12.10.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 272/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 971/2013

tal-10 ta’ Ottubru 2013

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK tas-26 ta’ Lulju 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012 (2) jagħti effett lill-miżuri previsti fid-Deċiżjoni 2010/413/PESK u jipprevedi, fost l-oħrajn, l-iffriżar tal-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, huma miżmumin jew ikkontrollati mill-persuni, l-entitajiet u l-korpi elenkati fl-Annessi VIII u IX għal dak ir-Regolament.

(2)

Fi 10 ta’ Ottubru 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/497/PESK (3) li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK u tipprevedi kriterji tal-elenkar aġġustati biex jiġu inklużi persuni u entitajiet li li jkunu evadew jew kisru l-miżuri restrittivi.

(3)

Dik il-miżuri taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat u għalhekk, partikolarment bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħha mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha, hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex timplimentaha.

(4)

Ir-Regolament (UE) Nru 267/2012 għandu għalhekk jiġi emendat kif adatt,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artiklu 23(2) tar-Regolament (UE) Nru 267/2012 huwa emendat kif ġej:,

(a)

il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej:

"(b)

hija persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li evada jew kiser, jew assista lil persuna, entità jew korp elenkat biex jevadi jew jikser id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK jew tal-UNSCR 1737 (2006), UNSCR 1747 (2007), UNSCR 1803 (2008) u UNSCR 1929 (2010);".

(b)

il-punt (c) huwa sostitwit b'dan li ġej:

"(c)

huma membru tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC) jew persuna ġuridika, entità jew korp proprjetà ta' jew ikkontrollat mill-IRGC jew minn wieħed jew aktar mill-membri tiegħu, jew persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxi f'isimhom, jew persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jipprovdu assigurazzjoni jew servizzi essenzjali oħra lill-IRGC, jew lil entitajiet propjetà ta' jew ikkontrollati minnhom jew li jaġixxu f'isimhom";

(c)

il-punt (e) huwa sostitwit b'dan li ġej:

"(e)

huma persuna ġuridika, entità jew korp li huwa proprjetà ta' jew ikkontrollat mill-Islamic Republic of Iran Shipping Lines (IRISL), jew li jaġixxu f'isimhom jew persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxi f'isimhom, jew persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jipprovdu assigurazzjoni jew servizzi essenzjali oħra lill-IRISL, jew lil entitajiet propjetà ta' jew ikkontrollati minnhom jew li jaġixxu f'isimhom.".

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmula fil-Lussemburgu, l-10 ta’ Ottubru 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

R. SINKEVIČIUS


(1)  ĠU 195, 27.7.2010. p. 39.

(2)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012 tat-23 ta' Marzu 2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2020 (ĠU L 88, 24.3.2012, p. 1).

(3)  Ara paġna 46 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.