25.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 253/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 917/2013

tat-23 ta’ Settembru 2013

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 857/2010 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu polyethylene terephthalate li joriġina mill-Iran, il-Pakistan u l-Emirati Għarab Magħquda

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta’ Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   PROĊEDURA

(1)

Bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 857/2010 (2) (“ir-Regolament ikkontestat”), il-Kunsill impona dazji kumpensatorji definittivi li jvarjaw minn EUR 42,34 kull tunnellata għal EUR 139,70 kull tunnellata fuq importazzjonijiet ta’ ċertu polietilene tereftalat b’numru ta’ viskożità ta’ 78 ml/g jew ogħla, skont l-Istandard ISO 1628-5, li joriġinaw mill-Iran, mill-Pakistan u mill-Emirati Għarab Magħquda.

(2)

Fis-6 ta’ Diċembru 2010, il-produttur esportatur li kkoopera fil-Pakistan, jiġifieri Novatex Ltd (“Novatex” jew il-“kumpanija kkonċernata”), ressaq rikors quddiem il-Qorti Ġenerali fejn talab l-annullament tar-Regolament ikkontestat safejn jolqot lir-rikorrent (3).

(3)

Fil-11 ta’ Ottubru 2012, il-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha fil-Kawża T-556/10 (“is-sentenza tal-Qorti Ġenerali”) ikkonstatat li l-fatt li l-Kummissjoni u l-Kunsill naqsu milli jqisu ċ-ċifra li tirriżulta mir-reviżjoni tal-linja 74 tad-dikjarazzjoni tat-taxxa tal-2008 tal-kumpanija kkonċernata u l-iżball li rriżulta minnu affettwa l-legalità tal-Artikolu 1 tar-Regolament ikkontestat safejn id-dazju kumpensatorju definittiv iffissat mill-Kunsill qabeż id-dazju applikabbli kieku ma sarx dak l-iżball. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali annullat l-Artikolu 1 tar-Regolament ikkontestat safejn tikkonċerna lil Novatex u safejn id-dazju kumpensatorju definittiv qabeż dak applikabbli kieku ma sarx l-iżball.

(4)

Fil-kawża T-2/95 (4). il-Qorti Ġeneraliddeċidiet li, f’kawżi fejn proċediment jikkonsisti f’diversi stadji amministrattivi, l-annullament ta’ wieħed minn dawn l-istadji ma jannullax il-proċediment kollu. Dan il-proċediment kontra s-sussidju huwa eżempju ta’ proċediment b’diversi stadji. Għaldaqstant, l-annullament ta’ parti tar-Regolament ikkontestat ma jimplikax l-annullament tal-proċedura kollha qabel l-adozzjoni ta’ dak ir-Regolament. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 266 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma obbligati li jikkonformaw mas-sentenza tal-Qorti Ġenerali. Dan jimplika wkoll il-possibilità li jiġu rimedjati l-aspetti tar-Regolament ikkontestat li wasslu għall-annullament parzjali, filwaqt li l-partijiet mhux ikkontestati li mhumiex affettwati mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali jibqgħu l-istess. Ta’ min jinnota li l-konstatazzjonijiet l-oħra kollha li saru fir-Regolament ikkontestat jibqgħu validi.

(5)

Wara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, fis-17 ta’ Mejju 2013 il-Kummissjoni fetħet parzjalment mill-ġdid l-investigazzjoni kontra s-sussidji rigward l-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilene tereftalat li joriġina, fost l-oħrajn, mill-Pakistan (l-“avviż”) (5). Il-ftuħ mill-ġdid jirrigwarda biss l-implimentazzjoni tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali safejn tikkonċerna lil Novatex.

(6)

Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment bil-ftuħ parzjali mill-ġdid tal-investigazzjoni lill-produtturi esportaturi, lill-importaturi, lill-utenti u lill-fornituri tal-materja prima magħrufin li huma kkonċernati, lir-rappreżentanti tal-pajjiż esportatur u tal-industrija tal-Unjoni. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jagħtu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu li jinstemgħu fil-limitu taż-żmien stipulat fl-avviż. L-ebda parti interessata ma talbet li tinstema’.

(7)

Il-partijiet kollha kkonċernati ġew infurmati bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kien hemm l-intenzjoni li tiġi rrakkomandata l-impożizzjoni tad-dazju kumpensatorju definittiv emendat fuq Novatex. Huma ngħataw perjodu ta’ żmien li fih setgħu jagħmlu rappreżentazzjonijiet wara l-komunikazzjoni tal-informazzjoni.

B.   IMPLIMENTAZZJONI TAS-SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI

1.   Rimarka preliminari

(8)

Ta’ min ifakkar li r-raġuni għall-annullament parzjali tar-Regolament ikkontestat kien il-fatt li l-Kummissjoni u l-Kunsill kien imisshom qiesu l-fatt li l-linja 74 tad-dikjarazzjoni tat-taxxa tal-2008 tal-kumpanija kkonċernata kienet ġiet riveduta.

2.   Kummenti tal-partijiet interessati

(9)

Qabel l-iskadenza applikabbli biex jintbagħtu l-kummenti, il-kumpanija kkonċernata kkummentat li wara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, id-dazju kumpensatorju definittiv għall-importazzjonijiet lejn l-Unjoni ta’ ċertu polietilene teraftalat li joriġina mill-Pakistan għandu jitnaqqas b’1,02 %. Novatex sostniet ukoll li d-dazju kumpensatorju applikabbli għal Novatex għandu jkun iffissat għal 4,1 % jew EUR 35,39 kull tunnellata mill-1 ta’ Ġunju 2010 (id-data allegata ta’ dħul fis-seħħ tad-dazju provviżorju).

(10)

Ma waslu l-ebda kummenti ulterjuri ta’ sustanza mal-ftuħ parzjali mill-ġdid.

3.   Analiżi tal-kummenti

(11)

Wara l-analiżi tal-kummenti ta’ hawn fuq, huwa kkonfermat li l-annullament tar-Regolament ikkontestat fir-rigward ta’ Novatex, safejn id-dazju kumpensatorju definittiv jaqbeż id-dazju applikabbli fin-nuqqas tal-iżball identifikat mill-Qorti, ma għandux jimplika l-annullament tal-proċedura kollha qabel l-adozzjoni ta’ dak ir-Regolament.

(12)

Il-kalkolu mill-ġdid tar-rata tad-dazju tas-sussidju ta’ Novatex, meta titqies il-linja 74 riveduta tad-dikjarazzjoni tat-taxxa tal-kumpanija, effettivament jirriżulta f’ammont ikkoreġut ta’ EUR 35,39 kull tunnellata.

(13)

Ir-rata tad-dazju riveduta għandha effettivament tapplika retroattivament, jiġifieri mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ikkontestat.

4.   Konklużjoni

(14)

Ittieħed kont tal-kummenti li saru, u, wara l-analiżi tagħhom, il-konklużjoni hija li l-implimentazzjoni tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali għandha tieħu l-forma ta’ reviżjoni tar-rata tad-dazju kumpensatorju applikabbli għal Novatex, li għandha titnaqqas minn EUR 44,02 kull tunnellata għal EUR 35,39 kull tunnellata. Peress li Novatex kienet l-uniku produttur esportatur tal-prodott ikkonċernat fil-Pakistan tul il-perjodu ta’ investigazzjoni, din ir-rata tad-dazju riveduta tapplika għall-importazzjonijiet kollha mill-Pakistan. Ir-rata tad-dazju riveduta għandha tiġi applikata retroattivament, jiġifieri mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ikkontestat. Madankollu, kif previst fl-Artikolu 2 ta’ dak ir-Regolament, l-ammonti depożitati bħala dazju kumpensatorju provviżorju skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 473/2010 fuq l-importazzjonijiet mill-Pakistan jistgħu jinġabru b’mod definittiv biss bir-rata tad-dazju kumpensatorju definittiv ta’ EUR 35,39 għal kull tunnellata, imposta bis-saħħa tal-emenda preżenti għall-Artikolu 1 tar-Regolament ikkontestat. L-ammonti depożitati li jaqbżu r-rata tad-dazju kumpensatorju definittiv għandhom jiġu rilaxxati. Barra dan, fl-interessi tat-trasparenza, għandu jiġi ppreċiżat li r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 473/2010 (6) daħal fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri fit-2 ta’ Ġunju 2010 (u mhux fl-1 ta’ Ġunju 2010 kif sosniet Novatex).

(15)

L-awtoritajiet doganali għandhom jingħataw struzzjonijiet biex jipproċedu bir-rimborż tal-ammont tad-dazji mħallsa li jaqbżu l-ammont ta’ EUR 35,39 kull tunnellata għall-importazzjonijiet ikkonċerati, b’konformità mal-leġiżlazzjoni doganali applikabbli.

C.   DIVULGAZZJONI

(16)

Il-partijiet interessati ġew infurmati bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kien hemm l-intenzjoni li tiġi implimentata s-sentenza tal-Qorti Ġenerali. Il-partijiet interessati kollha ngħataw opportunità biex jikkummentaw, fil-perijodu ta’ 10 ijiem preskritt fl-Artikolu 30(5) tar-Regolament bażiku.

(17)

Ma waslu l-ebda kummenti ta’ sustanza.

D.   EMENDA TAL-MIŻURI

(18)

Fid-dawl tar-riżultati ta’ dan il-ftuħ parzjali mill-ġdid, jitqies xieraq li d-dazju kumpensatorju applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilene tereftalat b’numru ta’ viskożità ta’ 78 ml/g jew ogħla, skont l-Istandard ISO 1628-5, li joriġinaw mill-Pakistan jiġi emendat għal EUR 35,39 kull tunnellata.

(19)

Din il-proċedura ma taffettwax id-data li fiha ser jiskadu l-miżuri imposti mir-Regolament ikkontestat, jiġifieri t-30 ta’ Settembru 2015,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   It-tabella fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 857/2010 hija sostitwita b’dan li ġej:

“Pajjiż

Rata tad-dazju kumpensatorju definittiv

(EUR/tunnellata)

L-Iran: il-kumpaniji kollha

139,70

Il-Pakistan: il-kumpaniji kollha

35,39

L-Emirati Għarab Magħquda: il-kumpaniji kollha

42,34 ”

2.   Ir-rata tad-dazju riveduta ta’ EUR 35,39 kull tunnellata għall-Pakistan għandha tkun applikabbli mit-30 ta’ Settembru 2010.

3.   L-ammonti ta’ dazji mħallsa jew entrati fil-kontijiet skont l-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 857/2010 fil-verżjoni inizjali tiegħu u l-ammonti ta’ dazji provviżorji miġbura definittivament skont l-Artikolu 2 tal-istess Regolament fil-verżjoni inizjali tiegħu, li jaqbżu dawk kif stabbilit fuq il-bażi tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament, għandhom jitħallsu lura jew jiġu rimessi. Il-ħlas lura u r-remissjoni għandhom jintalbu mingħand l-awtoritajiet doganali nazzjonali skont il-leġiżlazzjoni doganali applikabbli. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Settembru 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

V. JUKNA


(1)  ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93.

(2)  Ir-Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 857/2010 tas-27 ta’ Settembru 2010 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu polyethylene terephthalate li joriġina mill-Iran, il-Pakistan u l-Emirati Għarab Magħquda (ĠU L 254, 29.9.2010, p. 10).

(3)  Kawża T-556/10 Novatex Ltd v il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

(4)  Kawża T-2/95 Industrie des poudres sphériques (IPS) v il-Kunsill [1998] ECR II-3939.

(5)  ĠU C 138, 17.5.2013, p. 32.

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 473/2010 tal-31 ta’ Mejju 2010 li jimponi dazju kumpensatorju provviżorju fuq importazzjonijiet ta’ ċertu polyethylene terephthalate li joriġina mill-Iran, il-Pakistan u l-Emirati Għarab Magħquda (ĠU L 134, 1.6.2010, p. 25).