5.10.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 263/9


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 956/2013

tal-4 ta’ Ottubru 2013

li jemenda r-Regolament ta’ Īmplimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 rigward il-pagament tal-għajnuna lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u l-ħaxix

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 103h, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 (2) jipprevedu l-għajnuna finanzjarja mill-Unjoni għal organizzazzjonijiet ta’ produtturi ta’ frott u ħxejjex.

(2)

B’sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, fil-każi konġunti T-454/10 u T-482/11 (3) il-Qorti Ġenerali annullat it-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 52(2a) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1580/2007 (4) u l-Artikolu 50(3) ekwivalenti tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 rigward il-kalkolu tal-valur tal-produzzjoni ta’ frott u ħaxix ikkummerċjalizzati maħsubin għall-ipproċessar. Il-Qorti Ġenerali annullat ukoll l-Artikolu 60(7) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 dwar l-eliġibbiltà ta’ azzjonijiet skont programmi ta’ tħaddim, rigward l-investimenti u l-azzjonijiet marbutin mat-trasformazzjoni ta’ frott u ħxejjex fi frott u ħxejjex ipproċessati.

(3)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali żammet l-effetti tad-dispożizzjoni dwar il-kalkolu tal-valur tal-produzzjoni kummerċjalizzata biss safejn il-pagamenti rilevanti jkunu saru diġà sad-data tal-ħruġ tas-sentenza. B’konsegwenza ta’ dan, l-Isati Membri jista’ jkun li ssospendew jew ittardjaw il-pagamenti sal-adozzjoni ta’ regoli ġodda li jissostitwixxu dawk annullati, jew sakemm ikun hemm appell li jkollu effett ta’ sospensjoni.

(4)

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħmel appell kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-każijiet imsemmijin hawn fuq. L-appell tressaq quddiem il-Qorti tal-Unjoni Ewropea fit-12 ta’ Awwissu 2013. Sakemm tinqata’ s-sentenza tal-Qorti dwar l-appell, u sakemm ma tistipulax mod ieħor il-Qorti, l-effetti tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali huma sospiżi.

(5)

L-Artikolu 70 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jistipula li l-għajnuna lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi trid titħallas sal-15 ta’ Ottubru tas-sena ta’ wara s-sena tal-implimentazzjoni tal-programm ta’ tħaddim. Jekk l-għajnuna titħallas wara din id-data, għandu japplika t-tnaqqis stipulat fl-Artikolu 9 tar-Regolament ta’ tal-Kummissjoni (KE) Nru 883/2006 (5).

(6)

Għalhekk jixraq li jiġi estiż il-limitu taż-żmien biex l-Istati Membri jħallsu l-għajnuna finanzjarja lill-Unjoni għall-programmi tat-tħaddim ikkonċernati rigward is-sena ta’ implimentazzjoni 2012, biex jitqies li sakemm għamlet it-talba tal-appell il-Kummissjoni, jista’ jkun li l-Istati Membri ssospendew l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-pagament matul dan il-perjodu.

(7)

Għalhekk jixraq li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jiġi emendat skont dan.

(8)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 70 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, għandu jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“Iżda l-għajnuna għall-programmi implementati fis-sena 2012 rigward frott u ħxejjex maħsubin għall-ipproċessar ma jistgħux jitħallsu aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2013.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Ottubru 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta’ Ġunju 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat (ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1).

(3)  L-Associazione Nazionale degli Industriali delle Conserve Alimentari Vegetali (Anicav) (T-454/10) u l-Agrupación Española de Fabricantes de Conservas Vegetales (Agrucon) et al. (T482/11) vs Il-Kummissjoni Ewropea; (Għadu mhux ippubblikat fil-Ġabra).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1580/2007 tal-21 ta’ Diċembru 2007 li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96, (KE) Nru 2201/96 u (KE) Nru 1182/2007 fis-settur tal-frott u ħxejjex (ĠU L 350, 31.12.2007, p. 1).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 883/2006 tal-21 ta’ Ġunju 2006 li jistipula l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, rigward iż-żamma tal-kotba tal-aġenziji tal-ħlas, id-dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż u tad-dħul u l-kundizzjonijiet ta’ ħlas lura tal-ispejjeż fil-qafas tal-EAGF u tal-EAFRD (ĠU L 171, 23.6.2006, p. 1).