|
3.10.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 261/25 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 946/2013
tat-2 ta' Ottubru 2013
dwar il-ħlasijiet bil-quddiem li għandhom isiru mis-16 ta’ Ottubru 2013 tal-pagamenti diretti elenkati fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad-19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 29(4)(a) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 29(2) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 jistipula li pagamenti taħt skemi ta’ appoġġ elenkati fl-Anness I ta’ dak ir-Regolament għandhom isiru matul il-perjodu mill-1 ta’ Diċembru sat-30 ta’ Ġunju tas-sena kalendarja ta’ wara. Madanakollu, l-Artikolu 29(4)(a) ta’ dak ir-Regolament jippermetti lill-Kummissjoni li tipprovdi għall-pagamenti bil-quddiem. |
|
(2) |
It-temp xejn favorevoli fl-Ewropa, b’xitwa u ammonti tax-xita qliel li wasslu għal għargħar qawwi f’xi Stati Membri, ikkawżaw ħsarat serji lill-produzzjoni tal-għelejjel tar-raba’ u tal-għalf fl-2013. B’riżultat ta’ dan, il-bdiewa kellhom jaffrontaw diffikultajiet finanzjarji enormi, b’mod partikolari l-produtturi tal-ifrat. Dawn id-diffikultajiet ikomplu jiżdiedu bl-effetti tal-kriżi finanzjarja li għaddejja bħalissa li wasslet sabiex diversi bdiewa kellhom jaffrontaw problemi serji ta’ likwidità. Sabiex il-bdiewa jkunu megħjuna jtaffu dawn id-diffikultajiet, ikun xieraq li dawn ikunu jistgħu jirċievu pagamenti bil-quddiem sa 50 % tal-iskemi ta’ appoġġ elenkati fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 73/2009. Fir-rigward tal-pagamenti taċ-ċanga u l-vitella stipulati fit-Taqsima 11 tal-Kapitolu 1 tat-Titolu IV tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, l-Istati Membri għandhom jiġu awtorizzati wkoll biex iżidu l-ħlas tal-pagamenti bil-quddiem kif imsemmija fl-Artikolu 82 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1121/2009 (2), sa 80 % tal-ħlas. |
|
(3) |
Sabiex ikun żgurat li l-pagamenti bil-quddiem jingħaddu mas-sena tal-baġit 2014, dawn għandhom isiru mis-16 ta’ Ottubru 2013. Il-verifika meħtieġa dwar il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà skont l-Artikolu 29(3) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 għandha ssir xorta waħda qabel il-ħlas tal-pagamenti bil-quddiem, fl-interess ta’ ġestjoni finanzjarja tajba. |
|
(4) |
Skont l-Artikolu 18(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 (3), il-Kunsill jista’ jadotta r-rata ta’ aġġustament għall-ħlasijiet diretti sal-1 ta’ Diċembru, fuq proposta mill-Kummissjoni, abbażi ta’ tagħrif ġdid fil-pussess tagħha. Bħala konsegwenza, ir-rata ta’ aġġustament ta’ dixxiplina finanzjarja msemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 eventwalment applikata tista’ ma tkunx magħrufa sas-16 ta’ Ottubru 2013. Għaldaqstant l-akbar ħlas bil-quddiem li jista’ jitħallas għandu jiġi stabbilit bħala persentaġġ tal-pagamenti diretti qabel l-aġġustament imsemmi fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009. Il-ħlas definittiv wara l-1 ta’ Diċembru 2013 se jqis ir-rata ta’ aġġustament finali ta’ dixxiplina finanzjarja applikabbli f’dak iż-żmien. |
|
(5) |
Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Pagamenti Diretti, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Mis-16 ta’ Ottubru 2013, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu pagamenti bil-quddiem lill-bdiewa sa 50 % tal-pagamenti diretti elenkati fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-applikazzjonijiet magħmula fl-2013 mingħajr ma jitqies l-aġġustament msemmi fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, bil-kundizzjoni li tkun tlestiet il-verifika dwar il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009.
Fir-rigward tal-pagamenti taċ-ċanga u l-vitella stipulati fit-Taqsima 11 tal-Kapitolu 1 tat-Titolu IV tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, l-Istati Membri għandhom jiġu awtorizzati biex iżidu sa 80 % l-ammont imsemmi fl-ewwel paragrafu.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Ottubru 2013.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 30, 31.1.2009, p. 16.
(2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1121/2009 tad-29 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 dwar l-iskemi ta’ appoġġ għal bdiewa stipulati fit-Titoli IV u V tiegħu (ĠU L 316, 2.12.2009, p. 27).
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta' Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1).