mod li ssir it-tassazzjoni fil-post fejn fil-fatt isir il-konsum. Sabiex jiġu evitati kunflitti dwar il-ġurisdizzjoni bejn l-Istati Membri, għandu jiġi speċifikat il-post fejn fil-fatt isir il-konsum.

(8)

Għandhom jiġu stabbiliti regoli sabiex ikunu ċċarati kif jiġi intaxxat il-forniment tal-kiri ta’ mezz ta’ trasport u ta’ servizzi tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir u servizzi fornuti b’mod elettroniku lil persuna mhux taxxabbli li fir-rigward tagħha tkun prattikament impossibli d-determinazzjoni tal-post tal-istabbiliment, tal-address permanenti jew tar-residenza użwali jew dawn ma jkunux jistgħu jiġu determinati b’ċertezza. Huwa meħtieġ li dawk ir-regoli jkunu bbażati fuq preżunzjonijiet.

(9)

Fejn tkun disponibbli informazzjoni li tiddetermina l-post attwali fejn il-klijent ikun stabbilit, ikollu l-indirizz permanenti tiegħu jew normalment ikun residenti, jeħtieġ li jiġi previst kif preżunzjoni tiġi ribattuta.

(10)

F’ċerti każijiet fejn is-servizz huwa okkażjonali, abitwalment jinvolvi ammonti żgħar u jirrikjedi l-preżenza fiżika tal-klijent, bħal pereżempju l-provvista ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni, xandir jew servizzi fornuti b’mod elettroniku f’hotspot ta’ wi-fi jew Internet cafè, jew abitwalment ma jinvolvix riċevuti tal-pagament jew evidenza oħra tas-servizz fornut, bħal fil-każ tal-kjoskijiet tat-telefon, il-provvista u l-kontroll tal-evidenza fir-rigward tal-post tal-istabbiliment tal-klijent jew l-indirizz permanenti jew ir-residenza abitwali tiegħu jimponu piż disproporzjonat, jew jistgħu joħolqu problemi ta’ protezzjoni tad-data.

(11)

Ladarba l-mod kif jiġi intaxxat il-forniment tal-kiri ta’ mezz ta’ trasport u ta’ servizzi tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir u servizzi fornuti b’mod elettroniku lil persuna mhux taxxabbli jiddipendi minn fejn ikun stabbilit il-klijent, fejn ikollu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn normalment ikun residenti, huwa meħtieġ li jiġi ċċarat, f’każijiet fejn ma tkun stabbilita ebda preżunzjoni speċifika jew sabiex jiġu ribattuti preżunzjonijiet, x’evidenza għandu jkollu l-fornitur sabiex jidentifika l-post tal-klijent. Għal dak il-għan għandha titfassal lista indikattiva u mhux eżawrjenti ta’ evidenza.

(12)

Sabiex jiġi żgurat trattament uniformi tat-taxxa fuq il-fornimenti tas-servizzi b’rabta ma’ proprjetà immobbli, jeħtieġ li jiġi ddefinit il-kunċett ta’ proprjetà immobbli. Il-qrubija meħtieġa biex ikun hemm konnessjoni ma’ proprjetà immobbli għandha tiġi speċifikata, u għandha wkoll tiġi fornuta lista mhux eżawrjenti ta’ eżempji ta’ transazzjonijiet identifikati bħala servizzi b’rabta ma’ proprjetà immobbli.

(13)

Huwa wkoll meħtieġ li jiġi ċċarat kif jiġi intaxxat il-forniment ta’ servizzi li permezz tagħhom jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-klijent tagħmir bil-ħsieb li jsir xogħol fuq proprjetà immobbli.

(14)

Għal raġunijiet prattiċi, għandu jiġi ċċarat li s-servizzi tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir jew servizzi fornuti b’mod elettroniku pprovduti minn persuna taxxabbli li taġixxi f’isimha stess b’rabta mal-forniment ta’ akkomodazzjoni fis-settur tal-lukandi jew f’setturi b’funzjoni simili għandhom jiġu meqjusa, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-post ta’ forniment, bħallikieku fornuti f’dik l-akkomodazzjoni.

(15)

Taħt id-Direttiva 2006/112/KE, id-dħul għal attivitajiet kulturali, artistiċi, sportivi, xjentifiċi, edukattivi u ta’ divertiment jew għal attivitajiet simili għandu, fiċ-ċirkostanzi kollha, jiġi intaxxat fil-post fejn fil-fatt isir l-avveniment. Għandu jiġi speċifikat li dan japplika wkoll fejn il-biljetti għal avvenimenti bħal dawn ma jinbigħux direttament mill-organizzatur iżda jiġu ddistribwiti permezz ta’ intermedjarji.

(16)

Taħt id-Direttiva 2006/112/KE, il-VAT tista’ tiġi imposta qabel, fl-istess waqt jew ftit wara li jsir il-forniment tal-oġġetti jew tas-servizzi. Fir-rigward tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir jew servizzi fornuti b’mod elettroniku fornuti matul il-perijodu tat-transizzjoni għar-regoli l-ġodda dwar il-post tal-forniment, il-kundizzjonijiet marbutin mal-forniment jew mad-differenzi fl-applikazzjoni bejn l-Istati Membri tista’ tirriżulta f’tassazzjoni doppja jew f’nontassazzjoni. Sabiex jiġi evitat li jiġri dan u biex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi fl-Istati Membri, huwa meħtieġ li jkunu stabbiliti dispożizzjonijiet transitorji.

(17)

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, jista’ jkun xieraq li l-Istati Membri jadottaw miżuri leġislattivi li jillimitaw ċerti drittijiet u obbligi stabbiliti mid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) sabiex jiġi salvagwardat interess ekonomiku jew finanzjarju ta’ importanza għal Stat Membru jew għall-Unjoni Ewropea, inklużi materji monetarji, baġitarji jew fiskali, fejn tali miżuri jkunu meħtieġa u proporzjonati fid-dawl tar-riskju ta’ frodi u evażjoni tat-taxxa fl-Istati Membri, u fid-dawl tal-ħtieġa li jiġi żgurat il-ġbir b’mod korrett tat-taxxa tal-VAT koperta minn dan ir-Regolament.

(18)

Għandu jiġi introdott il-kunċett ta’ proprjetà immobbli biex ikun żgurat trattament uniformi mill-Istati Membri ta’ taxxa fuq il-forniment ta’ servizzi konnessi ma’ proprjetà immobbli. L-introduzzjoni ta’ dak il-kunċett jista’ jkollha impatt konsiderevoli fuq il-prattiki leġislattivi u amministrattivi fl-Istati Membri. Mingħajr preġudizzju għal tali leġislazzjoni jew għal dawn il-prattiki diġà applikati fl-Istati Membri, u sabiex tiġi żgurata transizzjoni bla xkiel dawk il-bidliet, dak il-kunċett għandu jiġi introdott f’data aktar tard.

(19)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 huwa emendat kif ġej:

(1)

Il-Kapitolu IV huwa emendat kif ġej:

(a)

Jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 6a

1.   Is-servizzi tat-telekomunikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2006/112/KE għandhom ikopru, b’mod partikolari, dawn li ġejjin:

(a)

servizzi tat-telefon b’linja fissa u ċellulari għat-trasmissjoni u l-iswiċċjar tal-vuċi, tad-data u tal-vidjo, inklużi servizzi tat-telefon b’komponent tal-vidjo (servizzi tal-vidjofown);

(b)

servizzi tat-telefon ipprovduti permezz tal-Internet, inkluż s-servizzi bil-vuċi fuq protokoll tal-Internet (Voice over Internet Protocol, VoIP);

(c)

servizzi tal-messaġġi bil-vuċi, tal-avviż ta’ telefonata oħra, tat-trasferiment awtomatiku tat-telefonati, tal-identifikazzjoni ta’ min ikun qed iċempel, tat-telefonati bejn tlieta u servizzi oħrajn tal-immaniġġar tat-telefonati;

(d)

servizzi ta’ paging;

(e)

servizzi tal-audiotext;

(f)

servizzi tal-fax, tat-telegrafu u tat-telex;

(g)

aċċess għall-Internet, inkluża l-World Wide Web;

(h)

konnessjonijiet privati tan-netwerks li jgħaqqdu t-telekomunikazzjoni flimkien għall-użu esklużiv tal-klijent.

2.   Is-servizzi tat-telekomunikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2006/112/KE ma għandhomx ikopru dawn li ġejjin:

(a)

servizzi pprovduti elettronikament;

(b)

servizzi tax-xandir fuq ir-radju u t-televiżjoni (minn hawn ’il quddiem “servizzi tax-xandir”).

Artikolu 6b

1.   Is-servizzi tax-xandir għandhom jinkludu servizzi li jikkonsistu f’kontenut awdjo u awdjoviżiv, bħal programmi tar-radju jew tat-televiżjoni pprovduti lill-pubbliku ġenerali permezz tan-netwerks tal-komunikazzjoni mill-fornitur tas-servizzi tal-mezzi tal-informazzjoni u taħt ir-responsabbiltà editorjali tiegħu biex jinstemgħu u jidhru fl-istess ħin abbażi ta’ skeda ta’ programmi.

2.   Il-paragrafu 1 għandu jkopri, b’mod partikolari, dawn li ġejjin:

(a)

programmi tar-radju jew tat-televiżjoni trasmessi jew trasmessi mill-ġdid fuq netwerk tar-radju jew tat-televiżjoni;

(b)

programmi tar-radju jew tat-televiżjoni ddistribwiti permezz tal-Internet jew ta’ netwerk elettroniku simili (IP streaming) jekk jixxandru simultanjament li jiġu trasmessi jew trasmessi mill-ġdid fuq netwerk tar-radju jew tat-televiżjoni.

3.   Il-paragrafu 1 ma għandux ikopri dawn li ġejjin:

(a)

servizzi tat-telekomunikazzjoni;

(b)

servizzi pprovduti elettronikament;

(c)

forniment ta’ informazzjoni dwar programmi partikolari on demand;

(d)

trasferiment ta’ jeddijiet għax-xandir jew għat-trasmissjoni;

(e)

kiri ta’ tagħmir jew faċilitajiet tekniċi biex jintużaw biex wieħed jirċievi xandira;

(f)

programmi tar-radju jew tat-televiżjoni distribwiti permezz tal-Internet jew ta’ netwerk elettroniku simili (IP streaming), sakemm ma jixxandrux simultanjament mat-trasmissjoni jew ritrasmissjoni tagħhom fuq netwerk tar-radju u tat-televiżjoni.”

(b)

Fl-Artikolu 7, il-paragrafu 3 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-frażi introduttorja tiġi sostitwita b’dan li ġej:

“3.   Il-paragrafu 1 ma għandux ikopri dawn li ġejjin:”;

(ii)

il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

servizzi tax-xandir;”;

(iii)

il-punti (q), (r) u (s) jitħassru;

(iv)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(t)

biljetti għal attivitajiet kulturali, artistiċi, sportivi, xjentifiċi, edukattivi u ta’ divertiment jew għal attivitajiet simili ibbukkjati minn fuq l-Internet;

(u)

akkomodazzjoni, kiri ta’ karozzi, servizzi ta’ ristorant, trasport ta’ passiġġieri jew servizzi simili bbukkjati minn fuq l-Internet.”.

(c)

Jiżdied l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 9a

1.   Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 28 tad-Direttiva 2006/112/KE, fejn ikunu fornuti servizzi fornuti b’mod elettroniku permezz ta’ netwerk tat-telekomunikazzjoni, interface jew portal bħal suq għal applikazzjonijiet, persuna taxxabbli li tieħu sehem f’dak il-forniment għandha titqies bħala li tkun qed taġixxi f’isimha iżda fl-interess tal-fornitur ta’ dawk is-servizzi sakemm dak il-fornitur ma jkunx indikat espliċitament bħala l-fornitur minn dik il-persuna taxxabbli u dak jiġi rifless fl-arranġamenti kuntrattwali bejn il-partijiet.

Sabiex il-fornitur tas-servizzi fornuti b’mod elettroniku jitqies bħala indikat espliċitament li hu l-fornitur ta’ dawk is-servizzi mill-persuna taxxabbli, għandhom jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-fattura maħruġa jew magħmula disponibbli minn kull persuna taxxabbli li tieħu sehem fil-forniment tas-servizzi fornuti b’mod elettroniku għandha tidentifika dawn is-servizzi u l-fornitur tagħhom;

(b)

il-fattura jew l-irċevuta maħruġa jew magħmula disponibbli lill-klijent għandha tidentifika s-servizzi fornuti b’mod elettroniku u l-fornitur ta’ dawk is-servizzi.

Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, persuna taxxabbli li, fir-rigward ta’ forniment ta’ servizzi fornuti b’mod elettroniku, tawtorizza l-imposizzjoni ta’ ħlas mingħand il-klijent jew l-għoti tas-servizzi, jew tistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali tal-forniment, ma għandhiex tkun permessa tindika espliċitament persuna oħra bħala l-fornitur ta’ dawk is-servizzi.

2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika wkoll fejn ikunu fornuti servizzi telefoniċi fornuti permezz tal-Internet, inklużi s-servizzi bil-vuċi fuq protokoll tal-Internet (VoIP), permezz ta’ netwerk tat-telekomunikazzjoni, interface jew portal bħal suq għall-applikazzjonijiet u taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk stabbiliti f’dak il-paragrafu.

3.   Dan l-Artikolu ma għandux japplika għal persuna taxxabbli li tforni biss l-ipproċessar tal-pagamenti fir-rigward ta’ servizzi fornuti b’mod elettroniku jew ta’ servizzi telefoniċi fornuti fuq l-Internet, inklużi s-servizzi bil-vuċi fuq Protokoll tal-Internet (VoIP), u li ma tiħux sehem fil-forniment ta’ dawk is-servizzi fornuti b’mod elettroniku jew servizzi telefoniċi.”.

(2)

Il-Kapitolu V huwa emendat kif ġej:

(a)

Fit-Taqsima 1 jiddaħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 13a

Il-post fejn persuna ġuridika mhux taxxabbli hi stabbilita, kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ Artikolu 56(2) u Artikoli 58 u 59 tad-Direttiva 2006/112/KE, għandu jkun:

(a)

il-post fejn jitwettqu l-funzjonijiet tal-amministrazzjoni ċentrali tagħha, jew

(b)

il-post ta’ kwalunkwe stabbiliment ieħor karatterizzat minn grad ta’ permanenza suffiċjenti u struttura adatta f’termini ta’ riżorsi umani u tekniċi li jippermettulha li tirċievi u tuża s-servizzi li huma fornuti lilha għall-bżonnijiet tagħha stess.

Artikolu 13b

Għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/112/KE, dawn li ġejjin għandhom jitqiesu bħala ‘proprjetà immobbli’:

(a)

kwalunkwe parti speċifika tad-dinja, fuq jew taħt il-wiċċ tagħha, li fuqha jistgħu jinħolqu titolu u pussess;

(b)

kwalunkwe binja jew struttura mwaħħla b’mod permanenti mal-art jew ġo fiha, fuq jew taħt il-livell tal-baħar, li ma tistax tiġi żmuntata jew imċaqilqa faċilment;

(c)

kwalunkwe element li jkun ġie installat u jagħmel parti integrali minn binja jew minn struttura u li mingħajru l-binja jew l-istruttura ma jkunux kompluti, bħal bibien, twieqi, soqfa, turġien u lifts;

(d)

Kwalunkwe ħaġa, tagħmir jew magna installati b’mod permanenti f’binja jew fi struttura li ma tkunx tista’ tiġi mċaqilqa mingħajr ma l-binja jew l-istruttura jinqerdu jew isirilhom tibdil.”;

(b)

Fl-Artikolu 18(2) jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Madankollu, irrispettivament minn informazzjoni li turi l-kuntrarju, il-fornitur ta’ servizzi tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir jew servizzi fornuti b’mod elettroniku jista’ jikkunsidra lil klijent stabbilit fil-Komunità bħala persuna mhux taxxabbli dment li dak il-klijent ma jkunx ikkomunika n-numru tal-identifikazzjoni tal-VAT individwali tiegħu lilu.”;

(c)

L-Artikolu 24 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 24

Fejn is-servizzi koperti mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 56(2) jew l-Artikoli 58 u 59 tad-Direttiva 2006/112/KE huma forniti lil persuna mhux taxxabbli stabbilita f’aktar minn pajjiż wieħed jew li għandha indirizz permanenti f’pajjiż wieħed u r-residenza abitwali f’ieħor, il-prijorità għandha tingħata:

(a)

fil-każ ta’ persuna ġuridika mhux taxxabbli, lill-post imsemmi fil-punt (a)_ta’ Artikolu 13a ta’ dan ir-Regolament sakemm ma jkunx hemm evidenza li s-servizz użat fl-istabbiliment imsemmi fil-punt (b) ta’ dak l-Artikolu;

(b)

fil-każ ta’ persuna fiżika, lill-post fejn din normalment tirrisjedi dment li ma jkunx hemm evidenza li s-servizz jintuża fl-indirizz permanenti tagħha.”.

(d)

It-Taqsima 4 hija emendata kif ġej:

(i)

jiddaħħlu s-subtaqsimiet li ġejjin:

Subtaqsima 3a

Preżunzjonijiet għall-post fejn ikun il-klijent

Artikolu 24a

1.   Għall-applikazzjoni tal-Artikoli 44, 58 u 59a tad-Direttiva 2006/112/KE, fejn fornitur ta’ servizzi tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir jew servizzi fornuti b’mod elettroniku jipprovdi dawk is-servizzi f’post bħal kabina jew kjosk tat-telefon, hot spot tal-wi-fi, Internet café, ristorant jew loġġa ta’ lukanda fejn il-klijent irid ikun preżenti fiżikament f’dak il-post biex jingħata s-servizz minn dak il-fornitur, għandu jkun preżunt li l-klijent huwa stabbilit, għandu l-indirizz permanenti tiegħu jew normalment huwa residenti f’dak il-post u li s-servizz fil-fatt jiġi użat u l-benefiċċji tiegħu jitgawdew hemmhekk.

2.   Jekk il-post imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jkun abbord vapuri, ajruplani jew ferroviji li joperaw trasport tal-passiġġieri fil-Komunità skont l-Artikoli 37 u 57 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-pajjiż tal-post għandu jkun dak tat-tluq tal-operazzjoni tat-trasport tal-passiġġieri.

Artikolu 24b

Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 58 tad-Direttiva 2006/112/KE, fejn ikunu fornuti servizzi tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir jew servizzi fornuti b’mod elettroniku lil persuna mhux taxxabbli:

(a)

permezz tal-linja fissa tat-telefon tiegħu, għandu jkun preżunt li l-klijent huwa stabbilit, għandu l-indirizz permanenti tiegħu jew normalment hu residenti fil-post fejn tkun installata l-linja fissa;

(b)

permezz ta’ netwerks mobbli, għandu jkun preżunt li l-post fejn il-klijent ikun stabbilit, ikollu l-indirizz permanenti tiegħu jew normalment ikun residenti hu l-pajjiż identifikat mill-kodiċi ċellulari nazzjonali tal-kard tas-SIM li tintuża meta jiġu rċevuti dawk is-servizzi;

(c)

li għalihom ikun meħtieġ l-użu ta’ decoder jew apparat simili jew ta’ kard ta’ riċezzjoni u mingħajr ma tintuża linja tat-telefon fissa, għandu jkun preżunt li l-klijent huwa stabbilit, għandu l-indirizz permanenti tiegħu jew normalment hu residenti fil-post fejn ikun jinsab dak id-decoder jew apparat simili, jew jekk dak il-post ma jkunx magħruf, il-post fejn tintbagħat il-kard ta’ riċezzjoni bil-ħsieb li tintuża hemmhekk;

(d)

f’ċirkostanzi li mhumiex dawk imsemmijin fl-Artikoli 24a u fil-punti (a), (b) u (c) ta’ dan l-Artikolu, għandu jkun preżunt li l-klijent huwa stabbilit, għandu l-indirizz permanenti tiegħu jew normalment hu residenti fil-post identifikat bħala tali mill-fornitur abbażi ta’ żewġ elementi ta’ evidenza mhux kontradittorji kif elenkati fl-Artikolu 24f ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 24c

Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 56(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, fejn il-kiri, ħlief għal kiri għal perijodu qasir, ta’ mezz tat-trasport jiġi fornut lil persuna mhux taxxabbli, għandu jkun preżunt li l-klijent huwa stabbilit, għandu l-indirizz permanenti tiegħu jew normalment hu residenti fil-post identifikat bħala tali mill-fornitur abbażi ta’ żewġ elementi ta’ evidenza mhux kontradittorji kif elenkati fl-Artikolu 24e ta’ dan ir-Regolament.

Subtaqsima 3b

Ribattiment Ta’ Preżunzjonijiet

Artikolu 24d

1.   Fejn fornitur jipprovdi servizz elenkat fl-Artikolu 58 tad-Direttiva 2006/112/KE, huwa jista’ jirribatti preżunzjoni msemmija fl-Artikoli 24a jew fil-punt (a), (b) jew (c) tal-Artikolu 24b ta’ dan ir-Regolament abbażi ta’ tliet elementi ta’ evidenza mhux kontradittorji li jindikaw li l-klijent hu stabbilit, għandu l-indirizz permanenti tiegħu jew normalment hu residenti x’imkien ieħor.

2.   Awtorità tat-taxxa tista’ tirribatti preżunzjonijiet li jkunu saru taħt l-Artikolu 24a, 24b jew 24c fejn ikun hemm indikazzjonijiet ta’ użu ħażin jew abbuż mill-fornitur.

Subtaqsima 3c

Evidenza għall-identifikazzjoni tal-post fejn ikun il-klijent u r-ribattiment ta’ preżunzjonijiet

Artikolu 24e

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli fl-Artikolu 56(2) tad-Direttiva 2006/112/KE u l-konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 24c ta’ dan ir-Regolament, dan li ġej għandu, b’mod partikolari, jservi bħala evidenza:

(a)

l-indirizz fejn jintbagħat il-kont tal-klijent;

(b)

id-dettalji bankarji, bħall-post fejn ikun jinsab il-kont bankarju użat għall-ħlas jew l-indirizz fejn il-bank jibgħat il-kontijiet lill-klijent li jkollu dak il-bank;

(c)

id-dettalji tar-reġistrazzjoni tal-mezz ta’ trasport mikri mill-klijent, jekk ir-reġistrazzjoni ta’ dak il-mezz ta’ trasport tkun mitluba fil-post fejn jintuża, jew informazzjoni oħra simili;

(d)

informazzjoni oħra li tkun rilevanti kummerċjalment.

Artikolu 24f

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli fl-Artikolu 58 tad-Direttiva 2006/112/KE u l-konformità mar-rekwiżiti tal-punt (d) tal-Artikolu 24b jew tal-Artikolu 24d(1) ta’ dan ir-Regolament, dan li ġej għandu, b’mod partikolari, iservi bħala evidenza:

(a)

l-indirizz fejn jintbagħat il-kont tal-klijent;

(b)

l-indirizz tal-Protokoll tal-Internet (IP) tal-apparat użat mill-klijent jew kwalunkwe metodu ieħor ta’ ġeolokalizzazzjoni;

(c)

id-dettalji bankarji, bħall-post fejn ikun jinsab il-kont bankarju użat għall-ħlas jew l-indirizz fejn il-bank jibgħat il-kontijiet lill-klijent li jkollu dak il-bank;

(d)

il-kodiċi ċellulari nazzjonali (MCC) tal-identità internazzjonali tal-abbonati tas-Servizzi tat-Telefonija Ċellulari (International Mobile Subscriber Identity, IMSI) maħżun fuq il-kard tal-modulu tal-identità tal-abbonat (Subscriber Identity Module, SIM) użata mill-klijent;

(e)

il-post fejn ikun hemm il-linja tat-telefon tal-klijent fissa li permezz tagħha jingħata s-servizz lilu;

(f)

informazzjoni oħra li tkun rilevanti kummerċjalment.”.

(ii)

tiddaħħal is-Subtaqsima li ġejja:

Subtaqsima 6a

Forniment ta’ servizzi relatati ma’ proprjetà immobbli

Artikolu 31a

1.   Is-servizzi marbutin ma’ proprjetà immobbli, kif imsemmi fl-Artikolu 47 tad-Direttiva 2006/112/KE, għandhom jinkludu biss dawk is-servizzi li jkollhom biżżejjed konnessjoni diretta ma’ dik il-proprjetà. Is-servizzi għandhom jitqiesu bħala li jkollhom biżżejjed konnessjoni diretta ma’ proprjetà immobbli fil-każijiet li ġejjin:

(a)

fejn ikunu dderivati minn proprjetà immobbli u dik il-proprjetà tkun tifforma element kostitwenti tas-servizz u tkun ċentrali u essenzjali għas-servizzi pprovduti;

(b)

fejn dawn jingħataw lil proprjetà immobbli, jew ikunu maħsubin għaliha, u jkollhom bħala objettiv tagħhom bdil legali jew fiżiku ta’ dik il-proprjetà.

2.   Il-paragrafu 1 għandu jkopri, b’mod partikolari, dawn li ġejjin:

(a)

it-tħejjija ta’ pjanijiet għal binja jew għal parti minn binja li jkunu maħsubin għal biċċa art partikulari, irrispettivament minn jekk il-binja tkunx ittellgħet jew le;

(b)

il-forniment ta’ servizzi ta’ superviżjoni jew ta’ sigurtà fuq il-post;

(c)

il-bini ta’ binja fuq l-art kif ukoll ix-xogħol tal-bini u tat-twaqqigħ li jsir fuq binja jew fuq partijiet minn binja;

(d)

il-bini ta’ strutturi permanenti fuq l-art kif ukoll ix-xogħol ta’ bini u ta’ twaqqigħ li jsir fuq strutturi permanenti bħal sistemi tal-katusi għall-gass, għall-ilma, għad-dranaġġ u oħrajn bħalhom;

(e)

ix-xogħol fuq l-art, inklużi s-servizzi agrikoli bħax-xogħol tar-raba’, iż-żrigħ, it-tisqija u l-iffertilizzar;

(f)

l-istħarriġ u l-istima tar-riskju u tal-integrità tal-proprjetà immobbli;

(g)

il-valutazzjoni tal-proprjetà immobbli, inkluż fejn servizz bħal dan ikun meħtieġ għall-finijiet tal-assigurazzjoni, biex jiġi ddeterminat il-valur ta’ proprjetà bħala kollateral għal selfa jew biex jiġu vvalutati r-riskju u d-danni f’każ ta’ tilwim;

(h)

il-leasing jew il-kiri ta’ proprjetà immobbli minbarra dik koperta mill-punt (c) tal-paragrafu 3, inkluża l-ħażna ta’ prodotti li għalihom tkun assenjata parti speċifika tal-proprjetà għall-użu esklużiv tal-klijent;

(i)

il-provvediment ta’ akkomodazzjoni fis-settur tal-lukandi jew f’setturi b’funzjoni simili, bħal kampijiet jew siti tal-vaganzi żviluppati biex jintużaw bħala siti għall-ikkampjar, inkluż il-jedd li wieħed jibqa’ f’post speċifiku li jirriżulta mill-konverżjoni tal-jeddijiet għat-tgawdija tat-timeshare u jeddijiet oħra bħal dawn;

(j)

iċ-ċessjoni jew it-trasferiment ta’ jeddijiet minbarra dawk koperti mill-punti (h) u (i) biex wieħed juża proprjetà immobbli kollha kemm hi jew partijiet minnha, inkluża l-liċenzja biex wieħed juża parti minn proprjetà, bħal pereżempju l-għoti ta’ jeddijiet għas-sajd u għall-kaċċa jew ta’ aċċess għal swali fejn wieħed jistenna fl-ajruporti, jew għall-użu ta’ infrastruttura li għalih jintalab ħlas, bħal pont jew mina;

(k)

il-manutenzjoni, ir-rinnovament u t-tiswija ta’ binja jew ta’ partijiet minn binja, inkluż xogħol bħal tindif, tqegħid tal-madum, kisi tal-ħitan bil-karta u kisi tal-qiegħa tal-kmamar bil-parkè;

(l)

il-manutenzjoni, ir-rinnovazzjoni u t-tiswija ta’ strutturi permanenti bħal sistemi tal-katusi għall-gass, għall-ilma, għad-dranaġġ u oħrajn bħalhom;

(m)

l-installazzjoni jew l-immuntar ta’ magni jew tagħmir li, malli jiġu installati jew immuntati, jikkwalifikaw bħala proprjetà immobbli;

(n)

il-manutenzjoni u t-tiswija, l-ispezzjoni u s-sorveljanza ta’ magni jew tagħmir jekk dawk il-magni jew dak it-tagħmir ikunu jikkwalifikaw bħala proprjetà immobbli;

(o)

il-ġestjoni tal-proprjetà minbarra l-ġestjoni tal-portafolli ta’ investimenti fil-proprjetà immobbli koperti mill-punt (g) tal-paragrafu 3, li tikkonsisti fil-ġestjoni ta’ proprjetà immobbli kummerċjali, industrijali jew residenzjali minn sid il-proprjetà jew fl-interess tiegħu;

(p)

intermedjazzjoni fil-bejgħ, leasing jew kiri ta’ proprjetà immobbli u fl-istabbiliment jew trasferiment ta’ ċerti interessi fi proprjetà immobbli jew jeddijiet in rem fuq proprjetà immobbli (kemm jekk meqjusa bħala proprjetà tanġibbli jew le), minbarra l-intermedjazzjoni koperta mill-punt (d) tal-paragrafu 3;

(q)

servizzi legali relatati mat-trasferiment ta’ titolu fuq proprjetà immobbli, fl-istabbiliment jew trasferiment ta’ ċerti interessi fi proprjetà immobbli jew jeddijiet in rem fuq proprjetà immobbli (kemm jekk meqjusa bħala proprjetà tanġibbli kif ukoll jekk le), bħal xogħol notarili, jew mat-tfassil ta’ kuntratt biex tinbiegħ jew tiġi akkwistata proprjetà immobbli, anke jekk it-tranżazzjoni sottostanti li tirriżulta fit-tibdil legali tal-proprjetà ma titwassalx sal-aħħar.

3.   Il-paragrafu 1 ma għandux ikopri dawn li ġejjin:

(a)

it-tħejjija ta’ pjanijiet għal binja jew partijiet minn binja jekk din ma tkunx maħsuba għal biċċa art partikulari;

(b)

il-ħażna ta’ merkanzija fi proprjetà immobbli jekk l-ebda parti speċifika mill-proprjetà immobbli ma tkun assenjata għall-użu esklużiv tal-klijent;

(c)

il-forniment ta’ reklamar, anke jekk dan ikun jinvolvi l-użu ta’ proprjetà immobbli;

(d)

l-intermedjazzjoni fl-għoti ta’ akkomodazzjoni f’lukanda jew akkomodazzjoni f’setturi b’funzjoni simili, bħal kampijiet jew siti tal-vaganzi żviluppati biex jintużaw bħala siti tal-ikkampjar, jekk l-intermedjarju jkun qed jaġixxu f’isem u fl-interess ta’ persuna oħra;

(e)

il-provvediment ta’ post fejn wieħed jarma f’fiera jew f’siti fejn isiru l-wirjiet flimkien ma’ servizzi oħrajn relatati li jippermettu lill-esibitur ipoġġi l-affarijiet għall-wiri, bħad-disinn tal-planċier, it-trasport u l-ħażna tal-affarijiet, il-forniment ta’ magni, it-tqegħid ta’ kejbils, l-assigurazzjoni u r-reklamar;

(f)

l-installazzjoni jew l-immuntar, il-manutenzjoni u t-tiswija, l-ispezzjoni jew is-superviżjoni ta’ magni jew tagħmir li mhumiex, jew ma jsirux, parti mill-propjetà immobbli;

(g)

il-ġestjoni tal-portafolli ta’ investimenti fil-proprjetà immobbli;

(h)

is-servizzi legali minbarra dawk koperti mill-punt (q) tal-paragrafu 2, marbutin ma’ kuntratti, inklużi pariri li jingħataw dwar it-termini ta’ kuntratt biex tiġi ttrasferita proprjetà immobbli, jew biex jiġi infurzat tali kuntratt, jew biex tingħata prova tal-eżistenza ta’ tali kuntratt, fejn tali servizzi ma jkunux speċifiċi għal trasferiment ta’ titolu fuq proprjetà immobbli.

Artikolu 31b

Fejn jitqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ klijent tagħmir bil-ħsieb li jsir xogħol fuq proprjetà immobbli, dik it-transazzjoni għandha tkun forniment ta’ servizzi b’rabta ma’ proprjetà immobbli biss jekk il-fornitur jassumi r-responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tax-xogħol.

Fornitur li jipprovdi lill-klijent b’tagħmir flimkien ma’ biżżejjed ħaddiema għall-ħidma tiegħu bil-ħsieb li jsir ix-xogħol għandu jiġi preżunt bħala li assuma r-responsabiltà għall-eżekuzzjoni ta’ dak ix-xogħol. Il-preżunzjoni li l-fornitur għandu r-responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tax-xogħol tista’ tiġi ribattuta bi kwalunkwe mezz rilevanti fil-fatt jew fid-dritt.

Artikolu 31c

Sabiex jiġi ddeterminat il-post tal-provvista tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir jew servizzi fornuti b’mod elettroniku, ipprovduti minn persuna taxxabbli li taġixxi f’isimha stess, flimkien ma’ akkomodazzjoni fis-settur tal-lukandi jew f’setturi b’funzjoni simili, bħal kampijiet jew siti tal-vaganzi żviluppati biex jintużaw bħala siti tal-ikkampjar, dawn is-servizzi għandhom jitqiesu li qed jiġu fornuti f’dawk il-postijiet.”.

(iii)

fis-Subtaqsima 7 jiżdied l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 33a

Il-forniment ta’ biljetti li jagħtu aċċess għal attivitajiet kulturali, artistiċi, sportivi, xjentifiċi, edukattivi u ta’ divertiment jew għal avveniment simili minn intermedjarju li jaġixxi f’ismu stess iżda fl-interess tal-organizzatur, jew minn persuna taxxabbli, minbarra l-organizzatur, li taġixxi fl-interess tagħha stess, għandu jkun kopert bl-Artikolu 53 u bl-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2006/112/KE.”.

(3)

Fil-punt (4) tal-Anness I jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(f)

ir-riċezzjoni ta’ programmi tar-radju jew tat-televiżjoni ddistribwiti permezz ta’ netwerk tar-radju jew tat-televiżjoni, permezz tal-Internet jew permezz ta’ netwerk elettroniku simili biex wieħed jisma’ jew jara programmi meta jrid u meta jagħmel talba individwali l-klijent fuq il-bażi ta’ katalgu ta’ programmi magħżulin mill-fornitur tas-servizzi tal-mezzi tal-informazzjoni, bħal programmi televiżivi jew filmati fuq talba;

(g)

ir-riċezzjoni ta’ programmi tar-radju jew tat-televiżjoni distribwiti permezz tal-Internet jew ta’ netwerk elettroniku simili (IP streaming), sakemm huma ma jkunux jixxandru simultanjament mat-trasmissjoni jew ritrasmissjoni tagħhom fuq netwerk tar-radju u tat-televiżjoni;

(h)

il-forniment ta’ kontenut awdjo u awdjoviżiv permezz ta’ netwerks tal-komunikazzjoni li la jkun ipprovdut minn fornitur tas-servizzi tal-mezzi tal-informazzjoni u lanqas jaqa’ taħt ir-responsabbiltà editorjali tiegħu;

(i)

il-forniment suċċessiv ta’ output awdjo u awdjoviżiv ta’ fornitur tas-servizzi tal-mezzi tal-informazzjoni permezz ta’ netwerks tal-komunikazzjoni minn xi ħadd li mhuwiex il-fornitur tas-servizzi tal-mezzi tal-informazzjoni.”.

Artikolu 2

Fil-każ tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir fuq ir-radju u t-televiżjoni, jew servizzi fornuti b’mod elettroniku fornuti minn fornitur stabbilit fil-Komunità lil persuna mhux taxxabbli li tkun stabbilita, ikollha l-indirizz permanenti tagħha jew normalment tkun residenti hemm, għandu japplika dan li ġej:

(a)

il-post tal-forniment fir-rigward ta’ kull avveniment bi ħlas dovut li isir qabel l-1 ta’ Jannar 2015 ikun il-post fejn ikun stabbilit il-fornitur kif previst fl-Artikolu 45 tad-Direttiva 2006/112/KE irrispettivament minn meta tkun ġiet kompletata l-provvista jew il-provvista kontinwa ta’ dawk is-servizzi;

(b)

il-post tal-forniment fir-rigward ta’ kull avveniment bi ħlas dovut li jsir fl-1 ta’ Jannar 2015 jew wara jkun il-post fejn ikun stabbilit il-klijent, ikollu l-indirizz permanenti tiegħu jew normalment ikun residenti, irrispettivament minn meta tkun bdiet il-provvista jew il-provvista kontinwa ta’ dawk is-servizzi.

(c)

fejn l-avveniment taxxabbli jkun seħħ qabel l-1 ta’ Jannar 2015 fl-Istat Membru fejn ikun stabbilit il-fornitur, ebda taxxa ma ssir dovuta fl-Istat Membru tal-klijent fl-1 ta’ Jannar 2015 jew wara fir-rigward tal-istess avveniment bi ħlas dovut.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2015.

Madankollu, l-Artikoli 13b, 31a u 31b tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011, kif imdaħħla minn dan ir-Regolament, għandhom japplikaw mill-1 ta' Jannar 2017.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-7 ta' Ottubru 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BERNATONIS


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(2)  Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-midja awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva) (ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 tal-15 ta' Marzu 2011 li jistabbilixxi miżuri ta' implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 77, 23.3.2011, p. 1).

(4)  Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).